San Ġiljan u l-Belt Valletta – Tourism Community Support – Rapport
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat dwar il-proġett pilota ta’ Tourism Community Support li qed jopera f’San Ġiljan u l-Belt Valletta, inkluż in-numru ta’ lmenti riċevuti, il-miżuri implimentati, in-nefqa magħmula u r-riżultati miksuba sal-lum?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota Tourism Community Support fil-Belt Valletta u fis-Swieqi huwa intiż sabiex isaħħaħ il-monitoraġġ, l-infurzar u l-koordinazzjoni bejn l-entitajiet konċernati, bil-għan li jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv kwistjonijiet relatati mal-attività turistika u l-impatt fuq il-komunitajiet lokali.
Dan il-proġett pilota kien jikkonsisti f’numru ta’ inizjattivi minn diversi Ministeri u li s’issa għadu mhux konkluż. Ir-rwol tal-MTA f’dan il-proġett kien jiffoka fuq finanzjament fis-sistemi tal-monitoraġġ (CCTV) lill-Kunsill Lokali tas-Swieqi u sistema sperimentali ta’ sound level monitoring fil-Belt Valletta.
L-MTA kienet ukoll involuta f’inizjattivi ta’ infurzar kemm fis-Swieqi, kif ukoll fil-Belt Valletta, fejn saru mijiet ta’ spezzjonijiet f’postijiet t’akkomodazzjoni turistika.
Aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw galadarba il-proġett pilota jkun konkluż.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tkeċċew studenti mill-ITS Luqa wara li ripetutament fallew il-lectures tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm drabi waslu tard/kienu assenti qabel tkeċċew mill-korsijiet tagħhom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li meta student/a jibda jkun assenti, hemm l-Istudent Retention Unit kif ukoll il-counsellors li jiltaqgħu mal-istudent/a biex jaraw x’inhi r-raġuni ta’ dan l-assentijiżmu u jsir kull sforz biex l-istudent/a jiġi mgħejjun. Jekk l-istudent/a tippersisti u ma tattendix, l-istudent/a jiġi nnotifikat bit-terminazzjoni bid-dritt għall-appell. Matul is-sena akkademika 2025/6, total ta’ 35 student ġew imwaqqfa milli jkomplu l-istudji tagħhom. Fil-każijiet kollha msemmija, din it-terminazzjoni daħlet fis-seħħ malli l-istudenti qabżu l-massimu ta' 20% assenzi permessi skont ir-regoli u r-regolamenti.
Żoni turistiċi – Impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti – Studju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern wettaqx studju li jkejjel l-impatt tat-turiżmu fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiż-żoni turistiċi ewlenin u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn ir-riżultati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għaxar lokalitajiet li rċevew l-akbar numru ta’ żjarat minn turisti matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026, u jindika l-metodoloġija użata biex jiġu kkalkulati dawn iċ-ċifri?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li fost l-aktar lokalitajiet li t-turisti jżuru l-aktar f’Malta, hemm: il-belt Valletta, l-Imdina/Ir-Rabat; Tas-Sliema; Marsaxlokk; iż-żona San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra; t-tliet ibliet tal-Kottonera; San Ġiljan; Il-Mellieħa, Il-Mosta u Ħad-Dingli.
Fid-dawl tal-fatt li l-miri tal-EnVision 2050 fin-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna f’sena jidher illi marru ineżatti b’disa’ snin, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri għandu ppjanati l-Gvern biex ibiegħed mill-komunitajiet f’pajjiżna r-riskju konkret tal-esperjenza ħażina ta’ turiżmu eċċessiv f’ċerti lokalitajiet bħalma huma San Ġiljan, is-Swieqi, Tas-Sliema, il-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar u lokalitajiet oħra, jew matul ċerti perjodi tas-sena?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux l-intenzjoni jirrevedi l-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu, fid-dawl taż-żieda qawwija fil-wasliet tat-turisti, u jekk iva, meta se tiġi ppubblikata din l-istrateġija riveduta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġa stqarrejt pubblikalmnet, għaddej xogħol fuq l-Istrateġija Nazzjonali għat-Turiżmu. Meta jkun il-waqt, jitħabbru aktar dettalji.
B’referenza għad-dikjarazzjonijiet li l-Gvern jagħraf l-importanza li pajjiżna jersaq għal turiżmu ta’ valur ogħla, jista’ l-Ministru jelenka l-indikaturi li qed jintużaw biex jiġi determinat jekk Malta hix verament qed timxi lejn dan il-mudell?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa medja għal kull turist fl-2025 u, separatament, għal kull xahar tal-2026 li għalih hemm disponibbli statistika? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern stabbilixxiex mira ta’ nefqa medja għal kull turist għall-2026?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
MTA - Lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2576 dwar lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lukanda, kmamar u sodod ġew approvati għal kull lokalità? Jista’ jgħid ukoll ta’ liema klassi huma?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
MTA - Lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2575 dwar lukandi b’approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-24 proġett li għalihom saret talba mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), ġewx approvati kollha? Jekk le, kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-mistoqsija parlamentari 2575 il-mistoqsija kienet għal lukandi li kellhom approvazzjoni għal żieda ta’ kmamar. Għaldaqstant ma naħsbux li hemm aktar x’inżidu.
Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal taż-żieda fin-nefqa turistika matul l-2025 u l-2026 huwa attribwibbli għaż-żieda fin-numru ta’ viżitaturi u x’perċentwal huwa attribwibbli għal żieda fin-nefqa medja għal kull turist?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jemminx li ż-żidiet sena wara sena fin-numru ta’ wasliet ta’ turisti jistgħu jibqgħu jiġu sostnuti indefinittivament, u, jekk le, x’limitu jew firxa massima ta’ wasliet turistiċi l-Gvern iqis kompatibbli mal-kapaċità ambjentali, infrastrutturali u soċjali ta’ Malta?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, qabel ma jiġu approvati aktar żidiet fil-kapaċità turistika, il-Gvern hux se jevalwa jekk l-infrastruttura tal-ilma, l-elettriku, id-drenaġġ, l-iskart, it-trasport u t-toroq tal-pajjiż għandhiex kapaċità biżżejjed biex takkomoda d-domanda addizzjonali?
F’każ li l-Gvern għandu pjan li jirrevedi l-miri tat-turiżmu inklużi f'EnVision 2050, jista’ l-Ministru jgħid x’metodoloġija differenti minn dik li ntużat fl-EnVision 2050 ser tiġi użata biex il-previżjonijiet ikunu aktar kredibbli?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, ladarba ġie kkonfermat li Malta tista' tilħaq il-4.5 miljun turist li kien mistenni bħala l-mira għal 2035 skont EnVision 2050, sa kmieni kemm fl-2026, jiġifieri disa’ snin qabel, il-Gvern għandux pjan li jirrevedi l-miri tat-turiżmu inklużi f'EnVision 2050?
Jista’ l-Ministru jispjega liema metodoloġija ntużat fit-tfassil tal-parti tal-EnVision 2050 biex waslet għall-konklużjoni li Malta kellha tilħaq il-4.5 miljun turist fis-sena 2035 meta jirriżulta illi Malta ser tilħaq dik il-mira din is-sena?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2072 dwar spezzjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret f’San Ġiljan u xi rriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu riferut saru ‘l fuq minn 400 spezzjoni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-lokalità ta’ San Ġiljan. Minn dawn l-ispezzjonijiet inħarġu multi amministrattivi, skont iċ-ċirkostanzi u n-natura tal-irregolaritajiet osservati.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2072 dwar spezzjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret f’Tas-Sliema u xi rriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu riferut saru ‘l fuq minn 500 spezzjoni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-lokalità tas-Sliema. Minn dawn l-ispezzjonijiet inħarġu multi amministrattivi u avviżi ta’ infurzar, skont iċ-ċirkostanzi u n-natura tal-irregolaritajiet osservati.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2072 dwar spezzjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret f’San Pawl il-Baħar u xi rriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu riferut saru ‘il fuq minn 300 spezzjoni mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-lokalità f’San Pawl il-Baħar. Minn dawn l-ispezzjonijiet inħarġu multi amministrattivi u avviż ta’ infurzar, skont iċ-ċirkostanzi u n-natura tal-irregolaritajiet osservati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm żewġ propjetajiet li huma b’kirja mingħand il-Gvern, u seba’ propjetajiet li huma b’kirja mingħand il-privat.