Legislature:
Category:
Reset
Active:

Animal Welfare Gozo – Persuna assenjata

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428 u 3643 jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid min hi l-persuna li tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha? Jista' jgħid ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna? Jista' jgħid b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima? Jista' jgħid it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f' din it-taqsima xi grad għandhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet li tajt fil-mistoqsijiet parlamentari bin-numri 2811, 3428 u 3643.

Mġarr, Marsalforn u x-Xlendi, Għawdex – “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities”

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3634, rigward is-sejħa li ħareġ il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġimgħat “Tender for the management (service of tradesmen operators) of the fishers' facilities situated at Mġarr, Marsalforn and Xlendi, Gozo” jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija intera (kollha kemm hi) u jinforma lill-Kamra u jgħid ukoll min kien qed joffri dan is-servizz, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-tender ħarġet għall-ewwel darba nhar id-9 ta’ Lulju 2022 u għalqet fit-8 ta’ Awwissu 2022. Għal din it-tender ma ġiet sottomessa l-ebda offerta. Sussegwentement din it-tender reġgħet ħarġet fid-29 ta’ Settembru 2022 u għalqet nhar l-1 ta’ Novembru 2022. Għal din is-sejħa għall-offerti ġew sottomessi tlett offerti. Bħalissa il-proċess qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni.

Għawdex – Servizz Pubbliku – xogħol ta’ back office

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema back office ġdid tas-Servizz Pubbliku nġab f’Għawdex matul is-snin 2021 u 2022? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f’dan ix-xogħol ġdid ta’ back office f’Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f’Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f’Għawdex u issa, per konsegwenza ta’ dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f’Għawdex? X’inhu l-grad ta’ dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta’ back office ġdid f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed ikompli bil-ħidma biex iħeġġeġ u jgħin Ministeri u Entitajiet jespandu l-operat eżistenti tagħhom jew jintroduċu servizzi ġodda li jingħataw minn Għawdex kemm fil-Back Office kif ukoll fil-Front Office. Wara s-suċċess li kellna bil-ftuħ tal-uffiċċji tal-MCCAA, MFSA u CPSU, bħalissa qed issir ħidma biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-Aġenzija tar-Reġistru tal-Artijiet u d-Dipartiment tad-Dwana jingħataw uffiċċji akbar u jkunu jistgħu jkabbru l-operat tagħhom f’Għawdex. Qed issir ukoll ħidma biex fil-ġimgħat li ġejjin tinfetaħ id-Dental Teaching Clinic. Dan kollu qed isir biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol ta’ kwalità f’Għawdex.

Is-Sannat – Triq Sannat – Road markings

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3646 rigward Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta’ Sannat, fejn issa għaddew iktar minn sentejn u għadhom ma sarux is-sinjal tan-nofs tat-triq biż-żebgħa li tifred karreġġjata minn oħra, u għalhekk hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid min se jkun responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet serji li issa ilhom snin pendenti jekk iseħħu inċidenti f'din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tajt direzzjoni sabiex jaraw li jkun hemm line markings temporanji sakemm issir il-pjazza.

Għawdex – Għoti ta’ fondi għal diversi programmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' fondi miksuba minn Għawdex taħt dawn il-programmi: - Programm ta' Koeżjoni; - ERDF; - ESF; - Agrikultura; u - Sajd? Jista' jelenka dawn il-proġetti taħt il-programm rispettiv?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena mis-sena 2013 sal-lum? Jista' jgħid preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema dipartiment, awtorità, aġenzija u entità qed jaħdmu u xi grad huma?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

In-Nadur – Triq l-Emigranti — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ix-xogħlijiet li fadal isir fi Triq l-Emigranti fin-Nadur? Jista' jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol, u għala f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkompla ebda xogħol f'din it-triq? Jista’ jgħid meta ser jitkompla x-xogħol f'din it-triq u meta ser titlesta minn kollox din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għadda l-ewwel servizz bażiku, dak tad-drenaġġ. Sadanittant qed jittieħdu l-kunsiderazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż diskussjonijiet ma’ entitajiet oħra, biex jiġi prijorizzat x’servizzi oħra hemm bżonn isiru f’din it-triq.

Ministeru għal Għawdex — toroq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3541 u jgħid mill-1 ta' Jannar 2020 sal-lum kemm-il triq saret mill-Ministeru tiegħu lokalità b'lokalità? Jista' jgħid f'kull każ jekk ix-xogħol hux lest jew jekk għadu mhux lest, x'fadal isir? Jista' jgħid f'kull każ kemm kienet l-ispiża totali jew l-ispiża s’issa fuq l-istess, triq bi triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Pedestrian Friendly Roads – fondi lill-Kunsilli Lokali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3631, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali Għawdxin humiex se jingħataw għajnuna mill-Ministeru għal Għawdex bħalma se jingħataw kunsilli lokali f'Malta minn Infrastructure Malta jekk jidentifikaw toroq fil-lokalitajiet tagħhom li jistgħu jkunu 'pedestrian-friendly roads'?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif għamel matul dawn l-aħħar snin, il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli joffri għajnuna sostanzjali lil diversi Kunsilli Lokali fir-riġenerazzjoni ta’ diversi triqat u kif ukoll pjazzez. Din l-għajnuna mistennija li tkompli tingħata fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Għawdex –Taxxa miġbura minn lukandi u akkomodazzjonijiet oħra

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2169, jista' l-Ministru jgħid kemm mid-dħul tat-taxxa fuq kull lejl fil-hotels u akkomodazzjonijiet oħrajn minn indirizzi reġistrati f’Għawdex ġie investit f'Għawdex stess?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-fond imsemmi mhux amministrat minn dan il-Ministeru, ħdimna kontinwament flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu, biex Għawdex jibqa’ jkun destinazzjoni ta’ eċċellenza u distinta minn Malta. Fost oħrajn sar ħafna xogħol u investiment f’diversi bajjiet u żoni turistiċi oħrajn, inkluż scuttling tal-vapur Hephaestus fl-inħawi tax-Xatt l-Aħmar biex iservi ta’ attrazzjoni ġdida ma’ dawk li diġà hemm għall-benefiċċju tas-settur tad-diving, niċċa turistika ta’ importanza kbira u li qabdet sew f’Għawdex. Aktar ħidma simili ppjanata għaż-żmien li ġej.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx barranin jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jekk iva, kemm hemm?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għal Għawdex m’ hemmx ħaddiema barranin.

Il-Fontana Għawdex – Triq Mons Mikiel F Buttigieg — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15075 li ġiet imwieġba fil-15 ta' Ġunju 2020 rigward meta ser jsir ix-xogħol fi Triq Mons Mikiel F Buttigieg fil-Fontana Għawdex, peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ, fejn kien ġie mwieġeb "li x-xogħol f’din it-triq huwa maħsub li jsir", jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir dan ix-xogħol u jekk hux se jsir fuq il-parti kollha tat-triq li għadha sal-lum bla wiċċ jew inkella fuq biċċa minnha biss u dan peress li għaddew sentejn u nofs mit-tweġiba tiegħu msemmija hawn fuq u ma sar xejn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li beda x-xogħol tal-livellar tat-triq.

Kiri ta’ binjiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3540 u jgħid kemm inkrew binjiet ġodda mingħand il-privat mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu bejn l-1 ta' Jannar 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'kull każ għal liema skop inkrew dawn il-binjiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex – Sejħa għal post ta’ foreman

Question

B'referenza għas-sejħa HR/MG No. 5/2022 - Post ta' Foreman fil-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom għaddew? Jista’ jgħid ukoll għal kull wieħed u waħda, kemm kien ilhom impjegati mal-Gvern u f’liema xahar u sena ġew impjegati u xi grad u skala kienu u kemm kien ilhom, fid-data meta applikaw għal din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riżultat ta’ kull sejħa tkun ippublikata fuq in-notice board tal-Ministeru.

Għawdex – Triq tal-Lanterna l/o Għasri — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew ix-xogħlijiet (xahar u sena) fi Triq tal-Lanterna, limiti tal-Għasri u kemm-il xahar ilha magħluqa din it-triq? Meta se jitlestew dawn ix-xogħlijiet u kemm se jiswew? Jista’ jelenka x-xogħlijiet li twettqu jew li għad iridu jitwettqu f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq beda lejn l-aħħar tas-sena 2020. It-triq ingħalqet meta kien hemm il-bżonn biss. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jkunu lesti lejn il-bidu tas-sena d-dieħla. Sar xogħol estensiv fuq il-ħitan tas-sejjieħ, tqiegħdu four-way ducts biex jitgħaddew is-servizzi ta’ ilma, drenaġġ u komunikazzjoni u tpoġġa cable tad-dawl minn isfel sal-parkeġġ. Sar ukoll xogħol fuq id-disinn tal-istruttura u tal-piling għall-aħħar kisra, u dalwaqt jibdew ix-xogħlijiet ta’ tisħiħ ta’ din il-parti tat-triq.

Għawdex – Rabat – Triq Ġużeppi Spiteri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex parti ġdida minn Triq Ġużeppi Spiteri, fir-Rabat, Għawdex issir matul is-sena 2023, għax tali triq qatt ma saret u peress li f'dawn l-aħħar erba' snin sar xi bini f' din it-triq, il-maġġor parti tal-bini u s-servizzi għadhom mhux lesti? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru hux se jibda l-proċess ta’ esproprjazzjoni sabiex tinfetaħ it-triq li diġà hi schemed u li twassal għall-parking tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u tagħti aċċess aħjar lir-residenti u lill-poplu inġenerali qabel issir il-parti l-ġdida li diġà ġiet ifformata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq din it-triq jinsabu għaddejjin. Apparti minn hekk, tnieda proċess ta’ espropjazzjoni fejn fuq proċess ta’ fa\ijiet se jibdew jinfetħu l-schemed roads. Dan biex apparti r-raguni li qal l-Interpellant, iservu wkoll ta’ rotot alternattivi ħalli jitnaqqas it-traffiku miċ-ċentru tar-Rabat.

Ir-Rabat Għawdex – parkeġġ pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3744 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk hemmx pjan dwar parkeġġ pubbliku ġewwa r-Rabat, Għawdex? Jekk iva, fejn hu ppjanat li jiġi mibni u meta ser jinbeda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru għaddej bil-pjanijiet meħtieġa biex titwettaq il-wegħda elettorali marbuta ma’ parkeġġi ġodda u spazji miftuħa kif imwiegħed u li l-poplu Għawdxi, tagħna mandat b’saħħtu għalih.

Ir-Rabat Għawdex – Triq Sir Arturo Mercieca — Tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li titranġa Triq Sir Arturo Mercieca fir-Rabat, Għawdex? Jekk iva, meta se jibdew ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ladarba jiġu awarded il-kuntratti intizi għal dan ix-xogħol, tali manutenzjoni tkun tista tiġi skedata.

Għawdex – Nefqa fil-qasam kulturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-snin 2018, 2019, 2020 u 2021 kemm kienet in-nefqa totali fil-qasam kulturali f'Għawdex? Jista' jagħti breakdown ta' din in-nefqa? Jista' jgħid din is-sena s’issa kemm kienet in-nefqa f'dan il-qasam? Jista' jgħid x'vot hemm għas-sena 2023 f'dan il-qasam?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif muri hawn taħt: Sena Nefqa Totali 2018 € 847,932.00 2019 € 1,483,754.00 2020 € 1,086,635.22 2021 € 1,332,363.60 2022 € 1,700,958.25

Ministeru għal Għawdex – uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-uffiċjali kollha minn manager ’il fuq (sa DG) fil-Ministeru għal Ghawdex, bid-dettalji tar-responsabiltajiet tagħhom u l-pakkett sħiħ ta’ kull uffiċjal u kemm ilhom (inkluż snin u xhur) f'din il-kariga?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.