Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta' kuntratti u xogħlijiet, bil-valur ta' kull wieħed, li ngħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b' sena mill-2004, lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Għal kull każ, jista' l-Ministru jgħid jekk kien każ ta' tender jew direct order? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm każijiet fejn l-istess kumpanija ngħatat xogħol bħala sub-contracter ta' min ikun rebaħ xi kuntratt jew ingħata direct order?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari 32372.

Ikel tal-Unjoni Ewropea — lista

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienu n-nies li kwalifikaw għall-ikel tal-Unjoni Ewropea sena b'sena mill-2005 sal-lum? Jista' jagħti l-lista, lokalità b'lokalità?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea — nies appuntati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barrnin jgħidilna meta se jasal fit-tmiemu t-term ta' dawk appuntati fil-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea peress li n-nominazzjonijiet minn Malta kienu biss għall-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li kienet miċħuda u l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadha tirrapreżenta lil Malta fil-Qorti Ġenerali u li jidher li m'hemmx nominazzjoni waħda għal din il-kariga?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija mill-Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari 34103

Tqasima Konsulari tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli — investigazzjonijiet

Question

Billi ftit ilu kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien ġie rrapurtat li qal lill-ġurnal The Times li l-Pulizija kienet qed tinvestiga allegazzjonijiet dwar abbużi u tixħim fit-Taqsima Konsulari tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli b’konnessjoni mal-ħruġ tal-visas, jista' l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-pulizija minħabba ż-żmien li għadda minn dak iż-żmien 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Ġejt informat li diversi persuni, Maltin u barranin ġew interrogati.

Lista tal-impjegati mar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista tal-impjegati mar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, u jgħid min huma dawk li jaħdmu full-time u part-time jew b'xi arranġamenti oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ir-risposta tar-Rapreżentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea u tal-Ambaxxata Bilaterali għall-Belgju qed tiġi mhurija fit-tabella annessa.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — ħatriet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Minsitru tal-Affarijiet Barranin jiċħad jew tikkonferma jekk il-ħatriet kollha li saru f’din il-leġislatura fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin sarux b’konformità sħiħa mar-regolamenti tal-Public Service Commision?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant u nikkonferma li l-ħatriet li saru f'din il-leġislatura fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kienu kollha b'konformità sħiħa mar-regolamenti tal-Public Service Commission.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — kawżi pendenti fuq awtoritjiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ma kellux kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu matul dawn l-aħħar ħames snin.

kwestjoni dwar ċittadin Każakistani li ħarab mill-Awstrija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti informazzjoni dwar jekk Rakhat Aliyev - iċ-ċittadin Każakistani li qed jiġi akkużat li wettaq reati serji ħafna f'pajjiżu - jinsabx Malta wara li allegatament ħarab mill-Awstrija? Huwa veru li l-Gvern Malti laqa' uffiċjal Awstrijakk f'pajjiżna biex jagħmel interrogazzjoni lill-Aliyev? X'ġie konkluż? X'inhi l-attività ekonomika ta' Aliyev f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Il- persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija miżżewġa ċittadina Awstrijaka. L-istess persuna għandha permess ta' soġġorn fl-Awstrija u għandha l-istess dritt f''Malta bħala l-konjugi ta' ċittadin tal-unjoni Ewropeja. Il-Qorti Awstrijaka ċaħdet talba għal estradizzjoni lejn Kazhakhistan ta' din il-persuna minħabba li l-akkużi kienu politikament motivati. Wara dan, saru allegazzjonijiet oħra li qed jiġu investigati mill-Awtoritajiet Awstrijaċi. Jekk dawn l-awtoritajiet joħorġu mandat Ewropew ta' arrest, dan jiġi esegwit f'Malta. S'issa dan il-mandat ma ħariġx

Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta — nies li ngħataw ix-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hemmx nies li mhumiex impjegati mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li jagħmlu xi xogħol għal dan l-uffiċċju? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn in-nies u x’tip ta’ xogħol dawn jagħmlu għal dan l-uffiċċju?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m'hemmx nies li mhumiex impjegati mar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li jagħmlu xi xoghol għal dak l-uffiċċju.

Każ ta' barrani

Question

Jista' l-Minsitru jara l-każ tal-individwu barrani li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jixtieq li jkompli jgħix hawn Malta flimkien ma' martu? Jista' jara jekk għandux dritt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-mara tal-persuna konċernata għamlet applikazzjoni għall-permess ta' residenza. Din l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata fuq il-bażi tal-leġislazzjoni u l-policies eżistenti

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — informazzjoni dwar konsulenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta' konsulenti jew kumpaniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2011 ? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid jekk kull servizz mogħti, ingħatax b’direct order jew le?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi lokalment il- Ministeru għandu lill-Prof. David Attard bħala Konsulent legali b'kuntratt ta' €11,646 per annum.

applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija

Question

B’referenza għall-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kif tista' l-applikanta tingħata ħjiel ta' fejn waslet l-applikazzjoni tagħha billi ilha tgħix Malta mat-18-il sena u ilha miżżewġa Malti xi sitt snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza li l-persuna, li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, li ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar tlettax-il sena u nofs u li hi għamlet fuq bażi ta' żwieg ma' ċittadin ta' Malta, qed tiġi pproċessata. Din il-persuna tiġi nfurmata minnufih malli tittieħed deċiżjoni.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — impjegati nisa bi skala sebgħa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati nisa fil-Ministeru, dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma minn skala sebgħa 'l fuq?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm sitta u għoxrin (26) impjegati nisa fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin , dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu li huma minn skala sebgħa 'l fuq.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Ingaġġ ta' persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ġew ingaġġati persuni b'diżabilità fil-Ministeru, jew dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-aħħar tliet xhur u f'liema grad?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin,dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu, ma ġewx ingaġġati persuni b'diżabilità f'dawn l-aħħar tliet xhur.

Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid l-Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti meta temm il-ħatra tiegħu? Min inħatar minfloku u meta?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħatra ta' Ambaxxatur Malta għall-Istati Uniti intemmet fil-31 ta' Lulju 2011.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barraninjgħid kemm kienet in-nefqa globalment għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fiha kien involut il-Viċi Prim Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari inkluż l-uffiċjali li marru magħhom? Fejn kienet id-destinazzjoni u minn akkumpanjahom matul l-2011?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet sabiex tingħata visa sabiex tmur il-Lebanon, persuna ta' nazzjonalità Sirjana li għandha permess tax-xogħol f'Malta, ġiet riffjutata li tingħata l-permess neċessarju mid-Department of Citizenship and Expatriate Affairs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna konċernata għandha applikazzjoni pendenti għall-azil. Applikazzjonijiet għall-permessi ta' residenza (nassumi li r-riferenza tal-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu għall-visa hija għal dan il-permess) min dawn il-persuni ma jintlaqghux mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal- Expatriates minħabba li dawn jinħarġu fuq il-bażi tar-Regolament tal-Unjoni Ewropea NRU 2002/1030, li huwa direttament applikabbli fl-iStati Membri, u skont il-provvedimenti ta' dan ir-Regolament dawn it-tip ta' permessi ma jistgħux jinħarġu lil dawn il-persuni.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — tqassim ta' fuljetti u materjal ieħor fid-djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm tqassmu fuljetti u materjal ieħor fid-djar matul l-aħħar sitt xhur? Jista' jagħti d-dettalji tal-materjal imqassam fid-djar, x'tip ta' karta intużat, fejn ġie stampat il-materjal, kemm sewa kull fuljett jew materjal li ntbagħat u jekk tqassamx bil-posta jew xi mezz ieħor? Jekk b'mezz ieħor, min qassamhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru stampa, bi sponsorship ta' Banif Bank, "Travel Manual", tagħrif għal Maltin li jsiefru, u tqassim fi djar f'Ottubru 2011 mill-Kumpanija Mailbox Services Group għal spiża ta' €46 u VAT fuqhom. Spiża oħra fil-manwal kienet ta' €514 għal disinn u proofreading.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — konsulenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dettalji mitluba jinsabu fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Konverżjoni ta' ċens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk l-istat hux lest li jilleġisla soċjalment favur dawk l-individwi li r-residenza tagħhom kienet b'titolu li ċens temporanju u li bis-saħħa tal-liġi huma kellhom id-dritt jikkonvertu dan iċ-ċens għal wieħed perpetwu u li in vista ta' diversi sentenzi tal-Qrati tagħna tali konverzjoni taċ-ċens għal wieħed perpetwu ġiet dikjarata anti-kostituzzjonali?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.