Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' proprjetajiet madwar Malta u Għawdex, li għandhom servizz kemm tad-dawl kif ukoll tal-ilma li hu kummerċjali, maqsuma lokalità lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' proprjetajiet madwar Malta u Għawdex li għandhom servizz tad-dawl biss li hu kummerċjali, maqsuma lokalità lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' proprjetajiet madwar Malta u Għawdex li għandhom servizz tal-ilma biss li hu kummerċjali, maqsuma lokalità lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-avukati in house tal-Wasteserv u liema huma l-avukati minn barra li ngħataw xogħol legali mill-Wasteserv fl-2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u x’inhuma r-rati ta’ ħlas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Deputati tal-Gvern
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min kienu / huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ingħataw xi kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, minn aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hi responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat x'tip ta' konsulenza kienu qed jagħtu, fejn kienu qegħdin iservu, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu ingaġġati (jekk hux b’sejħa pubblika, direct order, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kemm-il darba tingħatax kura u attenzjoni neċessarja lis-siġar taż-żebbuġ senjatament iż-żbir tal-istess, li jinsabu f’żoni pubbliċi f’Santa Luċija u jekk jistax jiġi indikat kemm hemm effettivament siġar taż-żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, fil-lokalità msemmija, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir m’humiex responsabbli għall-immaniġġjar ta’ siti fejn hemm imħawla siġar taż-żebbuġ.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk kemm-il darba tingħatax kura u attenzjoni neċessarja lis-siġar taż-żebbuġ senjatament iż-żbir tal-istess, li jinsabu f’żoni pubbliċi f’Raħal Ġdid u jekk jistax jiġi indikat kemm hemm effettivament siġar taż-żebbuġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green hija responsabbli minn Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid li fih hemm 110 siġra taż-żebbuġ. L-uffiċjali tal-Aġenzija jagħtu kura lil dawn is-siġar flimkien ma’ siġar u arbuxelli oħrajn li jinsabu f’dan il-ġnien, li tinkludi moniteraġġ regolari tas-siġar biex issir tisqija skont kif meħtieġ u tingħata attenzjoni partikolari lil dawk is-siġar taż-żebbuġ li għadhom mhux maturi. Fost miżuri oħrajn li jittieħdu biex jiġu mħarsa s-siġar hemm dik li ssir żabra annwali fil-perjodu adegwat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Direct Orders
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul l-2023?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Infurmata li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant, jinqabeż l-advisory cost limit.
Fid-dawl li minkejja d-diversi wegħdiet tal-Gvern li l-proġett tal-Kalkara u t-toroq tal-madwar ser ikunu lesti sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 u minkejja li bdejna Frar 2024 u dan il-proġett għadu mhux lest, tista’ l-Ministru tgħid:
i. x’fadal isir f’dan il-proġett sabiex ikun kompletament lest; u
ii. meta dan il-proġett ser ikun kompletament lest?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li waqt li kien qed isir tħaffir biex jgħaddu servizzi ġodda tad-dawl, tal-ilma u tad-drenaġġ min-naħa tal-pjazza li twassal sat-tarf tat-telgħa fid-direzzjoni lejn l-Esplora, il-kuntratturi ltaqgħu ma’ diffikultajiet li kienu dovuti b’mod partikolari għal dħul kontinwu tal-ilma baħar fit-trinek li kien ġej minn taħt it-triq li nbniet fuq art li kienet riklamata mill-baħar snin ilu. Sadattant, tlestew ix-xogħlijiet ta’ natura strutturali fiż-żona tal-pjazza u t-toroq madwarha nfetħu mill-ġdid. Tħawlu wkoll siġar maturi u ġiet installata s-sistema ta’ CCTV.
Fil-jiem li ġejjin għandu jibda x-xogħol fuq l-asfaltar tat-triq il-ġdida u tkun installata sistema ta’ street lighting tul il-prominad kollu kif ukoll fil-pjazza, u anke se jiġu installati bandli ġodda. Sakemm ma jinqalgħux diffikultajiet oħrajn mhux mistennija, huwa mmirat li x-xogħol fuq dan il-proġett jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż Żabbar issottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu ameljorati spazji miftuħa jew maħluqa spazji miftuħa ġodda?
Jekk fl-affermattiv:
i. kemm proġetti ġew sottomessi minn dan il-Kunsill Lokali u liema huma dawn il-proġetti;
ii. kemm hija l-istima għal kull proġett sottomess; u
iii. kemm minn dawn il-proġetti ġew approvati minn Project Green biex ikunu attwati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li Project Green ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għall-iskema Community Greening Grant mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel kwart tas-sena li għaddiet l-Aġenzija estendiet il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar b’madwar 2,000 metru kwadru. Din iż-żona tal-park saret picnic area u fiha tħawlu 250 siġra u arbuxelli kif ukoll ġew installati bankijiet magħmula b’materjal sostenibbli.
Barra minn hekk, ftit tax-xhur ilu ġewwa l-istess park infetħet l-ewwel korsa tal-ostakli pubblika. Din il-korsa mifruxa fuq medda ta’ 2,700 metru kwadru għandha 10 ostakli differenti. Il-korsa fiha sekwenza ta’ sfidi interkonnessi li huma mmirati biex irawmu s-saħħa fiżika, l-aġilità u l-kordinazzjoni.
F’Ħaż-Żabbar is-sena l-oħra saru wkoll tliet proġetti f’żoni urbani minn Greenserv, fejn ir-residenti qegħdin igawdu minn tliet żoni mħaddra li nħolqu fi Triq is-Santwarju, Triq Biċċieni u Triq Santa Duminka.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Kunsill Lokali ta' Swieqi issottomettiex applikazzjoni/applikazzjonijiet ma’ Project Green biex jiġu ameljorati spazji miftuħa jew maħluqa spazji miftuħa ġodda?
Jekk fl-affermattiv, tista’ tgħid:
i. Kemm proġetti ġew sottomessi minn dan il-Kunsill Lokali u liema huma dawn il-proġetti?
ii. Kemm kienet l-istima għal kull proġett sottomess?
iii. Kemm minn dawn il-proġetti ġew approvati minn Project Green biex ikunu attwati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni mressqa mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi lil Project Green kienet relatata mal-iskema ta’ tħawwil ta’ siġar fejn hu ambjentalment possibbli. Filwaqt li għad iridu jiġu determinati siti li fihom possibilment jistgħu jitħawlu siġar, l-Aġenzija għamlet interventi ta’ tindif u anke tneħħew siġar invażivi minn Wied Mejxu li jagħmel parti mill-konfini ta’ din il-lokalità.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm spazji pubbliċi fis-Swieqi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir m’humiex responsabbli għall-immaniġġjar tal-ebda spazju pubbliku fil-lokalità msemmija.
Chadwick Lakes — Konkos li ntrema/tpoġġa mal-ġenb tat-triq
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk konkos li ntrema/tpoġġa mal-ġenb tat-triq fiċ-‘Chadwick Lakes’, hux ser jitneħħa jew sarx għal xi raġuni mill-ħaddiema tal-Ministeru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-investigazzjonijiet preliminari li saru ma rriżultax li kien hemm xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li remiet jew poġġiet xi konkos kif indikat. Filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tinvestiga aktar fid-dettall biex jekk jirriżulta li ntrema xi konkos isiru interventi ta’ tindif, l-Onor. Interpellant ikun qed jgħin f’dawn l-investigazzjonijiet jekk jindika b’mod aktar speċifiku s-sit fejn sar l-allegat rimi.
Chadwick Lakes — Xogħol fuq ħitan tas-sejjieħ imwaqqgħin
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se jsir xogħol fuq ammont ta’ ħitan tas-sejjieħ imwaqqgħin fiċ-Chadwick Lakes?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15536, ninsab infurmata li qed jitħejjew pjanijiet biex il-ħitan tas-sejjieħ jiġu restawrati fejn hemm bżonn.
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitnaddaf il-Wied taċ-‘Chadwick Lakes’ minn skart u ħmieġ ieħor?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 11675 u 15536, inżid ninfurmah li fil-parti tal-wied fejn l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma kienet wettqet proġett ta’ riabilitazzjoni fuq medda ta’ żewġ kilometri, ix-xogħol fuq ir-restawr ekoloġiku baqa’ għaddej kontinwament bl-involviment tal-għaqda volontarja Nature Trust Malta. Barra minn hekk, fil-partijiet pavimentati, l-kontenituri tal-iskart jitbattlu t-Tnejn, l-Erbgħa u s-Sibt, filwaqt li t-Tnejn u l-Ħamis isir ukoll xogħol ta’ knis. Interventi aktar spissi jsiru wara kull maltempata.
F’din il-parti tal-wied isir ukoll monitoraġġ kontinwu permezz tas-sistema tas-cctv u dan iservi wkoll ta’ deterrent kontra r-rimi tal-iskart u reati oħra. Il-kumplament tal-wied jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Project Green u, hawnhekk ukoll, qiegħed isir monitoraġġ regolari sabiex jinġabar l-iskart u jitnaddaf kull ħmieġ ieħor li sfortunatament għadu jintrema fil-widien minn ftit persuni rresponsabbli.
Tista’ l-Ministru tgħid meta jingħata t-tarmak fit-toroq li qed isir ix-xogħol fihom minħabba sistemi elettriċi fir-Rabat, Mtarfa u Ħad-Dingli, hux ser issir il-wisgħa tat-triq kollha jew it-trinka biss?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jintemm ix-xogħol ta’ cables biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku taż-żona indikata, il-wiċċ tat-toroq konċernati jsir skont ir-rekwiżiti tal-permess ta’ dawn ix-xogħlijiet mill-awtoritajiet konċernati.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport irċieva l-operatur tar-Reverse Vending Machines (RVMs) dwar ħsarat fil-magni li jinsabu f'Ħaż-Żebbuġ mill-ġurnata li bdiet titħaddem l-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb sal-lum? Għal kull waħda mill-magni f'Ħaż-Żebbuġ, tista' l-Ministru tgħid għal kemm perjodu ta' żmien damu 'out of service' u f'kull istanza fejn sofrew ħsarat matul dan il-perjodu ta' żmien? Tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar id-dewmien minn meta l-operatur ġie mgħarraf bil-ħsarat sakemm għamel ix-xogħol ta' tiswija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ir-reverse vending machines huma mħaddma minn operatur privat. Ir-regolatur, li huwa Circular Economy Malta, jsegwi rapporti ta’ diffikultajiet bħal dawk imsemmija mill-Onor. Interpellanta.
Persuni li jkollhom bżonn għajnuna jistgħu jikkuntattjaw lill-operatur jew jinfurmaw lil Circular Economy Malta fuq 2226 8200 jew info@cemalta.gov.mt. L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-operatur privat.
Il-kontenituri tax-xorb jistgħu jittieħdu wkoll fil-ħwienet li jbiegħu dawn il-prodotti u jirċievu r-rifużjoni tagħhom mingħandhom, anke jekk ma jkollhomx reverse vending machines.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex ir-riżorsi meħtieġa, inkluż tagħmir tekniku u persunal imħarreġ, biex tiddentifika, u timmaniġġja b’mod effettiv kwistjonijiet ta’ rwejjaħ? Tista’ tipprovdi dettalji dwar kwalunkwe inizjattiva reċenti jew titjib f’dan il-qasam?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tiffoka fuq dawk l-attivitajiet li għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw impatt ambjentali negattiv. Fejn attivitajiet ikunu suġġetti għal permessi ambjentali l-Awtorità tintervjeni fuq l-infurzar tal-kundizzjonijiet kollha tal-permess, inkluż jekk ikun hemm kundizzjonijiet li jirregolaw impatti ta’ rwejjaħ. Ix-xogħol primarju tal-Awtorità huwa l-moniteraġġ tal-kwalità tal-arja skont id-dispożizzjonijiet tad-direttiva 2008/50/EC li tirrigwarda Ambient Air Quality and Cleaner Air for Europe, fejn din id-direttiva tiffoka fuq parametetri li jiġu monitorjati regolarment mill-ERA. F’dan ir-rigward l-ERA ghandha kemm ir-riżorsi umani mħarrġin sew kif ukoll tagħmir tekniku suffiċjenti biex tkun tista’ tagħmel tali monitoraġġ b’mod effettiv.
Ta’ Ċenċ — Xogħlijiet mill-Water Services Corporation
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14056 rigward fiex jikkonsistu u ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet li nbdew iktar minn xahrejn ilu mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fit-triq li twassal għall-ġibjuni tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex fejn ġie mwieġeb li 'tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett' tista’ l-Ministru tgħid għala għadha ma ġietx asfaltata t-trinka li saret numru ta' ġimgħat ilu peress li fit-tweġiba ntqal li x-xogħol fuq l-ewwel fażi tlesta? Tista’ tgħid ukoll meta ser tiġi asfaltata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’komunikazzjoni mal-kuntrattur sabiex jingħata l-asfalt fil-ġimgħat li ġejjin.