Ta’ Qali — Petting Farm - Luna Park - Benessere tal-annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx evalwazzjoni fuq il-benesseretal-annimali kollha ġewwa l-Petting Farm f'Ta' Qali qabel ġie allokat il-post għal Luna Park eżatt ħdejhom?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tax kas jew weġibx għall-istqarrija li għamlet l-istess Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali biex il-Luna Park f'Ta' Qali ma titpoġġiex eżatt ħdejn il-Petting Farm minħabba storbju li żgur se jikkawża stress fuq l-istess annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijet tal-Annimali ma kienx involut f’għażla tas-sit għal-Luna Park. Madanakollu, minn spezzjonijiet ġewwa l-Petting Farm f’Ta’ Qali li wettaq id-Dipartiment responsabbli mill-benesseri tal-annimali, irriżulta li ma kienx hemm sinjali ta’ stress li jaffettwaw l-imġiba u l-benesseri tal-annimali waqt li l-Luna Park kienet qed topera.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2023?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux ser jissekonda persuna mis-Servizz Pubbliku għal mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd biex tgħin fl-operat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddej bi proċess ta’ evalwazzjoni fi ħdan il-Ministeru, u sal-lum għadu ma ġietx identifikata l-persuna adatta mis-Servizz Pubbliku sabiex tiġi ssekondata mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd.
Jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim sar biex jiġu mqassma l-kwoti tat-tonn din is-sena? Jista’ jgħid ukoll min u f'liema ammonti se jgawdi minn dawn il-kwoti u kemm se tkun il-bycatch din is-sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li ma kien hemm l-ebda żieda fil-kwota tat-Tonn, sar roll-over mill-kundizzjonijiet tas-sena l-oħra, b’dawn l-aġġustamenti:
· Is-sidien tal-bastimenti “Storiċi” li għandhom iktar minn bastiment wieħed u li ma kinux ingħataw żieda fil-kwota fuq il-bastimenti tagħhom kollha fis-sena 2023, din is-sena ingħataw żieda fil-kwota fuq il-kumplament tal-bastimenti tagħhom. Minn din l-inizjattiva gawdew 7 sajjieda li ħadu kwota fuq 19 il-bastiment.
· Barra minn hekk, għall-ewwel darba, minbarra s-sajjieda tal-bastimenti Storici, sajjieda fit-taqsima Settorjali, Żgħażagħ u MFAs oħra, ingħataw iċ-ċans li jiffurmaw Joint-Ventures flimkien. Dan sar sabiex is-sajd għal speċi oħra, bħal pixxispad, alungi etc, ikun jista’ jibqa jsir mingħajr ma jitilfu ċ-ċans li jużaw il-kwota tat-Tonn li ġiet allokata lilhom. Kien hemm 9 bastimenti fit-taqsima Settorjali li għażlu li jagħmlu Joint-Venture, 2 fit-taqsima Żgħażagħ u 3 fit-taqsima MFAs oħra.
· Inġab ukoll il-permess mill-Unjoni Ewropeja/ICCAT biex Malta tkun tista’ tuża il-kwota li ma ntużatx is-sena l-oħra. Dan l-ammont kien jinkludi 4,603Kg u se jintuża din is-sena għal kontinġenza u qabdiet inċidentali.
L-ammonti tal-kwoti u l-bycatch għal din is-sena huma kif ġej:
Tqassim ta' Kwota 2024
315,914
Bastimenti Storiċi (tinkludi 11,000Kg imqassma lil dawk il-bastimenti li iddeċidew li jistadu
73,297
Settorjali
25,200
Sajjieda Żgħażagħ
3,500
Rikrejazzjonali
8,000
MFAs oħra
5,000
Qabdiet inċidentali (MFB)
2,519
Kontinġenza
4,630
Kwota li ma ntużatx f'2023
438,060
Kwota mqassma 2024
433,430
Kwota allokata għal Malta 2024
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il trasferiment ta' kwoti tat-tonn saru matul dawn l-aħħar ħames snin sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ trasferimenti ta' kwoti tat-tonn, li saru matul dawn l-aħħar ħames snin, huma kif ġej:
Sena
Numru ta’ Trasferimenti għall-Purse Seiner
Numru ta’ Trasferimenti minn bastiment għall-bastiment
Total ta’ Trasferimenti
2020
85
11
96
2021
43
11
54
2022
55
3
58
2023
59
5
64
2024
44
18
62
Jista’ l-Ministru jgħid jekk faċilitajiet sanitarji u xi kmamar oħra li kienu jintużaw mill-ħaddiema tas-sigurtà fl-Għammieri u li ttieħdulhom reċentament, hux se jerġgħu jingħatawlhom lura jew jekk hux se jingħataw xi faċilitajiet oħra simili?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawn il-kmamar ittieħdu temporanjament bħala prekawzzjoni għas-saħħa u s-sigurtà sakemm isir xogħol ta’ manutenzjoni wara talba mill-istess sezzjoni tas-sigurtà u bi qbil mat-tmexxija tas-sezzjoni tas-sigurtà. Wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet, l-uffiċjali tas-sigurtà ser ikollhom kmamar u faċilitajiet aħjar mgħammra skont standards moderni. Dan ix-xogħol qed isir bħala parti minn numru ta’ xogħlijiet u inizjattivi li qed jittieħdu ġewwa l-Għammieri u li mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Lulju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu kwoti tat-tonn ġodda mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwoti ġodda tat-tonn mill-2020 sal-lum huma kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
Differenza fil-kwota mis-sena ta' qabel (Numru ta’ bastimenti)
2020
+58
2021
+10
2022
+3
2023
+119
2024
-9
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Reklami fuq online portals - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu f’reklami fuq online portals mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn ir-reklami, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-online portal li l-Ministeru xtara r-reklami?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm liċenzji MFB li qalbu MFA sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Bastimenti fil-kategorija MFB li qalbu għal MFA, sena b'sena mill-2013 sal-lum, huwa kif jidher fit-tabella segwenti:
Sena
Bidla fil-Kategorija minn MFB għal MFA
2013
10
2014
3
2015
16
2016
6
2017
2
2018
2
2019
9
2020
15
2021
19
2022
7
2023
5
2024
3
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li kemm-il kaxxi kbar u kemm-il kaxxi żgħar tal-pitkalija ilhom ma jinħaslu fuq ġimgħa minn meta qed issir din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infumat li minħabba ħsara, il-magna tal-ħasil ġiet imwaqqfa temporarjament sa kemm saru t-tiswijjiet meħtieġa. Però fil-frattemp, ġiet utilizzata magna oħra tal-ħasil li hemm standby. Madanakollu, ġie assikurat li ma jinħarġux kaxxi maħmuġin u għalhekk ġew utilizzati kaxxi nodfa li kienu fl-istore sakemm is-sitwazzjoni reġgħet lura għan-normal.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18661, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument kif mitlub, peress li tħallew barra l-kwalifiċi ta’ mill-inqas 10 persuni kif indikat fil-lista tad-dokument li qiegħed l-istess Ministru fit-tweġiba?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li dawk il-persuni li qed issir referenza għalihom f’din il-mistoqsija parlamentari huma General Service Grades hekk kif misjuba fil-Ministeri u Dipartimenti kollha madwar is-Servizz Pubbliku, fejn l-ebda kwalifiki terzjarji ma kienu rekwiżiti tal-impjieg. Madanakollu, u hekk kif indikat fit-tabella li kienet pprovduta, dawn l-impjegati kollha ingħataw it-taħriġ meħtieġ relatat mal-impjiegi tagħhom fid-Direttorat in kwistjoni, sabiex jiġi assigurat li dawn jaqdu l-obbligi preżenti b’mod effiċjenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt mal-operatur eżistenti tal-Isptar tal-Annimali għadux in vigore stante l-fatt li kien ġie ffirmat mill-istess Ministeru tiegħu?
B’referenza għat tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19152 u 19158, fejn il-Ministru ta x'jifhem li m'għadux il-Ministru kkonċernat mill-Isptar tal-Ħarsien tal-Annimali, jista’ l-Ministru jgħid b'mod formali lil liema Ministeru/Ministru dan ser ikun qed jappartjeni?
Jista’ l-Ministru jgħid x'ser ikun qed jiġri mill-annimali midruba residenti fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali? Jista' jgħid jekk dawn hux se jibqgħu jiġu trattati f'dan l-istess sptar?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-annimali midruba li jinġabru mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ser ikomplu jingħataw trattamenti fl-Isptar tal-Annimali meta dan jerġa’ jibda jopera u kif ukoll jekk ikun hemm bżonn, fi kliniċi oħra skont l-eżiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta ftehim ser ikun hemm bejn iż-żewġ ministeri differenti biex l-annimali miġbura mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jingħatalhom servizz mediku xieraq?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-konċessjoni oriġinali li kienet fis-seħħ mal-operatur preċedenti ġiet trasferita lill-MCAST, li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, bl-istess kundizzjonijiet, inklużi, u mhux biss, is-servizzi u l-kura veterinarja offruti lid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żoni kollha tal-għawm li huma “animal friendly” u dawk li mhumiex? Jista' jgħid jekk iż-żoni li huma “animal friendly” hux ser jiżdiedu, u jekk iva fejn u meta? Jista’ jgħid ukoll x'sinjali għandhom jiġu pprovduti biex jiddistingwu dawn iż-żoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista taż-żoni kollha tal-għawn hija għal dog friendly u mhux animal friendly. Għaldaqstant, il-lista ta’ żoni li huma animal friendly mhiex possibbli li tingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm, matul dawn l-aħħar ħames snin, ġew importati speċi ta’ għasafar, rettili u annimali oħra li huma mħarsa mill-Convention of International Trade of Wild Fauna and Flora (CITES) u għalhekk kellhom bżonn ċertifikati tas-CITES, minn liema pajjiżi ġew importati, ta’ liema speċi kienu dawn, u kemm kien hemm eżemplari minn kull speċi importata?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.