Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żejtun — Restawr ta’ knejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema knejjes ġew restawrati jew kienx hemm għajnuna għall-konservazzjoni tagħhom matul dawn l-aħħar tliet snin fil-lokalità taż-Żejtun? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali sa issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar tliet snin ġew restawrati dawn il-knejjes fil-lokalita’ taż-Żejtun: · Kappella ta’ San Klement – restawr minn barra (taħt l-Iskema tar-Restawr tal-Kunsilli Lokali 2022/23). Nefqa ta’ Eur11,037.35 għal xiri ta’ materjal, bir-restawr isir minn ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni. · Parroċċa ta’ Santa Katerina – restawr tal-faċċata ta’ wara (li tagħti fuq Pjazza Diċembru 13). Nefqa ta’ Eur112,697.79, bir-restawr isir minn kuntrattur wara sejħa għall-offerti. Barra minn hekk, ftit tal-ġimgħat ilu inbeda ukoll ir-restawr minn barra tal-Kappella ta’ Santa Marija f’Misraħ Santa Marija (taħt l-Iskema tal-Kunsilli Lokali 2024-25).

Ħal Għaxaq — Siġar taż-żebbuġ

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq li jiddiskuti l-possibbilità ta’ enumerazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ iktar ‘il quddiem, wara li jitlesta proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ żona li fiha diversi siġar taż-żebbuġ. Rigward il-ġbir taż-żebbuġ, dan mhux qed jintilef, imma qed jinġabar u jintuża mir-residenti.

Il-Gudja — Siġar taż-żebbuġ

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali tal-Gudja biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Gudja ser ikun qed jara li jinnumera s-siġar kollha taż-żebbuġ b’tag apposta. Rigward l-ġbir taż-żebbuġ, matul ix-xahar ta’ Settembru u l-bidu ta’ Ottubru, il-Kunsill ser ikun qed jorganizza inizjattiva fil-lokalità sabiex ir-residenti jiġu mħeġġa jiġbru ż-żebbuġ li hemm f’diversi żoni fil-Gudja. Il-Kunsill ser ikun qed jipprovdi l-għodda neċessarja biex dan ikun jista’ jsir.

Santa Luċija — Siġar taż-żebbuġ

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li, peress li l-ammont ta’ siġar taż-żebbuġ fil-lokalità huwa sostanzjali, mhux possibbli li wieħed jinnumera s-siġar kollha. Min-naħa l-oħra, iż-żebbuġ jiġi maqtugħ bħala parti minn inizjattiva ta’ EkoSkola sabiex minnu jsir iż-żejt.

Valletta Green Festival 2025 — Pjazza San Ġorġ - Ġnien temporanju - Spiża totali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun tiswa l-ispiża totali kif ukoll jipprovdi break down dettaljat tal-ispiża għall-ġnien temporanju fi Pjazza San Ġorġ bħala parti mill-Valletta Green Festival 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif mgħoddija lili.

MUŻA — Rapport ta' preżenza ta' moffa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27097 u 27487 u ċjoè: Fid-dawl li f’Awwissu tal-2019 il-Mużew Nazzjonali tal-Arti (MUŻA), kien ingħalaq għall-pubbliku minħabba l-preżenza ta’ moffa rrapurtata fuq il-kwadri tal-kollezzjoni nazzjonali u peress li minn dak in-nhar sa żminijiet reċenti wieħed seta’ jinnota dehumidifiers imferrxin mal-Mużew minbarra ħsarat oħra evidenti fil-binja fejn baqgħet tidher żebgħa mqaxxra sforz l-ilmijiet li daħlu fil-binja, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport intern imħejji minn esperti fil-konservazzjoni u d-dijanjostika ta’ Heritage Malta dwar dan il-każ? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport intern inkluż jekk ittieħdetx azzjoni legali biex tinġarr ir-responsabbiltà għall-ħsara li setgħet saret?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2019, 2023 u 2024 – liema snin ma konniex affettwati mill-pandemija tal-Covid-19 - Heritage Malta tirrapporta li fil-MUZA daħlu total ta' kważi 120,000 viżitatur, b’mijiet ta’ viżitaturi daħlu f’esebizzjonijiet temporanji ta’ artisti lokali u oħrajn li rrikorrew għal dan l-ispazju biex jesebixxu t-talenti tagħhom. Riċentament, il-galleriji tal-arti fil-MUZA bdew jieħdu xejra differenti wara li sar xogħol ta’ tibdil sinifikanti fil-wirjiet permanenti tal-MUZA, bil-konċentrazzjoni tal-ħidma kienet fuq is-swali tal-ewwel sular. L-għan tal-proġett huwa li tkompli tingħata esperjenza usa’ tal-arti f’Malta. Heritage Malta hija impenjata li l-wirja permanenti tibda timmatura l-kunċett li fost oħrajn ma tħallix artisti Maltin jintesew. It-tibdil qed isir ukoll biex is-sit ikompli jservi ta’ tagħlim dwar l-istorja tal-arti f’pajjiżna u ta’ dak li jinfluwenzaha. It-tibdil qed ipoġġi f’ordni kronololoġika l-arti minn żmien il-preistorja sas-seklu 21. Il-MUZA għaddejja minn tranżizzjoni li permezz tagħha ser nagħtu esperjenza usa’ fejn il-viżitatur ser ikun iċ-ċentru tal-ħidma tal-MUZA. Kull darba li jżur dan is-sit, il-viżitatur ser jara l-MUZA tevolvi għax ħloqna spazji ġodda, bl-esperjenza ser tieħu lill-viżitatur f’esperjenza dwar l-istorja artistika ta’ Malta. Permezz ta’ dan il-mużew nemmnu li bl-arti nitkellmu aħjar. Heritage Malta ser tibqa’ impenjata biex tkompli ssegwi l-aktar xejriet moderni dinjin fil-qasam tal-mużeoloġija. Fil-prattika dan jissarraf f’li l-focus tas-siti u l-mużewijiet ma jibqax esklussivament fuq il-preżentazzjoni tal-kollezzjoni, iżda jmur fuq il-viżitatur u l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu. Il-mużewijiet u s-siti tagħna qed jingħataw din il-bixra ġdida permezz ta’ diversi innovazzjonijiet, fosthom fir-rigward tal-interpretazzjoni, li kulma jmur qed issir inqas akkademika u iktar faċli biex tinftiehem. It-teknoloġija qed tgħinna ħafna wkoll, u bis-saħħa tagħha l-esperjenza tal-viżitatur kulma jmur qed issir dejjem iżjed interattiva u immersiva. Fir-rigward ta' kwistjonijiet klimatici, informat li Heritage Malta għandha espert estern li assista b'rapport u suġġerimenti ta' miżuri sabiex jiġu minimizzat kemm jista' jkun fatturi marbuta ma' umidita'. M'għandix diffikulta' li privatament ngħaddi kopja tal-istess lill-Onor. Interpellanta. Dawn l-azzjonijiet ittieħdu, u r-riżultati huma naturalment pożittivi kif dan is-suċċess qed jurim Tant hu hekk li bħalissa Heritage Malta tinsab għaddejja bit-tieni fażi ta’ ri-organizzazzjoni tal-wirjiet permanenti fil-MUZA.

Anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea — Ċelebrazzjonijiet - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż totali marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-anniversarju tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li saru fit-30 ta’ April 2025 fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Port il-Kbir?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.

Skultura ta’ Antonio Sciortino — Akkwist

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Gvern ma ta l-ebda informazzjoni lill-pubbliku dwar skultura li tidher li hija ta’ Antonio Sciortino li nxtrat għall-Kollezzjoni Nazzjonali bil-prezz ta' €163,000? Ma jaħsibx li l-pubbliku kellu jiġi infurmat mill-Gvern b’dan l-akkwist u l-prezz tal-istess akkwist? Jista' jgħid ukoll min kienu l-individwi li ħejjew rapport u stima ta’ din l-opra u jekk intalbitx l-opinjoni tal-esperti mid-Dipartiment tal-Arti tal-Università?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta xtrat l-iskultura bit-titlu Speed ta’ Sciortino għall-prezz indikat f’din il-PQ. Dan ix-xiri sar f’Ġunju tal-2014 u apparti li ġiet esibita għall-pubbliku, l-iskultura kienet ukoll imsemmija fil-gazzetti. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ l-artiklu li deher online tat-Times of Malta datat 28 ta’ Ġunju 2014, fejn juri li dan l-akkwist kien imsemmi fil-midja u jindika wkoll il-valur tal-iskultura. Għandek issib ukoll il-link tal-artiklu msemmi https://timesofmalta.com/article/heritage-malta-buys-antonio-sciortinos-speed.525401 Dan l-akkwist ġie dokumentat ukoll fir-rapport annwali ta’ dik is-sena, f’paġni 1, 9 u 16, li qed inpoġġi kopja tiegħu wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll Heritage Malta m’għandha l-ebda obbligu li bilfors titlob parir ta’ terzi kull darba li takkwista xi oġġett, iżda tagħmel dan skont il-bżonn, każ b’każ. F’din l-okkażjoni ma kienx hemm bżonn u imxiet fuq il-parir tal-professjonisti fi ħdanha.

Kunsill Lokali ta’ Pembroke — Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27518 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke applika għal din l-iskema għal żewġ proġetti. Proġett minnhom jinkludi l-upgrading tal-passaġġ li jinsab bejn Triq Alamein u Triq Giorgio Mitrovich, fejn ser isir pavimentar ġdid, jinbidlu xi servizzi u jissebbħu l-ħwat. Il-proġett l-ieħor jikkonsisti fil-bdil tal-bankina tat-triq mingħajr isem li tinsab bejn Triq il-Mediterran u l-parkeġġ ta’ wara l-Pembroke Athleta Sports Club.

Kunsill Lokali tal-Gżira — Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27519 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Gżira applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Gżira applika għal din l-iskema u x-xogħol jikkonsisti f’titjib tal-bankini fi Triq Manoel de Vilhena.

Is-Salini — Sit tal-Katakombi - Tour virtwali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25429, fil-parti fejn jingħad li fl-2022 kien inħoloq tour virtwali tas-sit tal-Katakombi tas-Salini, jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex daqstant żmien wara, l-istess tour virtwali baqa’ ma ttellax fuq il-website? Jista’ jgħid meta hu mistenni li dan it-tour jittella’ fuq l-istess website?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li t-tour virtwali tas-sit tal-Katakombi tas-Salini bħalissa jinsab fl-istadju ta’ editjar, flimkien ma’ tours virtwali oħra ta’ siti differenti. Dawn ser jiffurmaw parti minn pjattaforma diġitali ġdida - virtual museum platform, li l-Aġenzija għandha fil-pjan li tniedi aktar tard din is-sena.

Armaturi Ġappuniżi — Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti tekniċi relatati mar-restawr li sar reċentement tal-armaturi Ġappuniżi? Jista’ ukoll jagħti spjegazzjoni dwar kif waslu f’pajjiżna u min kien għamel tali donazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-armaturi tas-Samuraj kienu ngħataw bħala rigal lil Malta minn delegazzjoni Ġappuniża li żaret pajjiżna u li kienet tinkludi lill-ħassieb famuż Yukichi Fukuzawa – Samuraj, edukatur, filosfu, u figura prominenti fil-modernizzazzjoni tal-Ġappun. Kien ukoll il-fundatur tal-Università Keio f’Tokjo u sa ftit ilu kien jidher fuq il-karta tal-10,000 yen Ġappuniż. Id-delegazzjoni kienet parti mill-Missjoni Bunkyu, li kellha l-għan li tinnegozja trattati ġodda u ħadet sehem f’laqgħat diplomatiċi madwar l-Ewropa kollha. Waqfa f’Malta kienet ħaġa naturali minħabba l-qagħda strateġika ta’ pajjiżna, u minn hawn id-delegazzjoni baqgħet sejra Franza. Din kienet l-ewwel żjara rekordjata ta’ nies Ġappuniżi f’Malta. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tar-Stqarrija għall-Istampa li nħarġet mill-Aġenzija f’dawn l-aħħar jiem bid-dettalji kollha. Fir-rigward tar-rapporti tekniċi relatati mar-restawr, dawn għadhom mhux finalizzati peress li x-xogħol fuq tnejn mill-armaturi għadu għaddej. Ladarba r-restawr jitlesta u d-dokumentazzjoni tkun kompluta, kopji tar-rapporti jkunu jistgħu jiġu ppreżentati kif meħtieġ.

Marsaxokk — Siġar taż-żebbuġ

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qiegħed bħalissa fi stadju li jibda jinnumera s-siġar taż-żebbuġ tal-lokalità. Parti miż-żebbuġ jinġabar minn xi għaqdiet volontarji tal-lokalità bi ftehim mal-Kunsill.

Wied il-Għajn — Siġar taż-żebbuġ

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, jista’ l-Ministru jgħid x’passi beħsiebhom jittieħdu mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn biex is-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fil-lokalità jiġu nnumerati u l-istess żebbuġ jinġabar u ma jintilifx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn li l-proposta imsemmijja se tiġi diskussa fis-seduta tal-kunsill li jmiss. Se tiġi diskussa ukoll il-possibilità ta’ numerazzjoni mal-kuntrattur tal-ġonna tal-lokalità. Bħalissa m’hemmx arranġamenti biex iż-żebbuġ jinġabar.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul April 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru ghall-Wirt Nazxjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tiegħu fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni kif mitluba taqbeż l-advisory cost limit.

Żviluppi kummerċjali — Skart iġġenerat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27013 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u jgħid min hu responsabbli u kif, tal-entità responsabbli biex tiżgura li l-iskart iġġenerat minn żvilupp kummerċjali ma jiġix miġbur mill-kuntrattur li jopera s-servizz ta’ ġbir bieb bieb, f’kull waħda mis-sitt reġjuni ta’ pajjiżna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li ma kienx hemm rapporti dwar każijiet ta’ skart iġġenerat minn żvilupp kummerċjali li jkun miġbur mill-kuntrattur li jopera s-servizz ta’ ġbir bieb b’bieb fl-ebda wieħed mir-Reġjuni. Jekk dan ikun il-każ, id-Diviżjoni tassisti lill-Kunsilli Reġjonali rispettivi biex jieħdu l-passi neċessarji.

Ħaż-Żabbar — St. Peter’s Area – Proġett tal-bandli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25453, jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun qed jitlesta l-proġett tal-bandli f’St. Peter’s Area, Ħaż-Żabbar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar li l-Proġett tal-Bandli ta’ St.Peter’s Area mistenni jitlesta sa Ottubru ta’ din is-sena.

Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid – Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27512 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li ġew sottomessi żewġ applikazzjonijiet għal fondi mill-imsemmija skema sabiex isiru bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat fi Vjal Kristu Re u biex isir l-isqaq li minn Triq Bormla jagħti għal Triq il-Qalb ta’ Ġesu.

Kunsill Lokali tal-Fgura — Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27513 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Fgura applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura kien applika għal din l-iskema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Xi xogħlijiet, fosthom bankini u ċnut diġà fil-fatt tlestew.