Legislature:
Category:
Reset
Active:

persuni li ngħatatilhom il-protezzjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid dawk il-persuni li ngħatatilhom il-protezzjoni tal-pulizija 24 siegħa kuljum matul il-perjodu 2007/8/9/10/11 u 12 x'kienet ir-raġuni li ġara dan? Jista' jgħid jekk kenitx ukoll relatata max-xogħol li huma bdew iwettqu jew jekk din l-protezzjoni ngħatatx minħabba xi raġuni oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bħal ma diġa' kelli l-okkażjoni ngħid, għal diversi raġunijiet, mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar kif u għaliex persuni jkunu provduti b’miżuri ta’ sigurtà li jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati meta u fejn ikun meħtieġ.

deċiżjoni biex persuna tingħata l-protezzjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jiddeċiedi u allura min iddeċieda matul is-snin 2007/8/9/10/11 u 2012 biex persuni jingħataw il-protezzjoni tal-pulizija? Jista' jgħid jekk kinitx il-qorti li ddeċiediet dan jew xi entità oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-ordni sabiex xi persuna jew persuni jkollhom protezzjoni, jingħataw mill-awtoritajiet konċernati. Infurmat ukoll illi għar-raġunijiet mogħtija fit-tweġiba għall-Mistoqsija 34809, mhux possibli li jingħata t-tagħrif kif mitlub.

talba għall-protezzjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk individwu personali jistax jitlob huwa stess għall-protezzjoni tal-pulizija u f'dan il-każ x'inhuma l-proċeduri li jrid jgħaddi minnhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull meta l-Pulizija jkollha rapport minn xi persuna li tkun vittma ta’ xi reat kriminali, wara li dan ir-rapport jiġi nvestigat, jittieħdu l-provvedimenti opportuni, inkluż jekk ikun meħtieġ, li tkun provduta protezzjoni neċessarja.

Kunsilli lokali — talbiet għall-parking areas

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet minn kunsilli lokali, bejn April 2011 u April 2012, biex jiġu stabiliti parking areas bi ħlas fil-lokalitajiet tagħhom? Liema kienu dawn il-kunsilli u kemm mit-talbiet ġew milqugħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hemm talba waħda mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara. Din għadha pendenti wara li tressqet lit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern.

Kunsilli Lokali — Vaganzi għal xi impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-reġjuni (skont l-att dwar il-kunsilli lokali) li għandhom vaganzi għal xi impjegati li suppost hemm magħhom? F'kull każ kemm ilhom vakanti dawn il-postijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li hemm vakanza waħda fil-Kumitati Reġjonali Ċentrali għal skrivan fi Skala 15. Saret sejħa nterna biex timtela’ din il-vakanza skont ir-Regolamenti tar-Riżorsi Umani tal-Kunsilli Lokali. Il-Kumitat Reġjonali konċernat għamel is-sejħa wara li ħass il-ħtieġa li jkollu skrivan hekk kif elenkat f’Memo 7/2012 tal-25 ta’ Jannar, liema Memo qed inqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nefqa marbuta mal-iskorta li jagħmlu l-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa marbuta mal-iskorta li l-pulizija qed jagħmlu skont kif mitlub fil-mistoqsijiet parlamentari 34555 u 33084?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi huwa diffiċli sabiex wieħed jikkwantifika kemm tiswa s-sigurta’ li l-Pulizija tagħmel ma' persuni. Waħda mir-raġunijiet għal dan hija d-differenza fl-iskala tas-salarju fil-grad ta’ kuntistabbli tal-Pulizija. Però jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni paga medja ta’ kuntistabbli, mingħajr allowances ta’ Ħdud u festi, huwa stmat illi fil-preżent din tiswa madwar € 1,154 kull ġurnata, mingħajr ħlasijiet ta’ overtime li jista’ jkun hemm.

kunsilli lokali — progression tal-iskrivani impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-proċedura għal progression tal-iskrivani impjegati mal-kunsilli lokali biex jitilgħu minn skala għall-oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi tali progression hi regolata skont Artiklu 16 (3) tar-Reġolamenti tal-Kunsilli Lokali tar-Riżorsi Umani. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-Artiklu.

Każ ta' serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjonijiet dwar serq tal-pittura ta' Caravaggio mill-Kon Katidral ta' San Ġwann kenux ġew magħluqa? Jekk iva, meta? Jekk le, jista' jgħid jekk il-persuni suspettati ġewx kollha investigati mill-pulizija? Jekk le, għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar is-serq tal-pittura tal-Caravaggio mill-Kon Katidral ta’ San Ġwann kienet ġiet konkluża nhar is-6 ta’ Awissu 1987 meta 2 persuni kienu tressqu quddiem il-Qorti u ġew akkużati b’dan ir-reat.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — searches għas-sustanzi illegali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34613, fejn jirriżulta li fis-sena 2011 saru 294 tfittixija fil-Faċilità Korrettiv ta' Kordin, għal dan kollu li huwa illegali jew projbit, jista' l-Ministru jgħid kemm saru minn dawn il-tfittxijiet mill-bidu tas-sena 2012 sal-lum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mill-bidu tal-2012 sal-24 ta' Mejju 2012, saru 366-il tfittxija għal dak kollu illegali/jew projbit.

Persuna li komettew omiċidju volontarju li ma tressqux il-Qorti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34529, fejn jirriżulta li fl-aħħar għaxar snin l-uniċi żewġ każijiet ta' omiċidju li ma tresqux il-qorti kienu dawk ta' żewġ pulizija, jista' l-Ministru jgħid fl-istess perjodu kemm tressqu persuni l-qorti akkużati b'omiċidju volontarju u ġew liberati għax aġixxew in legittima difesa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, cioè mis-sena 2002 'l hawn kien hemm każ wieħed fejn akkużat kien ġie liberat minn akkuża ta’ omiċidju volontarju għax mill-provi kien irriżulta li l-akkużat kien aġixxa in legittima difesa. Dan il-każ kien seħħ f’Għawdex nhar it-29 ta’ Jannar 2002 u kien ġie deċiż quddiem il-Qorti Kriminali nhar it-2 ta’ Ġunju 2005.

Korp tal-Pulizija — tagħmir tat-taqsima tal-Economic Crimes

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, apparti vetturi, x'ammont u x'tip ta' investiment sar fit-tagħmir tat-Taqsima tal-Forensic Crimes fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34697.

Bordijiet taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bordijiet taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi ġewx kollha kostitwiti? Min huma l-membri? Fuq liema kriterji ntgħażlu u f'każ li mhumiex kostitwiti, għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bordijiet li jipprovdi għalihom l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi qegħdin fil-proċess li jiġu kostitwiti. Sa’ issa twaqqfu l-Offender Assessment Board u l-Victim-Offender Mediation Committee u l-komposizzjoni tagħhom ġiet imħabbra f’Marzu li għadda bi Stqarrijjiet għall-Istampa numri 503 u 592 rispettivament. Il-membri rispettivi ntgħazlu skont il-kriterji stipulati fl-artikli relevanti tal-Att hawn fuq imsemmi. Bħalissa qed isir ix-xogħol meħtieġ għall-appuntar tal-Parole Board u r-Remission Board.

Korp tal-Pulizija — skwadra kontra d-droga - investiment fuq tgħamir

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena apparti vetturi, x'ammont ta' investiment sar u ta' liema tip, f'tagħmir fl-iskwadra kontra d-drogi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nixtieq inserraħ moħħ l-Onorevoli Interpellant illi t-Taqsima ta’ kontra d-Droga tal-Pulizija għandha l-għodda kollha meħtieġa sabiex tkun tista tiġġieled b’mod effiċjenti u professjonali kontra l-kriminalita' organizzata bħalma hija l-importazzjoni u t-traffikar tad-droga. Bħal ma jista’ jifhem u japprezza l-Onorevoli Interpellant, mhux opportun li tagħrif dettaljat tal-għodda li tintuża minn din l-Iskwadra u oħrjan bħala, ikun ippublikat.

Korp tal-Pulizija — investiment fuq tgħamir fit-Taqsima tal-Investigazzjoni Kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena, apparti vetturi, x'ammont ta' investiment sar u ta' liema tip fit-tgħamir tat-Taqsima tal-Investigazzjoni Kriminali (CID) fil-Korp tal-Pulizija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34699 u li tapplika ukoll għal din il-mistoqsija.

Korp tal-Pulizija — Intelligence Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-Intelligence Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, kemm fiha membri u f'liema grad?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent il-Criminal Intelligence & Analysis Unit hemm stazzjonati Spettur, Surġent u ħames Kuntistabbli.

Korp tal-Pulizija — Intelligence Unit - upgrade

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Intelligence Unit, peress li hija waħda mill-aktar units importanti fil-Korp tal-Pulizija, tiġi upgraded u mtejba u b'liema mod?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Criminal Intelligence & Analysis Unit fil-Korp tal-Pulizija qed tingħatalha l-attenzjoni kollha li jixriqilha, għalkemm bħal kull ħaġa oħra dejjem jibqa' lok għal titjib minn żmien għal żmien. Matul dawn l-aħħar snin din l-iskwadra ġiet imsaħħa kemm billi inħatar Uffiċjal inkarigat minnha, żdiedu wkoll in-nies kif ukoll l-uffiċċini minn fejn topera. Ġiet ukoll fornita b'diversi apparat relatat max-xogħol tagħha. Matul is-sena l-oħra inbidlu l-kompjuters kollha għal kompjuters aktar moderni. Din l-iskwadra ser tkompli tiġi mtejba skont kif ikun meħtieġ.

persuni li għandhom il-protezzjoni tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li jingħatalhom il-protezzjoni tal-pulizija Maltija u Għawdxija 24 siegħa kull jum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 6 persuni li għandhom sorveljanza tal-Pulizija 24 siegħa kuljum.

Malta Security Services — karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi għas-servizz tal-Malta Security Services (MSS)? Kemm inxtraw, meta u kemm swew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

In-nefqa, l-amministrazzjoni u l-politika fis-Servizz tas-Sigurta' huma soġġetti għall-eżami tal-Kumitat tas-Sigurta' skont kif provdut fl-Artiklu 14 ta' l-Att dwar is-Servizz ta' Sigurta' 1996.

Malta Security Services — nefqa ghall-manutenzjoni tal-karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għall-manutenzjoni tal-karozzi tal-Malta Security Services (MSS) xahar xahar mill-2007 sal-2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

In-nefqa, l-amministrazzjoni u l-politika fis-Servizz tas-Sigurta' huma soġġetti għall-eżami tal-Kumitat tas-Sigurta' skont kif provdut fl-Artiklu 14 ta' l-Att dwar is-Servizz ta' Sigurta' 1996.

Information regarding female prisioners

Question

In regards of parliamentary question 33567, amongst the 30 mothers who are presently incarcerated, can the Minister say how many of them have committed crimes related to drugs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B'referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33567, ninsab infurmat illi tnax (12) minn dawk it-tletin (30) omm li kien hemm fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, ġew ikkundannati mill-Qorti fuq reati relatati mad-droga.