Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar it-trasport pubbliku ġewwa Għawdex biex jiġu stabbiliti rotot u frekwenza aħjar tat-trasport pubbliku sabiex ikun aktar effiċjenti u jekk iva, jista’ jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bħala regolatur tagħmel eżercizzju kontinwu dwar kif se tkompli ttejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Lil hinn minn dan, l-operatur, jiġifieri l-Malta Public Transport, mexxiet u kkonkludiet studju dwar il-ħtiġijiet kurrenti, demografiji u xejriet ġodda oħra fosthom id-domanda u għaldaqstant kif is-servizz tat-trasport pubbliku jista’ jitjieb. Abbozz ta’ dan l-istudju ġie mfassal f’Jannar ta’ din is-sena u jiġi reviżjonat b’mod kontinwu skond l-esiġenzi.
Kif spjegajt dan l-studju sar mill-operatur tat-trasport pubbliku flimkien ma’ Transport Malta. Għal dan il-għan, saru numru ta’ laqgħat ma’ numru t’entitajiet u korpi kostitwiti biex ikunu inklużi f’dan l-eżerċizzju. Fost dawn, wieħed jinnota l-parteċipazzjoni ta’ stakeholders varji bħall-MCESD u l-Kamra tal- Kummerċ.
Ninsab infurmat li f’dan l-istadju, id-“data” ta’ dan l-istudju hija meqjusa bħala kummerċjalment sensittiva, iżda wieħed jista’ jieħu nota li r-rapport jinkludi reviżjoni tan-network. Fost dawn ta’ min isemmi:
- Varjazzjoni fuq ċerti rotot li tradizzjonalment jibdew minn ċertu lokalitajiet bħalma huma l-Belt Valletta u l-Isptar Mater Dei. Fil-fatt qed jiġu proposti numru ta’ ‘hubs’ reġjonali b’rotot diretti lejn destinazzjonijiet partikolari u li fl-istess waqt ikunu interkonnessi ma’ lokalitajiet addizzjonali.
- Reviżjoni u mmodernizzar tat-terminals sabiex jiġi faċilitat u espedit l-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri.
- Proposti b’miżuri li jagħtu prijorità lit-trasport pubbliku f’ċertu żoni, u esplora numru ta’ possibilitajiet sabiex jiġu introdotti ‘Bus Rapid Transits’ fuq ċertu rotot.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u jgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet fi Triq Bellavista, f’San Ġwann?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin, ladarba proġetti oħra fl-inħawi, bħal dak ta’ Sant Andrija fis-Swieqi, jilħqu fażijiet avvanzati. Dan qed isir biex kemm jista’ jkun, jiġi kkontrollat l-inkonvenjent għal min jiffrekwenta u jgħix fl-inħawi. Infrastructure Malta tinsab f’komunikazzjoni diretta mal-awtoritajiet konċernati u bi qbil mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, ix-xogħlijiet mistennija jitkomplew fiż-żmien li ġej bl-inqas inkonvenjent possibbli.
Rabat, Għawdex – Triq San Anard – inċidenti kawża ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7817 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u ċjoè: Fid-dawl tal-inċidenti riċenti li seħħew fi Triq San Anard, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu jew beħsiebu jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tiegħu biex tiġi indirizzata l-problema ta' sewqan eċċessiv jew abbużiv f'din it-triq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar xhur, Transport Malta għamlet ‘network-wide road safety assessment’ li kien jinkludi evalwazzjoni tat-toroq arterjali u distributorji u Triq San Anard, Rabat, Għawdex tagħmel parti minn din l-evalwazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ sigurtà aħjar fuq din it-triq ser jiġu pprovduti lill-Ministeru għal Għawdex malli jitlesta r-rapport.
In oltre
, Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal ‘fixed speed camera’, madankollu ser tkun qed tevalwa l-kriterji meħtieġa skont kif imniżżel fl-iSpeed Management on Maltese Roads Policy and Technical Guidance Manual - Annex 3C.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13521, jista’ l-Ministru jippreżenta l-ispiża tax-xogħlijiet ta’ pavimentar li saru fil-proġett tal-pjazza tal-Mosta, inkluż kwalunkwe tender jew direct order relatati, kif ukoll lista sħiħa tal-kuntratturi u sub-contracts involuti f’dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mosta, qed isir xogħol ta’ pavimentar. Dan qed isir b’investiment ta’ €1,352,397 (exc. VAT) u x-xogħlijiet qed isiru minn Hal Mann Vella Limited.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ħames snin, Infrastructure Malta wettqet xogħol infrastrutturali f’għexieren ta’ toroq, fosthom fi Triq Dawret il-Wied, Triq Burmarrad; Triq bla isem qrib Triq il-Bdiewa; Triq bla isem fil-Bidnija; Triq bla isem fi Triq San Pawl Tal-Qliegħa; Triq Alofju Wignacourt; Triq (Unnamed Road) Between Triq L-Imġarr & Triq Il-Bidnija; Triq Wied Is-Sir; -Unnamed road in the limits of Tal-Qolla (Triq il-Bdiewa); Triq tas-Sriedek; Triq Tal-Wej; parti minn Triq il-Valletta; Triq il-Missjunarji Maltin; Triq id-Difiża Ċivili, Mosta; Triq Tal-Milord; Triq Ta' Vnezja; Mosta - Triq San Silvestru; - Triq San Pawl Tal-Qliegħa; Triq Sagra Familja; Triq Rafel Caruana Dingli c/w Triq Darmanin; Triq Patri Ġużè Delia; Triq Madre Tereża; Sqaq Madre Maria Teresa Spinelli; Triq l-Inkurunazzjoni p/o; Triq l-Għollieq; Triq l-Assambea Nazzjonali; Triq Kumbu; Triq it-Tahhan; Triq is-Snajja; Triq ir-Rumani; Triq ir-Rebbiegħa; Triq in-Naqqax; Triq il-Qares; Triq il-Parjan; Triq il-Lunzjata; Triq il-Leġġenda; Triq il-Kunċizzjoni; Triq il-Kostituzzjoni; Mosta Triq il-Kbira; Triq il-Garrier; Triq il-Fuħħar; Triq il-Farinal; Triq il-Familja Cumbo; Triq il-Bidnija; Triq il-Bergamott; Triq il-Bennej; Triq il-Bdoti; Triq Il-Bdiewa Sqaq Nru. 4; Triq il-Baqqunier; Triq il-Ballata; Triq Gio C Dei Marchesi Mallia Tabone; Triq Durumblat; Triq Dun Karm Schembri.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm talba lil Transport Malta biex il-parti ta’ Triq Birkirkara li tmiss ma’ Triq Patri Marjanu Vella, ikun hemm zebra crossing?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jekk qed jirreferi għal Triq Birkirkara u Triq Vella fil-lokalità ta’ Tas-Sliema, Transport Malta ma għandha ebda talba għal ‘pedestrian crossings’ f’dawn it-toroq.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm bosta direttivi, kif ukoll regolamenti tal-Unjoni Ewropea li l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jimplimenta fil-funzjoni tiegħu ta’ kuljum. Dawk id-Direttivi li li kellhom data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali fis-sena 2023 u li ġew trasposti huma s-segwenti:
Direttiva (UE) 2022/738 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq.
Direttiva Delegata tal-Kummisjoni (UE) 2022/2407 tal-20 ta’ Settembru 2022 li temenda l-Annessi tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex jitqies il-progress xjentifiku u tekniku li jkun sar.
Direttiva li għadha pendenti u li qiegħed isir xogħol ta’ abbozzar fuqha sabiex tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali hija:
Direttiva (UE) 2021/2118 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Direttiva 2009/103/KE dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Avviż Legali 117/2014 hux qed jiġi applikat għat-trasport bil-frejgatina bit-turisti mill-Bajja ta' Marsaxlokk u jekk hux qiegħed jiġi infurzat fir-rigward tad-distanzi rikjesti bil-liġi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li s-servizz tat-trasport għat-turisti bil-frejgatina mill-Bajja ta' Marsaxlokk jiġi organizzat aħjar biex jingħata dehra aktar koordinata tal-prodott turistiku Malti u lokali, inkluż billi dawn jinġabru f'postijiet apposta flimkien fil-bidu tal-bajja fejn jinġabru l-maġġoranza tat-turisti bħalma jsir fid-diversi lokalitajiet oħra f'Malta u barra minn Malta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet mal-partijiet kollha konċernati sabiex bi qbil mal-operaturi kollha din iż-żona u dan is-servizz jiġi organizzat aħjar. Għal dan il-għan, l-Awtorità dwar it-Trasport ressqithom b’numru ta’ proposti, miżuri u soluzzjonijiet bl-iskop li jingħata servizz professjonali kif xieraq.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2818, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat dwar ir-rotta 238, mill-Imġarr għall-Belt u lura, li numru ta' drabi mhux qiegħda tgħaddi jew tiġi tard mill-ħin rikjest, b'tali konsegwenza li l-istudenti li jkollhom jattendu l-istudju tagħhom jaslu tard jew anke li kien hemm każi fejn tilfu anke l-lezzjonijiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin fil-Mosta, ir-Rotta 238 qiegħda tgħaddi minn devjazzjoni. Din id-devjazzjoni qed twassal għal vjaġġ itwal bil-fuq minn żewġ kilometri (kull vjaġġ). Konsegwenza ta’ dan qed jirriżulta li f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata, dawn il-vjaġġi jaslu tard fid-destinazzjoni tagħhom u allura jitilqu tard għall-vjaġġ ta ritorn ukoll.
Madanakollu, tajjeb li nindika li minn stħarriġ li twettaq fuq perjodu ta’ żmien, jirriżulta li r-‘reliability’ ta’ din ir-rotta kien ta 97.6%. Dan li stħarriġ kien ibbażat fuq id-data tal-GPS li hemm fuq kull karrozza tal-linja.
Jista’ l-Ministru jgħid mit-tenders li nħarġu u ġew awarded fis-sena 2022 biex toroq jinbnew mill-ġdid jew jiġi rranġat l-asfaltar u/jew is-servizzi tat-triq, f’kemm minn dawn inqabeż id-deadline stipulat sakemm tlestew u ġew iffinalizzati x-xogħlijiet, u f’kull każ jgħid b’kemm inqabeż?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista tal-Kuntratti li ġew ikkuntrattati fl-2022 tinstab ippubblikata fil-gazzetta tal-Gvern. Sa issa l-ebda minn dawn ix-xogħlijiet ma jirriżultaw li qabżu d-data taż-żmien biex jitlesta x-xogħol.
Iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn – Proġetti minn Infrastructure Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti saru minn Infrastructure Malta fil-lokalitajiet taż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk u Wied il-Għajn separatament, mill-bidu tas-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll xi proġetti hemm ippjanati f’dawn l-istess lokalitajiet?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Marsaxlokk, u Wied il-Għajn, mill-bidu tal-2022 sal-lum, twettqu dawn ix-xogħlijiet: Triq il-Qattus, Għaxaq, Triq Dun V Scicluna Hernandez, Għaxaq, Triq Tgeżwira, Għaxaq, Trejqet Santu Kristu, Għaxaq, Triq Wied Ħas Saptan/Sqaq il-Pont/Trejqet R Dimech, Għaxaq, Triq Connaught/ Triq il-Kantur/ Triq Kamumilla/Ta’ Ganza Area, Żejtun, Triq il-Ġiebja Rumana, Żejtun, Triq il-Wilġa/Triq Santa Katerina, Marsaxlokk, Triq il-Kajjik/Triq iċ-Ċippi Maraxlokk, triq alternattiva lejn Delimara, Xatt il-Batterija ta’ Riħama Wied il-Għajn, Triq San Nikola, Triq id-Difiża Kostali, Wied il-Għajn, Misraħ is-Suq, Żejtun, Triq Dun Ġużepp Demicoli, Għaxaq, Trejqet ir-Rummien and PO Triq il-Bwar, Għaxaq, Triq San Piju X / Triq San Profilju /, Triq Santa Fawstina / Triq Santa, Monika / Triq San Ġużepp / Triq Beland Żejun, Triq Delimara Marsaxlokk, it-triq li tagħti lejn il-kamra tan-nar Santa Katerina, Marsaxlokk, Triq Mons. Cachia Abela.
Din hija l-lista ta’ toroq li l-Kunsilli Lokali msemmija pproponew lil Infrastructure Malta biex iwettqu xogħlijiet infrastrutturali fihom: Tal-Barrani Junction; Trejqet Ir-Rummien & P/o Triq Il-Bwar /Triq Il-Gebelin /Triq Dwardu Buttiġieġ /PO Triq Dun Ġużepp Demicoli/Triq IĠĊ-Hareb/ Triq Iċ-Ċimiterju/ Triq Id-Dejl/Triq Il-Bizzilla/Triq Rebbiegħa/ Triq Napuljun Caruana Dingli/Triq Santa Tereża/Alleys - Set 1/ Vjal Il-Labour, Ghaxaq. Mistah Santa Marija /Triq Zebbug & Triq Ir-Remissi/Triq Santa Cecilia/Misraħ Pizzuto/Wegghet Ġużeppi Pulis Montebello/Triq Wied Il-Ghajna/Triq Mons Cachia Abela/ Triq San Duminku/ Triq Il-Qadi/ Triq Id-dahla ta San Tumas/ Xeht il -Forom/ Triq Dun Mikiel Cassar/ Triq San Alfonsu/ Triq Sant Anglu/ Mistrah Mikiel Anton Vassalli /Sqaq Tal-Usif Nru 1, Zejtun. Triq 8 ta'Mejju /Triq San Frangisk/Triq Santa Katerina/ Triq Il-Galjazz /Triq Lepanto/ Triq Il-Felukka /Triq Arznell/Triq Trunċiera /Triq Bir Rikka & Ta'Silġ, Marsaxlokk. Triq l-Iskal /Triq Il-Gross/Triq Salvu Buħaġiar /Triq Is-Silla /Triq Il-Gramastri /Triq San Nikola/P/o Santa Marija /Triq Artilieri /Triq Il-Bajja /p/o Triq La Sengle /Triq Vajrita, Marsaskala.
Raħal Ġdid – Triq l-Arkata – Infurzar tas-sinjali tat-traffiku
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13537, peress li jidher li s-sinjali tat-traffiku ma humiex biżżejjed u qegħdin jiġu injorati, sal-fatt li hemm nies li qed jispiċċaw isewwu l-gallarija kull ġimgħa, jista' l-Ministru jara li jsir ukoll infurzar b'uffiċjali ta' Transport Malta? Jista' wkoll jikkonferma li kif jgħid is-sinjal, vetturi ogħla minn 2.5 metri ma jistgħux jitilgħu minn dik it-triq lanqas biex jagħtu servizz, u mhux kif ta x'jifhem fit-tweġiba tal-mistoqsija oriġinali? Jista' jistudja l-possibilità li tiġi installata xi forma ta' struttura li tillimita l-għoli tal-vetturi kif sar fid-daħla tal-mina ta' taħt ir-runway tal-Airport fit-22 ta' Novembru ta' din is-sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nikkonferma lill-Onor. Interpellant li vetturi ogħla minn 2.5 metri ma jistgħux jitilgħu minn toroq fejn hemm din il-limitazzjoni, però kif diġà indikajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13537, is-sinjal tat-traffiku f’dan il-post mhuwiex standard u Transport Malta qed tieħu l-azzjonijiet neċessarji sabiex dawn jinbidlu.
Fir-rigward tal-istruttura li qed jipproponi l-Onor. Interpellant, ninfurmah li la hu prattiku u wisq anqas sigur li jitwaħħlu tali strutturi f’nofs ta’ triq. Mill-banda l-oħra għandu jkun hemm osservanza tas-sinjali tat-traffiku u għaldaqstant nikkonferma li l-Awtorità għat-Trasport ser tkun qed twettaq aktar sorveljanza f’din iż-żona.
Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7954, 9172 u 11145, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li x-xogħlijiet ta’ tiswija fi Triq San Ġwann l-Belt Valletta, isiru billi bl-użu frekwenti qed isiru iktar urġenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonjiet biex isir l-aħjar intervent f’dawn l-akkwati.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw liċenzji tas-sewqan, tal-y plate u mhux, lil persuni barranin mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħarġet 3,894 liċenzja tas-sewqan lill-persuni barranin (li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija jew mhumiex imwielda Malta) bejn l-1 ta’ Jannar 2022 sal-14 ta’ Novembru 2023.
Ħ’Attard — Triq il-Linja, Wied Rmiedi u Triq id-Dorga - Xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10790 jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħol fuq l-imsemmija toroq, speċjalment Wied Rmiedi u Triq il-Linja, ser ikun lest?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tliet proġetti msemmija, Infrastructure Malta qed tagħmel minn kollox biex dawn ix-xogħlijiet jitlestew kif pjanat, filwaqt li joħolqu l-inqas inkonvenjent lir-residenti u l-inħawi.
Fi Triq id-Dorga fadal l-aħħar saff ta’ asfalt u l-marki taż-żebgħa. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Infrastructure Malta qed tistenna direzzjoni mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali dwar il-konservazzjoni ta’ element arkeoloġiku li nstab waqt il-ftuħ ta’ trinka tal-ilma tax-xita, f’parti minn Triq il-Linja.
Fi Triq il-Linja u f’Wied Rmiedi, jonqos isir l-aħħar saff tal-asfalt u l-marki taż-żebgħa. Ix-xogħlijiet mistennija jistlestew fil-ġimgħat li ġejjin.
Ħ’Attard — Triq A. Camilleri u Triq il-Qiegħa - Xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jinbeda x-xogħol fuq Triq A. Camilleri u Triq il-Qiegħa, f'Ħ’Attard, u meta ser jitlesta? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-istima u kemm biħsiebha tkun in-nefqa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq A. Camilleri hu previst li jibda fix-xhur li ġejjin wara li jiġi konkluż proċess ta’ konsultazzjoni ma’ entitajiet varji. Min-naħa l-oħra Infrastructure Malta m’għandhiex xogħol ippjanat fl-immedjat għal Triq il-Qiegħa.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11347 jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu sabiex Triq Kottoner, fil-Fgura, tiġi aħjar milli hija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Kottoner huma parti minn proġett iktar usa’. Din it-triq ser issir flimkien ma’ Triq San Tumas, bix-xogħlijiet mistennija jibdew fix-xhur li ġejjin.