Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rotta 110 – Żieda fil-frekwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta u/jew Malta Public Transport għamlux jew humiex jagħmlu studju dwar il-possibbiltà li l-frekwenza tar-Rotta 110 tiżdied minn madwar darba fis-siegħa għal darba kull 30 minuta, partikolarment minħabba d-domanda minn Ta’ Ġiorni, San Ġwann, is-Swatar, Birkirkara u Tas-Sliema? Jekk iva, jista’ jqiegħed ir-riżultati tal-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra, u jekk le, għaliex le?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2657.

Rotta 110 – Frekwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-frekwenza skedata attwali tar-Rotta 110 bejn Pembroke u l-Marsa Park & Ride, fiż-żewġ direzzjonijiet? Jista’ jgħid ukoll meta kienet l-aħħar darba li saret reviżjoni speċifika tal-frekwenza ta’ din ir-rotta u x’kien ir-riżultat ta’ dik ir-reviżjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-Rotta 110 bejn Pembroke u l-Marsa Park & Ride bħalissa hija skedata li topera darba fis-siegħa f’kull direzzjoni. L-aħħar tibdil fir-rotta sar fl-2017, meta ġiet estiża lejn Ta’ Ġiorni. Madankollu, dan ma jfissirx neċessarjament li dakinhar saret l-aħħar reviżjoni speċifika tal-frekwenza. Analiżi tal-użu tar-rotta turi li fl-2025 kull vjaġġ ġarr medja ta’ kważi 31 passiġġier, filwaqt li bejn Jannar u Awwissu 2026 il-medja kienet ta’ 33 passiġġier. Dawn il-figuri jindikaw li, b’mod ġenerali, il-kapaċità skedata qed tlaħħaq mad-domanda, għalkemm jista’ jkun hemm vjaġġi partikolari b’domanda ogħla. Bħalissa għaddej ukoll studju komprensiv tan-network tat-trasport pubbliku, bil-għan li jiġu evalwati tibdiliet fis-servizz.

Karozzi tal-linja – Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-karozzi tal-linja matul is-sena 2026 u kemm minn dawn l-ispezzjonijiet irriżultaw li kien hemm is-sistema tal-awdjoannunzji (Audio Announcement System) li ma kinitx qed tiffunzjona kif suppost? Jista’ jgħid ukoll kif jiġi assigurat li ssir il-manutenzjoni meħtieġa sabiex is-sistema terġa’ tiġi f’kundizzjoni tajba għall-benefiċċju tal-passiġġieri?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Settembru 2026 twettqu total ta’ 17,888 spezzjoni fuq il-karozzi tal-linja.  Waqt dawn l-ispezzjonijiet, kien hemm 926 każ li fihom instab li l-Audio Announcement Systems ma kienux qegħdin jaħdmu kif suppost. Ninsab infurmat li wara li tinġibed l-attenzjoni, isiru follow-up inspections sabiex ikun żgurat li n-nuqqas ġie ndirizzat mill-operatur tat-trasport pubbliku.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru ghall-Mobbilta` Sostenibbli, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Marsaskala – Triq ix-Xatt, Pjazza Dun Tarcis Agius u Triq is-Salini – Bus shelters/bus stops

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4111 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u jgħid meta se jerġgħu jitpoġġew il-bus shelters u l-bankijiet fuq il-bus stops li nqalgħu madwar erba’ xhur ilu minħabba x-xogħlijiet ta' riġenerazzjoni, fi Triq ix-Xatt, Pjazza Dun Tarcis Agius u Triq is-Salini, f’Marsaskala?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Marsaskala – Triq is-Salini – Bus stops

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-bus stop temporanju li ġie installat riċentement fi Triq is-Salini, f’Marsaskala, qed ikun ta’ periklu peress li jinsab bi dritt is-slipway u faċċata tal-ħruġ ta’ Triq il-Kappara? Jistgħu jittieħdu passi biex dan il-bus stop ma jibqax fejn hu, anke fid-dawl li diġà jeżisti bus stop ieħor fl-istess triq u d-distanza bejniethom hija ferm inqas minn dik stipulata fir-regolamenti li jirrigwardaw dawn il-qisien?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed twettaq spezzjonijiet f’dan is-sit u jekk ikon hemm bżonn jittieħdu l-passi meħtieġa.

Sistema Shore-to-Ship – Bastimenti li ma setgħux jikkonnetjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-bastimenti li daħlu fil-port ma setgħux jikkonnetjaw għal xi raġuni jew oħra mas-sistema Shore-to-Ship?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Lulju 2024 sal-bidu ta’ Novembru 2026 kien hemm 8% tal- bastimenti kolla tal-passiġġieri li daħlu fil-Port il-Kbir, li għal xi raġuni jew oħra ma setgħux jitqabbdu mal-infrastruttura tal-provvista tal-elettriku shore-to-ship. Il-konnessjoni tiddependi minn diversi kunsiderazzjonijiet, fosthom it-tagħmir meħtieġ mill-bastimenti.  Ta ’ min jirrimarka wkoll li l-awtoritajiet konċernati jibqgħu impenjati li jinkoraġixxu l-użu tax-shore-to-ship, iktar u iktar minħabba l-fatt li dan se jkun mandatorju fl-2030.

Sistema Shore-to-Ship – Bastimenti li kkonnetjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-bastimenti li daħlu fil-port ikkonnetjaw mas-sistema Shore-to-Ship, minn kemm ilha li bdiet topera din is-sistema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Lulju 2024 sal-bidu ta’ Novembru 2026 kien hemm 174 bastiment tal-passiġġieri (cruise liner) li tqabbdu mal-infrastruttura tal-provvista tal-elettriku shore-to-ship.

Rotta numru 106 – Frekwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’liema frekwenza tgħaddi l-karozza tal-linja bin-numru 106 minn Ħal Lija, Ħal Balzan u Birkirkara fid-direzzjoni lejn l-Isptar Mater Dei u l-Università ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-pjan li din il-frekwenza tiżdied?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta 106 topera bi frekwenza ta’ kull siegħa.

Ir-Rabat, Malta – Triq Ġorġ Borg Olivier

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2764 u 3954 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2024, jista’ l-Ministru jagħti update ta’ x’sar f’dawn l-aħħar tliet xhur fir-rigward ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, Malta, fid-dawl li dalwaqt se jerġgħu jibdew l-iskejjel u ser jiżdied iktar l-użu ta’ din it-triq u magħha jiżdiedu l-inkonvenjenzi, ħsarat lir-residenti u perikli?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġu diskussi numru ta’ proposti f’laqgħat li qed isiru mal-Kunsill Lokali tar-Rabat.

Rotta 62 – Dewmien frekwenti u nuqqas ta’ regolarità fis-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ir-rotta 62, li sservi lill-komunità tas-Siġġiewi, qed tesperjenza dewmien frekwenti u nuqqas ta’ regolarità fis-servizz, b’mod partikolari fi Triq Dun Manwel Zammit?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed twettaq monitoraġġ fl-inħawi tat-triq imsemmija biex tivverifika din l-osservazzjoni, u fejn meħtieġ, tieħu azzjoni korrettiva, jekk dan jirriżulta li huwa minnu.

Rotta 62

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba r-rotta 62 naqset milli tgħaddi skont l-iskeda uffiċjali tagħha matul l-aħħar tnax-il xahar, u kemm kien id-dewmien medju rreġistrat għal din ir-rotta matul l-istess perjodu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Ħal Tarxien - Ġnien Ovindoli - Tappieri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3822 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenarazzjoni tal-Port il-Kbir u l-mistoqsija parlamentari 3823 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u ċjoè: Fid-dawl li t-tappieri fi Ġnien Ovindoli ġewwa Ħal Tarxien fin-naħa ta’ Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija ġew magħluqa jew imblukkati, jista’ l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri jitnaddfu sabiex jerġgħu jiffunzjonaw kif suppost?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Ir-Rabat, Malta - Żona ta’ Koronja - Wied il-Qlejgħa - Installazzjoni ta’ bozoz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan jew applikazzjoni biex jiġu installati bozoz mal-bridge li jaqsam fuq Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes), fiż-żona ta’ Koronja, fil-limiti tar-Rabat, Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

L-Imġarr, Għawdex – Fast Ferry Terminal – Nefqa fuq iż-żona ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa t-tisqifa fiż-żona ta’ stennija għall-passiġġieri fit-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, li jservi l-vjaġġi lejn il-Belt Valletta, inklużi l-ispejjeż tad-disinn, ix-xiri u l-installazzjoni tagħha, u jagħti rendikont separat ta’ kull nefqa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali għat-tisqifa fiż-żona ta’ stennija tat-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, kienet ta’ €181,773.80, (eskluż l-VAT).

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi ma kienx appuntat fuq bordijiet jew kumitati fi ħdan il-Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli fid-29 ta’ Mejju 2026, u lanqas ma ngħata xi ħatra simili sussegwentement.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16 u jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 2372.

Għawdex – Triq l-Imġarr – Speed humps

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra l-installazzjoni ta’ speed humps (sleeping policemen) jew miżuri oħra biex titnaqqas il-veloċità tal-vetturi fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem, bil-għan li tittejjeb is-sigurtà u jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku f’din it-triq? Jekk iva, liema miżuri huma ppjanati u meta se jiġu implimentati?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 3911.

Skrappjar ta’ vetturi elettriċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3225 u 3851 u jgħid jekk il-Gvern għandux pjan biex jindirizza l-piż finanzjarju li jista’ jaqa’ fuq sid ta’ vettura elettrika meta din il-vettura tkun trid tiġi skrappjata, partikolarment minħabba l-ispejjeż marbuta mat-trattament u r-rimi tal-batterija? Fid-dawl ta’ rapporti ta’ każijiet fejn konsumaturi ntalbu jħallsu spejjeż li allegatament laħqu l-€10,000, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jiġu kkonsidrati sabiex dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fuq il-konsumatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.