Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm in-nolle prosequi u/jew ordni li ma għandhom jittieħdu ebda proċeduri skont l-artikolu 569 (6) tal-Kodiċi Kriminal (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) inħarġu mill-Avukat Ġenerali u x'kienu l-akkużi li dwarhom inħareġ in-nolle prosequi u/jew ordni mill-Avukat Ġenerali?
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħata mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, inkluż id-data, il-valur u l-isem tal-persuna u/jew tal-kumpaniji li lilha ngħata, mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri tal-Ġudikatura
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba u/jew ilment rċieva dwar Imħallfin u Maġistrati dwar ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Membri tal-Ġudikatura jew ta’ Kodiċi jew regoli ta’ dixxiplina għall-membri tal-ġudikatura mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet u/jew ilmenti ġew riferuti minnu lill-Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Public Service Expo 2024 - Stands
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-Ministeru tiegħu fil-Public Service Expo 2024? Jista’ jgħid ukoll jekk minbarra l-istand tal-Ministeru tiegħu kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istand tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni fl-Expo 2024 ġiet tiswa €43,880. F'din l-istand kien hemm esperjenza virtwali li tintuża bħala taħriġ mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, apparat li jintuża mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern li jiskenja dokumenti bħala parti mil-proċess ta’ diġitalizzazzjoni li qed isir bħalissa, programm ta’ intelliġenza artifiċjali li ġie programmat apposta għal Qrati Maltin biex tkun tista' ssir it-traskrizzjoni waqt is-seduti, kif ukoll bosta rappreżentati mid-diversi entitajiet li jagħmlu parti mid-dekasteru. L-Expo tas-Servizz Pubbliku żaruha 55,000 persuna u kella t-tema "Ħiliet". L-istess attività serviet ta' tieqa għall-avvanzi li saru fl-amministrazzjoni pubblika f'dawn l-aħħar snin b'aċċenn fuq riżorsi umani, teknoloġija u kwalità.
Jista’ l-Ministru jgħid attwalment liema huma s-sezzjonijiet tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva a tenur tal-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva, Kap. 490 tal-Liġijiet ta’ Malta? Fir-rigward ta’ kull sezzjoni tat-Tribunal, jista' jagħti l-elenku tal-assistenti maħtura għal kull sezzjoni, u f’kull każ jgħid meta kull assistent ġie maħtur u meta tiġi fi tmiemha l-ħatra tiegħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba kienet ġiet ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern datata 4 ta’ Ġunju 2024 u kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Pubblication tal-elenki tat-tribunal ta' revizjoni amministrattiva.pdf
Vjolenza Domestika — Każijiet urġenti - Special time fil-Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex allokat special time fil-Qorti biex ikunu analizzati każijiet urġenti ta’ vjolenza domestika?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi apparti li l-Qorti tal-Maġistrati tisma’ u titratta b’urġenza dawk il-kawżi ta’ vjolenza domestika ta’ natura urġenti, l-istess Qorti talloka seduta kull erba’ ġimgħat speċifikatament għal dawk il-kawżi ta’ vjolenza domestika li jiġu flagged mill-Multi-Agency Risk Assessment and Management (MARAM).
Vjolenza Domestika — Każijiet li jridu jinstemgħu l-ewwel darba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta’ vjolenza domestika li għadhom fuq il-lista biex jinstemgħu għall-ewwel darba?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sat-3 t’Ottubru 2024, l-każijiet ta’ vjolenza domestika li qegħdin fuq il-lista biex jinstemgħu għall-ewwel darba fil-Qrati ta’ Malta huwa fl-ammont ta’ 1927 u fil-Qrati ta’ Għawdex fl-ammont ta’ 12.
Vjolenza Domestika — Seduti għal każijiet li jridu jinstemgħu għall-ewwel darba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hija l-iktar data ’l bogħod għall-ewwel seduta biex każ jibda jinstema’ għall-ewwel darba?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sat-3 t’Ottubru 2024, l-iktar data ‘il bogħod għall-ewwel seduta ta’ kawża ta’ vjolenza domestika hija dik tad-9 ta’ Jannar 2025 fil-Qrati ta’ Għawdex u tat-13 ta’ Frar 2025 fil-Qrati ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm maġistrati li qed jisimgħu każijiet ta’ vjolenza domestika bħalissa u x’inhi l-case load tagħhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 3 Maġistrati li bejniethom jisimgħu kawżi sommarji ta’ vjolenza domestika u kumpilazzjonijiet ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika.
Fil-Qrati ta’ Għawdex hemm Maġistrat wieħed illi jisma’ l-kawżi kollha kriminali fosthom dawk ta’ vjolenza domestika.
Il-Gvern diġa ħabbar l-intenzjoni li jkompli jkabbar il-korp tal-Ġudikatura, inkluż b’aktar Maġistrati u dan biex inkomplu noffru aktar attenzjoni lil dawn it-tip ta’ kawżi. Dawn il-każijiet fil-passat kienu jintilfu ma' kawżi oħra b’ reati li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-vjolenza domestika.
F’din il-leġiżlatura, minn massimu ta’ 2 seduti fil-ġimgħa, l-ammont ta’ seduti tela' għal medja ta’ bejn 6 u 8 seduti fil-ġimgħa u ddaħħlet il-prattika li jkollok Maġistrati ffukati wkoll fuq kumpilazzjonijiet ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika.
Santa Venera — Triq Patri Ġustin Sant - Lift fi Blokk
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20679, jista’ l-Ministru jgħid jekk inħarġitx l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) għal lift fi Blokk H fi Triq Patri Ġustin Sant, Santa Venera u jekk le, għaliex le?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-approvazzjoni għax-xogħlijiet msemmija fil-mistoqsija tiegħu ħarġet mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fis-17 ta’ Lulju 2024.
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Promozzjonijiet/żidiet fl-iskali tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni jew żieda fi skala ngħatat lill-ħaddiema fil-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema grad/skala kienu dawn il-ħaddiema u f'liema grad/skala tpoġġew?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20499 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm tammonta l-obbligazzjoni finanzjarja tal-Gvern lejn l-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni m’għandux obbligazzjoni finanzjarja u ma jgħaddix fondi lill-organizzazzjoni msemmija.
Organizzazzjoni volontarja — Ħlas għall-proprjetajiet f’Pembroke u fil-Belt Valletta
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20501 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm jammontaw il-kirjiet li l-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tħallas għall-proprjetà li għandha ġewwa Pembroke u kemm tħallas għall-proprjetà li għandha ġewwa l-Belt Valletta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20498 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm ingħataw fondi lill-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20502 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm għandha persuni jaħdmu mal-organizzazzjoni volontarja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li huma mħallsin mill-Gvern?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Impjegati u/jew konsulenti li huma f’Kunsill lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-impjegati u/jew konsulenti fis-Segretarjat Ministerjali tiegħu jew ta' kwalunkwe Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu, li huma Kunsilliera Lokali, Viċi Sindki jew Sindki? Jista' f'kull każ jgħid x'inhu l-impjieg u r-rwol tagħhom, x'kuntratt għandhom, u x'inhu s-salarju u l-perkaċċi marbutin miegħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Segretarjat tiegħi hemm impjegat Sindku u Viċi-Sindku.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li ġew riveduti l-Building (Price Control) (Concrete Work and Masonry Work) Regulations, jekk għadhomx applikabbli u f'każ li għadhom applikabbli, kif qed jiġu infurzati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Building (Price Control) ACT u sussegwentament ir-regolamenti (Concrete Work and Masonry Work) Regulations (Kap. 288, SL.288.01 u SL 288.02) kienu ġew imħassra permezz ta' Att XII ta' 2011, u allura ma humiex applikabbli aktar.
L-Att XII ta' 2011 kien l-Att li stabbilixxa l-Kap 513 (Att Dwar Ir-Regolament Tal-Bini) li llum huwa wkoll abrogat u minfloku hemm l-Kap 623 li jirrigwardja l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-avukati jew grupp ta’ avukati li ntgħażlu fl-aħħar call tal-Asset Recovery Bureau?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li data personali ta’ persuni li jokkupaw karigi inqas mill-iskali ta’ management ma jingħatawx sabiex jitħaddem il-prinċipju tal-bilanċ bejn il-protezzjoni tad-data u l-interess pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) tieħux responsabbiltà jekk kemm-il darba jkun hemm kuntrattur jaħdem fit-triq u ssir ħsara lill-proprjetajiet privati? F'dak il-każ, xi rwol għandha l-BCA?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f'seduta oħra.
Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni — Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni - Talbiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru mmexxi minnu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar is-26 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti u jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.