Legislature:
Category:
Reset
Active:

ERA – azzjoni dwar nylon mormi fil-baħar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi tagħmel l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) flimkien mad-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura dwar nylon li qed jintuża darba għas-sajd tal-lampuki u ma jiġix irkuprat (li jirriżulta li huma mijiet ta’ tunnellati), u li qed jiġu mormija fil-baħar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infakkkar lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 2709, Fil-frattemp infurmata wkoll li bħala parti mill-immaniġġjar tas-siti marittimi protetti, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, b’diskussjonijiet mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, inkludiet miżura għal titjib fir-rappurtaġġ ta’ rkaptu tas-sajd mitluf, u sabiex jerġa’ jsir stħarriġ, flimkien mas-sajjieda, dwar il-possibilità ta’ rkaptu alternattiv għas-sajd tal-lampuki. Dawn il-miżuri ser jiġu implementati fiż-żmien li ġej.

Green walls – rendikont tal-infiq

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tan-nefqa fuq il-green walls li saru u tgħid kemm-il darba kien hemm il-bżonn illi jinbidlu xi qsari b'mod rispettiv għal kull green wall illi sar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Ambjent Malta iffinanzjat il-green walls, inkluż ħames snin manutenzjoni, fil-lokalitajiet imsemmija hawn taħt: · Mosta Technopark €128,686.59 · Marsa Industrial Estate €305,556.59 · Kordin Industrial Estate €162,773.79 · Marsa/Hamrun Bypass €478,858.10 · Floriana €13,200.00 · Ħamrun €15,150.00 · Żebbuġ €28,250.00 · St.Thomas Moore School €12,414.00 Infurmata wkoll li dwar il-greenwall li hemm f’Raħal Ġdid, dan sar b’investiment ta’ €30,0000. Ambjent Malta għamlet il-moniteraġġ ta’ dan il-greenwall għall-ewwel 6 xhur mit-tħawwil tal-pjanti u l-proġett issa huwa f’idejn il-kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li huwa responsabbli miż-żamma tiegħu. Il-pjanti li bihom huma mgħammra dawn il-green walls mhumiex pjanti staġjonali u jinbidlu bis skond in-neċessitajiet fosthom mard jew mewt tal-pjanta rispettiva.

Skips u bins on wheels

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex il-ħsieb illi l-iskips u l-bins on wheels ma jibqgħux permissibbli fit-toroq tagħna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ir-Regolamenti dwar l-Iskart (L.S. 549.63), kull Kunsill Lokali huwa obbligat li għal kull elfejn abitant tal-lokalità, jalloka spazju għal Recycling Point, u dan sabiex ikun hemm aktar separazzjoni tal-iskart fil-komunità. Barra minn hekk, taħt ir-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Postijiet jew Żoni Pubbliċi (L.S. 549.40) jistgħu jiġu awtorizzati laned taż-żibel jew reċipjenti konvenjenti għad-depożitu tal-iskart ħdejn stabbilimenti kummerċjali. Dawn ir-regolamenti m’hemmx ħsieb li jinbidlu.

Skema tal-BCRS — konsum ta’ fliexken – ħlas ta’ għaxar ċenteżmi

Question

Dwar l-iskema tal-BCRS, tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex permessibbli li jekk flixkun li jaqa' fl-iskema tal-BCRS jiġi kkonsmat fil-post fejn inxtara, hemmx lok li jkun hemm xorta t-talba għall-ħlas tal-għaxar ċenteżmi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tal-Beverage Container Recycling tagħmilha ċara li m’għandu jkun hemm l-ebda ħlas tad-depożitu jekk ix-xorb ikun ikkonsmat fl-istabbiliment tal-catering. L-ammont jitħallas biss jekk il-konsumatur ikun xtara x-xorb għall-konsum barra mill-istabbiliment (take away) u għalhekk ikun ħa l-kontenitur miegħu.

Statistika dwar ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u tal-ilma

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4629 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4315, nispeċifika li bil-kelma “kontijiet” kont qed nifhem Accounts (meters) differenti u mhux kull invoice li tinħareġ kull xahrejn. Fi kliem sempliċi, tista' l-Ministru tagħti informazzjoni li turi kemm hemm numru ta' Residenzi, Meters Domestiċi, u Meters Industrijali, li l-konsum tagħhom annwali jaqa' f'kull waħda mill-brackets, u l-brackets ikunu skalati għal kull €500 sakemm jibqa' jagħmel sens?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5046 u tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof, limiti Tal-Virtù, Rabat, minħabba li r-residenti qed ibatu b'vultaġġ jitla' u jinżel sal-punt li jikkawżalhom ħsarat fl-appliances? Tista' tagħti indikazzjoni meta hu ppjanat li din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li lill-Enemalta ma jirriżultalhiex li fl-inħawi msemmija hemm problemi ta’ vultaġġ. Jekk ningħatha dettalji iżjed preċiżi ta’ liema residenza qed ikollha problemi nkun nista’ ngħaddi l-każ lill-Enemalta sabiex tinvestiga fid-dettall.

Birkirkara – Triq Ħal Qormi – bozoz

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi r-raġuni li għaliha ma hemmx dawl fil-bozoz tal-inħawi ta’ Triq Ħal Qormi f’Birkirkara? Tista’ tgħid meta dan is-servizz se jkun qed jerġa’ lura għan-normal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-post inkwistjoni nstabet linja maqtugħa u din diġà ġiet irranġata mill-ħaddiema tal-Enemalta.

L-Imġarr, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – servizzi tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ servizzi tal-elettriku (arloġġi tad-dawl), skont il-kategoriji differenti ta’ servizzi, li hemm fl-Imġarr, fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, rispettivament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Naxxar – servizz tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-konsum globali tal-elettriku li jintuża ġewwa n-Naxxar? Liema huma dawk id-distribution centres, substations eċċ. li jagħtu s-servizz tal-elettriku ġewwa n-Naxxar? Tista’ tgħid fejn jinsabu s-substations tal-elettriku fil-lokalità tan-Naxxar? Minn liema distribution centres tirċievi s-supply kull substation fin-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsum tal-elettriku mis-substations tan-Naxxar is-sena li għaddiet kien ta’ 47,646MWh. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bil-lista tas-substations li l-Enemalta għandha fin-Naxxar u ma' liema Ċentri ta’ Distribuzzjoni dawn jinsabu mqabbda.

Kunsilli Lokali – ħlas ta’ dawl mill-produzzjoni tal-pannelli solari

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu lura l-kunsilli għal kull unit ta' dawl li qed jipproduċu mill-pannelli solari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rata mħallsa lill-kunsilli lokali għall-elettriku esportat lejn il-grid tiddependi fuq liema arranġament ikunu daħlu fih meta installaw l-installazzjoni pannelli solari.

Proġetti ambjentali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-ammont ta’ proġetti ambjentali li tlestew mis-sena 2020 ‘il quddiem f’dawn il-lokalitajiet: Belt Valletta, Marsa, Santa Venera, Ħamrun, Tal-Pietà u Floriana?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġetti ambjentali li twettqu mis-sena 2020 'il quddiem kienu mifruxa f’bosta nħawi tal-gżejjer Maltin u ma kinux limitati biss għal-lokalitajiet li qed tirreferi għalihom fil-mistoqsija. Madankollu, ninsab infurmata li fil-lokalitajiet tal-Belt Valletta, il-Marsa, Santa Venera, il-Ħamrun, Tal-Pietà u il-Furjana twettqu madwar 23 inizjattiva ambjentali.

Proġetti ambjentali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-ammont ta’ proġetti ambjentali li huma ppjanati għal din is-sena 'l quddiem f’dawn il-lokalitajiet: Belt Valletta, Marsa, Santa Venera, Ħamrun, Tal-Pietà u Floriana?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta tikkunsidra l-miżuri li joħorġu mill-manifest Malta Flimkien kif ukoll dawk li tħabbru fid-diskorsi tal-baġit tas-snin li għaddew, wieħed isib mhux inqas minn għaxar miżuri ambjentali għalissa li jolqtu direttament il-lokalitajiet imsemmija fil-mistoqsija; dawn minbarra l-għadd kbir ta’ proġetti u inizjattivi ambjentali oħrajn li se jtejbu l-livell tal-ħajja tan-nies fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

Aġenzija Project Green – proġetti ambjentali

Question

Fid-dawl tat-tnedija tal-aġenzija l-ġdida: Project Green, tista’ l-Ministru tgħid kif se jkunu qed jiġu prijoritizzati l-proġetti ambjentali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-aġenzija madwar Malta u Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-proġetti ambjentali taħt ir-responsabiltà ta Project Green jaqgħu f’numru ta kategoriji differenti u għaldaqstant il-kriterji li jintużaw sabiex tiġi stabbilita l-prijorità tal-proġett tvarja skond in-natura u l-karatteristiċi tal-proġett innifsu. Madankollu bħala linja gwida il-proġetti qegħdin ikunu prijoritizzati skont l-impatt pożittiv li dawn mistennija jħallu fuq il-lokalitajiet u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u r-residenti fl-inħawi. Sabiex dan issir qed jiġu evalwati numru ta Green Outputs għal kull proġett li qiegħed jiġi evalwat. Dawn il-Green Outputs huma pubbliċi u jistgħu jiġu aċċessati minn fuq is-sit elettroniku ta' Project Green u jinkludu fost l-oħrajn l-ammont f’metri kwadri ta spazji ħodor ġodda li se jkunu qed jinħolqu, il-livell ta afforestazzjoni marbut mal-proġett, iż-żieda fl-accessibilita għall-mobbiltà alternattiva, l-użu ta materjal sostenibbli fil-proġett innifsu, u fuq kollox l-ammont ta persuni li jgħixu f’anqas minn 10 minuti miexi mil-proġett. Dan filwaqt li qed tingħata prijorità wkoll għal fatturi aktar kwalitattivi bħal l-estetika u l-innovazzjoni fil-proġett u il-mod kif dan jadatta għad-demografija taż-żona.

Għawdex – Kerċem — Għadira ta’ San Rafflu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Għadira ta’ San Rafflu fil-limiti ta’ Kerċem hijiex qed tiġi monitorata u l-ambjent tagħha miżmum u kkontrollat mill-uffiċjali tal-Ministeru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej monitoraġġ fl-Għadira ta’ San Rafflu dwar il-kwalità tal-ilma u tal-ekoloġija skont id-Direttiva li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (Water Framework Directive). Bħala parti minn din l-istess Direttiva, l-immaniġġjar tas-sit isir skont ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha karozzi jaħdmu bl-elettriku fil-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 3944, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, inkluż id-dipartiment u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, bħalissa qed jintużaw disgħa u tmenin vettura elettrika li wieħed u għoxrin minnhom huma mixtrija filwaqt li l-kumplament huma mikrija.

Santa Luċija – toroq li qed jibqgħu mixgħulin lejl u nhar

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn Triq l-Istefanotis, Triq il-Kaħwiela, Triq il-Ġibjun, Triq il-Fortizza, u oħrajn qrib tagħhom f’Santa Luċija ilhom jibqgħu mixgħulin lejl u nhar min-nhar il-Ħamis 19 ta' Jannar, sa tal-inqas it-30 ta' Jannar meta qed issir din il-mistoqsija? F'ċirkostanzi fejn l-effiċjenza u n-nuqqas ta' ħela ta' enerġija saru kwistjonijiet importanti, jista' jkun hemm mekkaniżmu fejn ċirkostanzi bħal dawn jiġu indirizzati b'mod spedit, anke għall-fatt li f'dan il-każ ilu tal-inqas ġimgħa li saru rapporti kemm lill-Enemalta kif ukoll lill-kunsill lokali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, l-Enemalta fl-24 ta’ Jannar irċeviet rapport mill-Kunsill Lokali dwar problema fid-dawl f’xi toroq f’Santa Luċija. It-tiswijiet saru fit-30 ta’ Jannar u l-Enemalta infurmat lil l-kunsill b’dan.

Raħal Ġdid – Triq Brittanja – xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol qiegħed isir fi Triq Brittanja, Raħal Ġdid ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fi Triq Brittanja f’Raħal Ġdid, l-Enemalta qed tgħaddi cables ġodda mis-substation ta’ Triq is-Sultana biex issaħħaħ id-distribuzzjoni għall-konsumaturi ta’ dawk in-naħat. Waqt dawn ix-xogħlijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet l-opportunità biex tibdel il-mains tal-ilma, tinstalla servizzi ġodda għar-residenti u tagħmel xogħol ta’ rinovar fuq il-manholes tad-drenaġġ.

It-Tielet Distrett Elettorali — tqassim ta’ tagħmir domestiku lill-familji fil-bżonn

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5656, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid kemm kien in-numru ta’ persuni/familji meqjusa bhala foqra li bbenefikaw mit-tqassim ta’ tagħmir domestiku fit-Tielet Distrett Elettorali? Lil min għandhom jikkuntattjaw dawn il-familji, biex ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, mill-2017 sal-aħħar tal-2022, tqassmu mat-tlieta u sittin tagħmir domestiku fil-lokalitajiet tat-Tielet distrett. Tajjeb nippreciża li din l-iskema tapplika għal Malta u Għawdex kollu. Dan it-tagħmir għin lill-dawn il-familji biex jaqilbu għal-apparat iktar effiċjenti. Din hija skema imħaddma mil-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, liema każijiet ikunu rakkomandata lilha minn Social Workers u l-uffiċjali ta' l-aġenzija. Din tapplika għal persuni li huma meqjusa vulnerabbli rrespetivament mid-distrett.

Birżebbuġa – Tal-Papa – dawl tat-triq

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4453 u 4754, tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li residenti ta' Birżebbuġa li joqogħdu fl-area Tal-Papa għadhom ibatu minn qtugħ ta' dawl fuq bażi regolari? Tista’ tgħid meta se jsiru t-tiswijiet neċessarji biex jinqata’ l-inkonvenjent li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq darba għal dejjem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Peress li din il-mistoqsija mhix tispeċifika jekk hiex dwar id-dwal tat-toroq jew tar-residenzi, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta fi Triq il-Ġebel sabet diversi lampi maqtugħin li huma fir-responsabiltà tal-kunsill. Jekk il-mistoqsija qed tirreferi għal residenzi, ninfurmah li l-Enemalta għadha kif għaddiet sitt feeders ġodda fl-inħawi tal-Papa u tal-Housing Estate. Ix-xogħol fuqhom u fuq il-linji tal-elettriku minnhom ser ikun lest f’dawn il-ġranet. B’hekk għandha tissolva l-problema tal-provvista tad-dawl f’din iż-żona. Dan huwa wieħed mill-bosta proġetti li qed isiru mill-Enemalta bħala parti mil-pjan ta’ 90 miljun ewro fuq sitt snin għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni.

Birżebbuġa – Triq iż-Żibra u ż-żona tal-Papa – Upgrading tas-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibda x-xogħol ta' upgrading tas-sistema tad-drenaġġ fi Triq iż-Żibra u fiż-żona Tal-Papa, f'Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq iż-Żibra bdew. Ma hemmx skedat xogħol ta’ upgrading fiż-żona tal-Papa għalissa, għaliex se jkun upgraded in-network li jgħaqqad ma’ dik iz-zona.