Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bird ringing — Skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb ta' skemi ta' bird ringing oħrajn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa teżisti skema waħda ta' bird ringing. Il-Gvern ma jeskludix li jkun hemm skemi oħrajn hekk kif inhi s-sitwazzjoni f'ħafna Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x’qed ifisser b’uffiċċju addizzjonali.

Ix-Xagħra, Għawdex — Triq ta’ Karkar - Sejħa għal xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17270 li ngħatat fis-27 ta’ Marzu 2024, u tal-mistoqsijiet parlamentari 21563 u 22886 dwar it-tender ‘TXLC/04/2023 Works – Resurfacing of Triq Mannar/Għejjun Junction with Hot rolled Asphalt and resurfacing of small stretch of Triq Karkar, Xagħra (up to base course only) in a resource efficient manner.’ li ħareġ il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, peress li f’dawn l-aħħar disa’ snin u nofs sar ħafna bini fi Triq ta’ Karkar u hi bla wiċċ u tinsab fi stat ħażin ħafna, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali tax-Xagħra u l-Ministeru għal Għawdex issa għalqux? Fiex kienu jikkonsistu? X’kien l-eżitu tad-diskussjonijiet u għaliex saru ladarba kienet inħarġet is-sejħa? Meta hu ppjanati li jinbeda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 25416.

Għawdex – Xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq li bħala parti mill-proġett ta' €700 miljun, inbnew mill-ġdid lokalità b'lokalità ġewwa Għawdex; kemm swiet kull triq f'kull raħal u fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 24138.

Attivitajiet kulturali f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25228 fl-intier tagħha u jgħid kemm kien il-kontribut tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għal kull attività elenkata fl-istess tweġiba?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25228 il-fondi kienu allokati b’dan il mod. Għaqdiet Komunitarji €65,250 Kunsilli Lokali €56,900 Parroċċi €10,750 Organizzazzjonijiet Volontarji €71,900 Soċjetajiet u Għaqdiet mużikali €17,000

Għawdex — San Lawrenz - Triq il-Wileġ u Triq Dalelands - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbnew mill-ġdid Triq il-Wileġ u Triq Dalelands ġewwa San Lawrenz, Għawdex, peress li jinsabu fi stat ħażin? Jista’ jgħid jekk hemmx pjanijiet li dawn isiru fis-sena 2025? Jekk le, jista’ jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' dawn it-toroq? Jekk iva, jista’ jgħid min għamel dawn ir-rapporti u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid ukoll jekk it-tender ġietx abbozzata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li mistennija jsiru xogħlijiet fi Triq Dalelands.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Fire Drills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il binja u f’liema binja ġewwa Għawdex u Malta li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu saru fire drills matul is-sena 2023 u 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-informazzjoni ta’ hawn taħt: Gozo Channel (Operations) Ltd. Isir fire drill kull sitt xhur fit-terminals taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi Isir eżerċizzju ta’ fire drill kull sitt xhur kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex L-Awtorità tal-Ippjanar Saru żewġ fire drills f’kull sena msemmija fid-Direttorat tal-Infurzar u l-Konformita’, il-Furjana Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta' Għawdex Sar kors ta’ ‘Fire Warden and Fire Marshall Roles, Responsibilities and Fire Safety’ għall-impjegati kollha tagħha fl-20 ta’ Diċembru 2023. Bħala parti mill-kors, sar Fire Drill. Sar kors top-up fil-bidu ta’ Ġunju 2024, li kien jinkludi wkoll Fire Drill ieħor.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Bird ringer

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23878 u jgħid jekk il-Ministeru tiegħu ingaġġax bird ringer Irlandiż sabiex joffri servizzi ta’ riċerka waqt id-deroga preżenti fuq l-għasafar tal-għana? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid kif intgħażel u tqabbad dan l-individwu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt magħmul ma’ dan l-individwu, inkluż dettalji dwar ħlas u arranġamenti oħra maqbula?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi kkummissjonat is-servizz ta’ bird ringer wara li mill-2022, darbtejn kull sena, it-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi ħarġet sejħiet għal tender għal tali servizz iżda qatt ma ġew sottomessi offerti.

Triq Delimara għas-Salini — Għeluq tal-aċċess għall-pubbliku - Permess

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25360 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24892, li għaliha ntalbet aktar informazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku tat-triq li tgħaddi minn Co-ordinates 35°49'28.4"N 14°33'38.0"E jew parti minnha, it-triq li tagħti minn Triq Delimara għas-Salini ta’ bejn il-Kalanka t-Tawwalija u Għar Bella f'Delimara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li li l-għeluq tal-aċċess huwa marbut ma’ xogħol li għaddej bħalissa li hu kopert bil-permess PA 8894/20.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet — Bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22687 u jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-sena 2023 u Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 24149.

Ix-Xewkija — Ta’ Xħajma - Proġett tal-Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24996 fl-intier tagħha dwar il-proġett tal-Park and Ride f’Ta’ Xħajma fix-Xewkija, Għawdex u jagħti break down dettaljat tal-affarijiet kollha li baqa’ jsiru fuq dan il-proġett biex ikun lest minn kollox? Jista’ jgħid kemm huma stmati li se jiġu jiswew l-affarijiet kollha li fadal isiru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għadhom għaddejjin u għalhekk l-informazzjoni dwar l-ispiża finali tkun tista’ tingħata meta jiġu mkejla x-xogħlijiet u jiġu ċċertifikati.

Ir-Rabat, Għawdex — Triq Enrico Mizzi u Triq it-Tabib Anton TaboneS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid Triq Enrico Mizzi u Triq it-Tabib Anton Tabone fir-Rabat, Għawdex, peress li partijiet kbar minn dawn it-toroq jinsabu fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet li dawn it-toroq isiru fis-sena 2025? Jekk le, jista’ jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' dawn it-toroq? Jekk iva, min għamilhom dawn ir-rapporti? Jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid ukoll jekk it-tender ġietx abbozzata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li Triq Enrico Mizzi inbniet mil-ġdid filwaqt li parti min Triq it-Tabib Anton Tabone ser issir fis-sena 2025.

Għawdex — Toroq urbani u residenzjali li huma ppjanati li jsiru ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq urbani u residenzjali, jew partijiet minn toroq urbani jew residenzjali, li għadhom qatt ma saru u li huma ppjanati li jsiru ġodda f’Għawdex matul is-sena 2025 mill-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien il-Ministeru jevalwa kemm il-kundizzjoni tat-toroq kif ukoll l-iżvilupp li jkun għaddej fil-lokalijiet. Ix-xogħlijiet isiru skont it-tali esiġenzi.

Għawdex — Riabilitazzjoni tal-widien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’widien ġew imnaddfa u riabilitati f'Għawdex matul is-sena 2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'kienet l-ispiża fuq kull wieħed mill-widien u fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar? Jista' jgħid ukoll x'widien hemm ippjanati li jitnaddfu matul is-sena 2025, x'tenders ħarġu sa issa, x'tenders għad fadal joħorġu u meta huma ppjanati li joħorġu dawn it-tenders relatati ma’ tindif u riabilitazzjoni ta' widien ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti għar-rijabilitazzjoni ta’ numru ta’ widien ġiet finalizzata u mistennija tkun ippublikata fil-ġimgħat li ġejjin.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 24478.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25146 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-fenek selvaġġ, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-miżura numru 324 tal-programm elettorali qed tiġi implimentata. Wara konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) ser toħroġ sejħa għall-offerti għall-implimentazzjoni ta' studju ta' monitoraġġ dwar l-abitat tal-fenek selvaġġ u t-theddid li qed tiffaċċja din l-ispeċi. Sadanittant għaddej ix-xogħol preparatorju mal-Wasteserv sabiex jiġi estiż il-proġett tar-ri-introduzzjoni tal-barbaġann fis-selvaġġ.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25147 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-proġett tal-introduzzjoni tal-barbaġann fiż-żona tal-Magħtab, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25514.

Urban Improvement Fund u mid-Development Planning Fund

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25369 u jelenka liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati mill-Urban Improvement Fund u mid-Development Planning Fund, fond b’fond, sena b’sena u lokalità b’lokalità, mill-1 ta' Frar 2013 sal-aħħar ta' Jannar 2025? Jista’ jgħid ukoll x'kien l-ammont ta' finanzjament proġett bi proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-informazzjoni elenkata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Qed issir ukoll referenza għall-mistoqsija parlamentari 10624 fejn diġà ġiet mgħoddija parti mill-informazzjoni mitluba. Qed issir referenza wkoll għall-mistoqsija parlamentari 24112.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Credit/Debit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta' nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x'kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar u x'inxtara, item item, b'din il-credit/debit card?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.