Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrendi — skola primarja - użu tas-sala

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-iskola primarja tal-Qrendi tteħdilha l-użu tas-sala li minbarra għal attivitajiet edukattivi kienet isserviha bħala mezz ta' dħul għax kienet tinkera lill-entitajiet tar-raħal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-użu tas-sala qatt ma ttieħed lill-iskola Primarja tal-Qrendi. Skont il-kap tal-iskola qatt ma kienet tinkera u qatt ma kien hemm dħul ta’ flus għall-iskola.

Qrendi — skola - dehra diċenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-bżonnijiet tal-iskola primarja tal-Qrendi f'dak li hu tiġdid ta' purtieri eċċ. biex l-iskola tkun tidher diċenti? Meta se jitwettqu dawn il-bżonnijiet u kemm jiswew u jekk hemmx flus ivvotai għalihom jew diġà ntefaq ħafna mill-vot tas-sena d-dieħla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm 4 klassijiet li għandhom bżonn purtieri ġodda. Il-purtieri huma skedati li jsiru matul din is-sena skolastika għal stima ta’ 1,600 euro u dawn se jitħallsu meta jsiru.
Leg 11 PQ #38326 Sitting 527 2012-11-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

San Ġwann — bini ta' childcare centre - ilqugħ għall-ilma tax-xita

Question

B'referenza għaċ-childcare centre li qed tinbena fi Vjal ir-Rihan San Ġwann 'il fuq mill-iskola primarja, tista' l-Ministru tikkonferma rapporti li wasluli li l-post li żar il-Prim Ministru xi xhur ilu ma għandux ilqugħ għall-ilma tax-xita u jekk dan huwa minnu dan se jkun konformi ma' dak li s-soltu titlob l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-bini ta’ Child Care Centre u l-estensjoni tal-iskola primarja se jkollhom ilqugħ għall-ilma tax-xita skont il-kundizzjoni 1 h tal-permess PA/01187/12 maħruġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Skola FX Attard Kulleġġ Dun Ġorġ Preca — ilmenti

Question

Peress li l-istudenti tal-iskola FX Attard Kulleġġ Dun Ġorġ Preca, Żebbuġ qed jilmentaw minħabba nuqqas ta' aċċessibilità għall-persuni b'diżabiltà u peress li saru wkoll ilmenti minħabba d-daqs żgħir tat-toilets f'din l-iskola li qed joħloq inkonvenjent lill-istudenti, tista' l-Ministru tara li dawn l-ilmenti jiġu indirizzati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lil Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numri 37261 u 37263.
Leg 11 PQ #38443 Sitting 527 2012-11-26 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Studenti Għawdxin li iggradwaw fl-aħħar tas-sena akkademika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti Għawdxin iggradwaw fl-aħħar tas-sena akkademika 2011/2012? Tista’ l-onor Ministru jekk jogħġobha tagħti dan it-tagħrif skont il-grad li ħadu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor Interpellant jindika għal-liema istituzzjoni edukattiva qiegħed jirreferi.
Leg 11 PQ #621 Sitting 526 2012-11-23 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal LSA

Question

Tista' l-Ministru tara għaliex it-tifla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadha mingħajr LSA?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Bord tal-Appell bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-jiem li għaddew u dawn ġew milqugħa minnufiħ. Għalhekk id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi se jinforma lill-Kap tal-iskola biex jgħid lill-ġenituri bid-deċiżjoni tal-Bord t’Appell.
Leg 11 PQ #37849 Sitting 526 2012-11-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Health Safety and Security — tenders

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk it-tender tal-Health Safety & Security li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament pubblikat fil-31 ta' Lulju 2012 u li għalaq fil-31 t'Awwissu 2012, ma ġiex awarded, għaliex għadu ma ġiex awarded u meta se jiġi awarded?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ ippubblikat l-Award Notice tal-Health, Safety and Security tender, fil-5 ta’ Novembru 2012.
Leg 11 PQ #37850 Sitting 526 2012-11-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ETC — korsijiet tat-Training

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm nies reġistrati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li qegħdin jistennew biex jidħlu fil-korsijiet tat-training?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent hemm madwar 3,485 persuna reġistrata u 10,840 persuna oħra bejn impjegati u inattivi li qed jistennew biex jibdew xi taħriġ mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC). Il-Fondi Soċjali Ewropej (5.7 miljun euro) li permezz tagħhom il-Korporazzjoni kienet qed toffri programmi ta’ taħriġ taħt l-Employability Programme mill-2009 sa din is-sena waslu fit-tmiem tagħhom. Għaldaqstant, il-Korporazzjoni ħadet ħsieb li tissottometti applikazzjoni oħra għal proġett ġdid li jipprovdi fondi ġodda biex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi ta’ taħriġ. Dan il-proġett ġdid, bl-isem ta’ ‘ Enhancing Employability through Training’ , kien approvat u se jitnieda fil-ġimgħat li ġejjin. Dawk li qed jistennew biex jidħlu fil-korsijiet tat-taħriġ ser jibbenefikaw minn dan il-proġett li għandu fondi ta’ madwar 3.4 miljun euro oħra.

warrant ta' għalliema

Question

Tista' l-Ministru tikkonferna li persuna li ngħatat il- permanent warrant ta’ għalliema li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġie mċaħħad lilha n-nomenklatura propju ta’ “għalliema”, minkejja li konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni ma qabilx ma' din id- deċiżjoni? Kien hemm preċedent fis-sens li persuni oħra bħalha ngħataw in- nomenklatuta fuq imsemmija mingħajr problem ta’ xejn, filwaqt li ma' din il-persuna qed tintuża mġieba differenti? Tista' tikkonferma li m’hemm l-ebda każ ieħor ta' persuna li ġiet ittrattata b’dan il-mod?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-part-time instructress li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament ma tistax tingħata n-nomenklatura ta’ għalliema, peress li hija Part-time Instructress u dan mhuwiex meqjus bħala regular grade li huma l-gradi mniżżlin kull sena fil-Financial Estimates fl-iskeda ta’ gradi ppubblikati fil-Financial Esimates mill-Ministeru tal-Finanzi. Il-grad ta’ part-time instructor fis-Servizz Pubbliku huwa pożizzjoni u mhux grad regolari. Skont il-ftehim bejn il-Gvern u MUT iffirmat fl-2010, Part-time Instructors li fis-17 ta’ Lulju 2007 kienu qed jgħallmu fid-Direttorati Edukattivi jkunu eliġibbli biex jiġu msejħa għalliema fuq bażi personali b’kundizzjoni li jikkonkludu b’suċċess b’kors pedagoġiku approvat mill-Awtoritajiet kompetenti u li jkollhom ukoll warrant permanenti ta’ Għalliem li jingħata taħt il-proviżżjonijiet tal-Att tal-Edukazzjoni (Kap 327). B’hekk ma tistax tiġi ‘designated’ għalliema. Il-persuna indikata hija Part-time Instructress u għalhekk taqa’ taħt din il-klawsola. Din il-persuna m’għamlitx kors pedagogiku. Il-persuni li hi allegat li ngħataw nomenklatura ta’ għalliem ma kienux part-time instructors imma kellhom grad regolari mniżżel fl-iskeda ta’ gradi ppublikata kull sena fl-estimi finanzjarji. Skont l-istess ftehim tal-2010, il-Gvern u MUT kienu ftehmu li uffiċjali pubbliċi li jkunu fi grad regolari u li kienu jgħallmu għal mhux inqas ta’ ħmistax-il sena fid-data li ġie ffirmat l-ftehim u li kellhom fil-pussess tagħhom warrant permanenti ta’ Għalliem u li kellhom track record sodisfaċenti jiġu assimilati fi grad ta’ Instructor fid-data ta’ meta l-ftehim ġie ffirmat. Wara dan, dawn l-instructors setgħu imbagħad jiġu ‘designated’ għalliema b’effett mid-data li ħadu l- warrant permanenti ta’ għalliem. Din il-klawsola ma setgħetx tiġi applikata fil-kaz ta’ din il-persuna peress li n-nomenklatura ta’ Part-time Instructor mhux inkluż fl-iskeda tal-gradi. Il-Ministeru u d-Direttorat daħlu ħafna f’dan il-każ u waqt li fehmu ix-xewqa tal-impjegata, fl-aħħar mill-aħħar kellu jieħu deċiżjoni skont il-ftehim li sar mal-MUT fl-2010. Id-Direttorat kiteb lill-impjegata biex jara jekk tkunx interessata tagħmel kors pedagoġiku sabiex id-Direttorat jara jiksibx il-permessi necessarji sabiex tiġi msejħa għalliema.
Leg 11 PQ #37848 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ETC — kuntratt tat-trainers

Question

Tista' l-Minstru tgħid meta twaqqaf u għaliex ġie mwaqqaf l-aħħar kuntratt tat-trainers li suppost spiċċa f'Diċembru 2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq niċċara li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma waqfet l-ebda kuntratt tat-‘trainers’ li rebħu t-tenders taħt l-‘Employability Programme’. Kulħadd kien jaf li dawn kienu kuntratti fuq “timeframe”. Peress li ħafna mill-fondi allokati fil-proġett intużaw u l-miri stabbiliti ntlaħħqu l-ETC organizzat inqas korsijiet fl-aħħar xhur. Sabiex jitkomplew il-programmi ta’ taħriġ, il-Korporazzjoni applikat għal aktar fondi Ewropej li ġew approvati. Il-proġett bl-isem Enhancing Employability through Training ser jitnieda fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Korporazzjoni ħarġet numru ta’ sejħiet għal tenders ġodda biex dawk interessati li joffru s-servizzi ta’ taħriġ taħt dan il-programm jiġu magħżula.

Mini buses Buses — rotot għall-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huwa responsabli sabiex jagħti r-rotta lil tal-mini busses u tal-buses li jieħdu t-tfal għal u minn l-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-responsabbilta' sabiex jippjana, jorganizza, jqassam u jissorvelja r-rotot tal-istudenti tal-iskejjel tal-istat mogħtija lil tal-minibuses u tal-buses hija tal-Unit tat-Trasport fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi fl-Iskejjel fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.

Konsultazzjonijiet għar-rotot tat-trasport tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid issirx konsultazzjoni mal-ġenituri dwar liema għandha tkun l-aħjar rotta u l-aħjar post li jwasslu u jwaqqfu lit-tfal tal-iskola meta jwassluhom lejn l-iskola u lejn id-dar tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar ir-rotot li jintgħażlu sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jagħmel konsultazzjonijiet, fost oħrajn, mal-Kapijiet tal-iskejjel u mal-Prinċipali tal-Kulleġġi. Jisma’ wkoll lil dawk il-ġenituri li jwasslu x-xewqat tagħhom lid-Direttorat. Il-Kapijiet tal-iskejjel u l-Prinċipali tal-Kulleġġi, min-naħa tagħhom, jikkonsultaw mal-ġenituri, u jwasslu x-xewqat tagħhom u tal-ġenituri lura lid-Direttorat. Wara konsultazzjoni mal-operaturi tat-trasport jiġu mfassla rotot li jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti, imma li jkunu fattibbli skont ir-regoli tat-trasport.

Ħinijiet li tfal tal-iskola jinġabru minn djarhom

Question

Tista' l-Ministru tagħti statistika ta x’ħin qed jinġabru t-tfal mid-djar tal-ġenituri tagħhom u x’ħin qed jitwasslu fl-iskejjel, skola b’skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tfal jinġabru minn pick up points stabbiliti u mhux mid-djar tal-ġenituri tagħhom. Il-ħinijiet li fihom jinġabru l-istudenti huma stabbiliti mill-ftehim bejn il-Ministeru/Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-operaturi, u jvarja bejn skejjel primarji u dawk sekondarji, u bejn dawk fil-viċin u dawk fil-bogħod. Dan il-ftehim sar fis-sena 2011 u jgħodd għal 7 snin. Minn tracking system u/jew rapporti li jaslu fid-Direttorati mill-iskejjel, li huma mgħarrfa dwar it- time window aċċettabbli, wieħed jasal biex jistabilixxi jekk xi rotta partikolari segwietx il-ftehim jew le.

Alterazzjonijiet fir-rotot għat-tfal tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm, jekk saru, alterazzjonijiet fir-rotot li jwasslu it-tfal lejn l-iskejjel matul is-sena skolastika 2011 u 2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull darba li tkun mitluba xi alterazzjoni biex l-istudenti jkunu moqdijin aħjar, din l-alterazzjoni tiġi studjata, issir konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, u jekk tkun tista’ tinħadem ir-rotta skont ir-regoli tat-trasport, din tidħol fis-seħħ wara li jkunu mgħarrfa l-partijiet kollha konċernati. M’hemmx rekord formali ta’ dawn it-tibdiliet.
Leg 11 PQ #38095 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — Pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38165 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal review ta' studenta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37128, peress li ntalab review tal-każ u ntbagħtu d-dokumentazzjoni kollha, tista' l-Ministru tara li dan il-każ jiġi mistħarreġ kemm jista' jkun malajr?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari 37128 hemm miktub biex issir talba mill-ġenituri jew mill-iskola tal-istudenta kkonċernata għal review tal-każ. Il-Bord tal-Appell għadu ma rcieva l-ebda talba biex isir review tal-każ.
Leg 11 PQ #38198 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Primarja ta' San Pawl il-Baħar — bidliet demografiċi wara l-estensjoni

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk issa, wara li ġiet estiża l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, din l-iskola hux mistennija li tkun takkomoda l-bidliet demografiċi li seħħew, u li qed iseħħu f'San Pawl il-Baħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta saret l-estensjoni din kienet ippjanata fuq il-popolazzjoni kurrenti u l-bżonnijiet li indikat l-iskola. S’issa ma waslet l-ebda talba għal aktar spazju. Id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi jibqa’ jistudja l-bidliet demografiċi f’din l-iskola u jieħu l-passi neċessarji.
Leg 11 PQ #38199 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

skejjel tal-gvern — ħarġiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru jinsistix mal-iskejjel primarji tal-gvern biex dawn l-istess skejjel jorganizzaw ħarġiet kulturali lejn il-bosta monumenti/tempji storiċi li għandna f'pajjiżna għaliex m'għandix dubju li l-parti l-kbira tal-Maltin li għandhom ċertu età qatt ma żaru dawn il-postijiet, u għalhekk it-tfal tagħna għandhom jingħataw opportunità li jagħmlu dawn iż-żjarat f'età żgħira, biex b'hekk ikunu jistgħu jibdew, minn kmieni jħobbu dawn il-postijiet, u japprezzawhom iktar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel jistgħu jagħżlu biex jagħmlu żewġ zjarat għal kull klassi f’term skolastiku. L-iskejjel jagħżlu ħarġiet edukattivi marbutin mal-kurrikulu nazzjonali u dawn jinkludu postijiet storiċi.
Leg 11 PQ #37802 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Community Work Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet introdotta l-Community Work Scheme? Tista' tgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni li din flok tapplika biss għal dawk li ilhom ħames snin jirreġistraw issa ġiet estiża għal dawk ilhom sitt xhur jew aktar jirreġistraw? Kemm kien hemm nies li nkitbu f'din l-iskema s'issa? Kemm inqagħtu nies mir-reġistru tal-qagħad minn dak iż-żmein 'l hawn? Ġew deployed xi uħud mill-applikanti u jekk iva, kemm u fejn? Tista' tagħti dettalji tal-age groups ta' dawk li s'issa applikaw taħt din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.