Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #38056 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Kummissarju tal-Pulizija, Direttur tal-Ħabs u Segretarju Permanenti — performance bonus

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra x'kien il-performance bonus li ingħata għas-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 lis-segwenti persuni u cioè: a) Kummissarju tal-Pulizija; b) Direttur tal-Ħabs; u ċ) Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Intern? Jista' jgħid kif dan kien maqsum, persuna b'persuna, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-karigi li għalihom qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant kollha jġorrru magħhom benefiċċju f’forma ta’ Performance Bonus li jista’ jlaħħaq massimu ta’ 15% kull sena. Dan jingħata wara li ssir evalwazzjoni tal-performance tagħhom skont il-parametri applikabbli. Infurmat ukoll li matul is-snin indikati, il-Bonus dejjem ingħata skont it-termini hawn fuq indikati.
Leg 11 PQ #38057 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — spiża fuq ironmongery u general maintence goods

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża minfuqa fuq ironmongery u general maintenance goods mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin matul is-snin 2010 u 2011 u mill-1 ta' Jannar 2012 sa 30 ta' Ottubru 2012? Mingħand min sar tali xiri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-ispiża minfuqa fuq ironmongery u general maintenance goods mill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin matul is-snin 2010 u 2011 u mill-1 ta' Jannar 2012 sa 30 ta' Ottubru 2012 hija kif indikata: Sena 2010 In-nefqa kienet ta’ € 60,565.38 Sena 2011 In-nefqa kienet ta’ € 70,212.96 Sena 2012 In-nefqa kienet ta’ € 84,986.74 Il-parti l-kbira ta’ xiri sar minn ħwienet fil-lokalitajiet tal-Fgura, Marsa, Tarxien, Żejtun, Paola, Luqa u Rabat.
Leg 11 PQ #38058 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Santa Venera — Regional Road - mmaniġjar tat-traffiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 37843 li kienet saret lill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferita lilu u cioè: Billi fil-ħinijiet ta' filgħodu u filgħaxija, (7:00am - 9:00am u 4:30pm - 7:00pm) qed ikun hemm problemi kbar tat-traffiku li qed jikkawżaw traffic jams esaġerati fil-bypass ta' Birkirkara, fil-mili ta' Santa Venera, Regional Road, u fejn il-Monument tal-Ħaddiem fl-Imsida, liema traffic jams qed iwasslu għal inkonvenzjenzi kbar għas-sewwieqa, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-problema tiġi rimedjata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul il-ħin tar-rush hour ta’ filgħodu kif ukoll ta’ filgħaxija, ġa qed ikun hemm pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku li jagħmlu ronda bil-mutur kemm fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll fit-toroq l-oħra prinċipali sabiex jissorveljaw l-andament tat-traffiku, kif ukoll sabiex jintervjenu jekk u kif ikun meħtieġ biex ineħħu kull inkonvenjent li jkun qed jostakola l-passaġġ liberu tal-vetturi fit-toroq. Pero’ wieħed irid japprezza illi n-numru ta’ vetturi fit toroq huwa dak li huwa u mhux dejjem ikun possibli għal pulizija li jeliminaw il-konġestjoni li dawn il-vetturi joħolqu.
Leg 11 PQ #38072 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru tal-Intern

petizzjonijiet minħabba taħrikiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm petizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Settembru 2012? Kemm minnhom kienu dwar taħrikiet tal-Pulizija u kemm minnhom kienu dwar taħrikiet tal-gwardjani? Kemm minn dawn il-petizzjonijiet ġew milqugħa (Pulizija għalihom u gwardjani għalihom)?Mill-petizzjonijiet li ġew milqugħa, kien hemm petizzjonijiet li nħafru mhux għax il-Pulizija jew gwardjan għamlu ħażin li ħarġu t-taħrika imma peress li kien hemm ċirkustanzi mitiganti li l-Pulizija/gwardjan ma setgħax ikun jaf bihom? Jekk iva, kemm? Huwa minnu li l-maggorparti tal-petizzjonijiet jinħafru minn ċirkostanzi bħal dawn u mhux għax ikun hemm xi nuqqas min-naħa tal-uffiċjal? Jekk iva ma jidhirlux il-Ministru li allura qed jintefa' dawl ikreh fuq dawn il-funzjonarji meta jingħad li 60% tal-każijiet il-petizzjonant ikollu raġun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bi tlett tabelli li jagħtu d-dettalji għall-ewwel tlett domandi li għamel l-Onorevoli Interpellant fil-Mistoqsija Parlamentari tiegħu. L-ewwel tabella turi l-istat kurrenti tal-petizzjonijiet reġistrati manwalment bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Settembru 2012, skont kif jidher fl-LES System. It-tieni tabella turi l-istat kurrenti tal-petizzjonijiet reġistrati online bejn il-21 ta’ Mejju u t-30 ta’ Settembru 2012. It-tielet tabella turi l-petizzjonijiet reġistrati online bejn il-21 ta’ Mejju u t-30 ta’ Settembru 2021, li ma ntlaqgħux biex ikunu proċessati peress li kienu ivalidi (per eżempju petizzjonijiet fuq taħrikiet li ċ-ċitazzjonijiet għalihom ikunu tħallsu diġa. Intant ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema ta’ ġbir ta’ żamma ta’ informazzjoni relatata ma’ petizzjonijiet ma żżomx data relatata mal-bqija tal-informazzjoni li qed jitlob fil-Mistoqsija Parlamentari. Għaldaqstant mhux possibli li tingħata tali informazzjoni.
Leg 11 PQ #38153 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Ħal Qormi — Ta' Farsina - vetturi kbar industrijali fl-area residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex b'mod regolari qed jitħalla l-parkeġġ ta' vetturi kbar industrijali jipparkjaw fl-area residenzjali Ta' Farsina f'Ħal Qormi, minkejja l-perikolu li qed jippreżentaw għal pubbliku in ġenerali? Jista' jgħid x'passi ittieħdu wara d-diversi rapporti regolari li saru u wkoll x'passi se jittieħdu bħala deterrent kontra dan l-ipparkjar illegali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi vetturi hekk imsejħa industrijali, ma jistgħux ikunu ipparkjati fit-toroq jekk dawn ikunu mgħobbija b’container, jew jekk ikunu ipparkjati kontra xi regolamenti dwar ipparkjar jew jekk ikunu ta’ periklu jew ta’ xkiel lil nies oħra li jużaw it-triq. Il-pulizija qed tagħmel u ser tkompli tagħmel spezzjonijiet fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant, u fejn ikun il-każ jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti.
Leg 11 PQ #38179 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Ħabs ta' Kordin — persuna li sservi ta' konsulent

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-kamra jekk il-persuna li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament għadhiex iservi ta' konsulent fil-Ħabs ta' Kordin jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għad-domanda tiegħu hija fl-affermattiv.
Leg 11 PQ #37502 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Gżira — Triq ir-Rebħa - ilmenti rigward garaxxijiet kummerċjali

Question

Fid-dawl tad-diversi ilmenti li wasluli mingħand residenti ta’ Triq ir-Rebħa, Gżira li għandhom twieqi jagħtu għal Triq il-Kubrit fejn hemm ħafna garaxxijiet kummerċjali, jista' l-Prim Ministru jikkonferma dan li ġej: a) jekk dawn il-garaxxijiet humiex koperti bil-liċenzji meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti; b) hemmx minnhom li ma għandhomx liċenzji; c) sa x’ħin jistgħu jibqgħu joperaw billi hemm min idum jopera sad-9.30pm – dejjem skont ma ġejt infurmat; u d) jekk minħabba l-impatt li dawn qed jkollhom fuq is-saħħa ambjentali tar-residenti huwiex il-każ li jiġi kkunsidrat relocation ta’ uħud minnhom wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet l-oħra kompetenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn stħarriġ li għamlet il-pulizija, jirriżulta illi fl-inħawi indikati hemm 5 garaxxijiet. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni dwar kull wieħed minn dawn il-garaxxijiet. Ma jirriżultax illi dawn qed joperaw wara s-7.00pm kif huwa permess bil-liġi.
Leg 11 PQ #37760 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011? Kemm kien hemm minnhom fatali u kemm kien hemm minnhom li ma kenux fatali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Ta minn ifakkar illi minn Marzu 2004 inċidenti tat-traffiku mhux fatali jew mingħajr persuni feruti jew ħsarat fi propjetà pubblika ma baqgħux jiġu nvestigati mill-Pulizija.
Leg 11 PQ #37979 Sitting 521 2012-11-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Dipartiment tal-Kunsilli Lokali — skedi ta' ħinijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien suppost li l-kunsilli lokali jibgħat l-iskeda tal-ħlas tagħhom lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali? jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx kunsilli li ma jibagħtux dawn l-iskedi fil-ħin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37664.
Leg 11 PQ #37372 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jindika l-attività x'kienet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi f’dawn l-aħħar sitt xhur ma jirriżultax li kien hemm il-bżonn ta’ servizzi ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smiegħ.
Leg 11 PQ #37750 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Kumitat Reġjonali tat-Tramuntana — management letter

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji tal-kontenut tal-Management Letter jew titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra il-management letter li ngħatat lill-Kumitat Reġjonali tat-Tramuntana fi ħdan il-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37790 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsill lokali ta' Ħal Lija — kwestjonijiet rigward impjieg

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37424 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36866, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din il-korrispondenza mingħand id-dipartiment? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li ilu li tlesta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-korrispondenza (li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament) kollha bejn id-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-Kunsilli Lokali ta' Ħal Lija mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Waqt li nirreferi mill-ġdid għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36866 qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta’ ħatra ta’ Aġent Segretarju Eżekuttiv, datata 3 ta’ Awwissu 2011, kif ukoll kopja tal-korrispondenza elettronika li għaddiet bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija dwar il-proċess ta’ ħatra ta’ Segretarju Eżekuttiv. Intant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant. Intant ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-korrispondenza l-oħra relatata li talbet bid-dettalji mogħtija separatament, tifforma parti mill-appendiċi tar-rapport li għadni kemm poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li d-dipartiment ġa qed jieħu passi skont il-liġi.
Leg 11 PQ #37806 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

abbużi sesswali rraportati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin, sena b'sena, kemm kien hemm każijiet ta' abbużi sesswali fuq it-tfal riferuti lill-pulizija mill-Appoġġ u kemm minnhom, sena b'sena, ġew investigati mill-pulizija u kemm minnhom sena b'sena spiċċaw il-qorti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numri ta’ każijiet ta’ abbuż sesswali fuq tfal li ġew riferuti lill-pulizija mill-Appoġġ mill-2009 sal-llum u x’kien l-eżitu tagħhom huwa kif ġej: Sena Nru ta’ każijiet riferuti mill-Appoġġ Każijiet investigati mill-pulizija wara li ġew riferuti mill-Appoġġ Każijiet mressqa l-Qorti Każijiet li ma ġewx imressqa quddiem il-Qorti 2009 6 6 2 4 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ 2010 6 6 2 4 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ 2011 20 20 6 6 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ 5 - l-investigazzjoni għadha għaddejja 3 - il-kwerela rtirata 2012 20 20 11 4 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ 5 - l-investigazzjoni għadha għaddeja
Leg 11 PQ #37809 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

Każijiet ta' abbużi sesswali fuq tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2008 kemm kien hemm każijiet ta' abbużi sesswali fuq tfal rifertuti lill-pulizija mill-Appoġġ u kemm minn dawn spiċċaw investigati mill-pulizija u kemm minnhom tressqu l-qorti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numri ta’ każijiet ta’ abbuż sesswali fuq tfal li ġew riferuti lill-pulizija mill-Appoġġ matul is-sena 2008 u x’kien l-eżitu tagħhom huwa kif ġej: Sena Nru ta’ każijiet riferuti mill-Appoġġ Każijiet investigati mill-pulizija wara li ġew riferuti mill-Appoġġ Każijiet mressqa il-Qorti Każijiet li ma ġewx imressqa quddiem il-Qorti 2008 5 5 2 1 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ 1 - il-kwerela rtirata 1 – il-persuna suspettata mietet tul il-kors ta’ l-investigazzjoni
Leg 11 PQ #37810 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

rapporti ta' abbużi sesswali — linji gwidi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi linji gwidi li ssegwi l-pulizija biex tiddeċiedi meta rapport ta' abbuż sesswali fuq tfal tinvestigah u wara li ssib provi ċari biżżejjed tiddeċiedi li tarresta persuna u tressaqha l-qorti u takkużaha b'abbuż sesswali fuq tfal? X'jikkostitwixxu provi ċari għall-pulizija? Jekk jeżistu bil-miktub dawn il-linji gwidi jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? X'passi tieħu l-pulizija biex fejn ir-rapport ta' abbuż sesswali jkun qed isir minn sieħeb/sieħba fi żwieġ bi problemi konjugali, jiġi vverifikat li t-tifla/tifel li qed tagħmel l-allegazzjonijiet mhix qed tintuża minn parti kontra oħra fil-kunflitt bejn il-koppja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għandha l-obbligu bil-liġi li tinvestiga kull rapport, denunzja jew kwerela li tirċievi dwar reati kriminali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija huma rregolati bil-provvedimenti li hemm kemm fil-Kodiċi Kriminali (Kap 9) kif ukoll fl-Att dwar il-Pulizija (Kap 164). Fil-kors ta’ dawn l-investigazzjonijiet, l-arresti jistgħu jsiru kif hemm imsemmi fl-artiklu 355V et seq tal-Kap 9. Il-Pulizija tiddeċiedi tressaqx persuna l-Qorti jew le, wara li jkunu ġew evalwati l-provi kollha miġbura fil-kors tal-investigazzjoni. Huwa biss meta l-grad tal-provi miġbura huwa wieħed għoli u jkun maħsub li jwassal għal sejbien ta’ ħtija quddiem il-Qorti. Jekk l-investigatur ikollu xi dubju jekk il-grad tal-prova huwiex biżżejjed sabiex jakkuża lill-persuna suspettata quddiem il-Qorti jew le, dejjem jista’ jikkonsulta ma’ l-Avukat Ġenerali għal parir tiegħu. Fil-każi relatati ma’ abbużi sesswali fuq it-tfal, dawn ġeneralment jinizjalaw mill-Aġenzija Appoġġ. Wara li dawn jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom, u fejn jaraw li jkun hemm suspett raġonevoli ta’ reat kriminali, dawn jirreferu l-każ għall-investigazzjonijiet kriminali mill-Pulizija. F’dawn l-investigazjonijiet il-minorenni dejjem jiġu mitkellma fil-preżenza ta’ social workers . Barra minnhekk, għalkemm m’hemmx linji gwida bil-miktub, jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex it-tfal f’każijiet bħal dawn ma jkunux użati minn ġenitur jew ieħor.
Leg 11 PQ #37899 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

ċitazzjonijiet mogħtija minn wardens u pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' ċitazzjonijiet li nħarġu, mill-wardens u l-pulizija rispettivament, f'kull waħda mil-lokalitajiet li jqagħu taħt ir-reġjun tat-tramuntana, xahar xahar mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2012? Kemm minn dawn iċ-ċitazzjonijiet tħallsu, s'issa, kemm ġew ikkontestati għand it-tribunal rivesur? Minn dawk li għażlu li jikkontestaw iċ-ċitazzjoni kemm ingħataw raġun?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37900 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Ċitazzjonijiet maħruġa minn cameras

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet li jaqgħu taħt ir-reġjun tat-tramuntana hemm cameras fissi li jistgħu joħorġu ċitazzjonijiet? Kemm ħarġu ċitazzjonijiet mill-istess cameras minn Jannar sa Settembru 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37285 Sitting 519 2012-11-07 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — membri ingaġġati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. Fis-Segretarjat tiegħi, fl-aħħar 4 xhur kien hemm persuna li ġa kienet impjegata tal-Gvern bhala Senior Clerk u li spiċċat mis-Segretarjat għaliex ġiet ingaġġata bħala Senior Clerk fid-Dipartiment Heritage Malta fi ħdan il-Ministeru tal-Turismu, Kultura u Ambjent.
Leg 11 PQ #37772 Sitting 519 2012-11-07 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

12-il distrett elettorali — titjib fl-għasses tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' titjib sar fl-għasses tal-Pulizija tat-12-il distrett elettorali, matul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-Għasses tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex, huwa proċess li jsir kontinwament mit-Taqsima tas-Snajja tal-Korp skont, kif u fejn ikun meħtieġ. Pero’ għar-rigward ta’ dak mitlub mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi matul din is-sena sar xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ fl-Għassa tal-Qawra fejn tbajjad il-parapett u l-faċċata sa l-ewwel sular. Saret ukoll kċina ġdida u lockers għall membri tal-Korp li jkunu f’din l-Għassa. Ġie wkoll installat airconditioner fil-kamra ta’ l-orderly, liema kamra ġiet ukoll imbajda. Fl-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar sar it-taħlib tal-gallarija. Sar ukoll xogħol fl-Għassa tal-Mellieħa, fejn anke’ nbidlu xi xorok u aperturi, saret stallazzjoni tan- network tal- compute r u għaddej ix-xogħol biex tinbidel is-sistema ta’ l-eletriku, inżebgħu l-bibien u saret għamara ġdida għall-Ispettur. Fl-Għassa ta’ l-Għadira sar xogħol ta’ tibjid minn ġewwa u minn barra, filwaqt li fiċ-Ċirkewwa qiegħda tinbena Għassa ġdida bħala parti mill-proġett tat - terminal il-ġdid. Għal dak li jirrigwarda l-Għassa tan-Naxxar matul din is-sena, sar xogħol ta’ tibjid, ġiet installata sistema ġdida ta’ PABX, kif ukoll ġie installat radio tas-servizz ġdid.
Leg 11 PQ #37152 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Intern

bini ta' post għall-immigranti illegali

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-gvern qed iħejji xi post biex xi immigranti illegali jkunu jistgħu jabitaw fih u jikkonferma din ix-xniegħa? Jekk iva, fejn qed jiġi diskuss il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob l-Onorevoli Membru jispeċifika għal liema post qed tirreferi ix-xniegħa li semma fil-mistoqsija tiegħu.