Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħsarat strutturali fil-faċċata

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex il-fond tal-gvern li għandu ħsarat strutturali fil-faċċata li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma' jkunx ta' periklu għal terzi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ħa nota ta’ dan l-ilment u ser issir spezzjoni fil-ġranet li ġejjin mill-perit tad-dipartiment biex jara l-ħsarat strutturali li hemm fil-faċċata li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament, kif ukoll iressaq ir-rapport tiegħu lill-Awtorità tad-Djar għal kull azzjoni meħtieġa.

Għajn Tuffieħa — Ħal Ferħ - kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li bih ġiet trasferit Ħal Ferħ Għajn Tuffieħa u jekk sar xi amendi għalih wara jitpoġġew l-emendi wkoll?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih ġie trasferit il-kumpless ta’ Ħal Ferħ, Għajn Tuffieħa. Ma kien hemm l-ebda emendi wara dan il-kuntratt.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta. Negozji Żgħar u Konsumatur — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 37400.

kumpens ta' art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34824, jista' l-Ministru jara li l-persuna kkonċernata tiġi kkuntatjata?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizzjoni tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għadha l-istess kif kienet meta ngħatat ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34824. Però kif ingħad f’din ir-Risposta, saret stima riveduta tal-art indikata skont it-termini tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88). Id-Dipartiment jagħmel kuntatt mal-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, aktar ’il quddiem, meta jkun f’pożizzjoni li jipproċedi bil-ħlas tal-kumpens dovut.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — rendikont ta' infiq mill-vot

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-vot allokat għall-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur mis-sena 2008 'l hawn, sena b'sena, u jagħti rendikont ta' kif intnefaq dan il-vot għas-snin imsemmija, sena b'sena?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37426 u 36918 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32818, jista' l-Ministru jgħid jekk dan iffisirx li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità politika tal-Ministru ma jżommu l-ebda kontroll fuq l-impjegati u dawk li jingħataw xi xogħol xi jwettqu? Jekk fin-negattiv, l-mistoqsija oriġinali tkun tista' tiġi mwieġba?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur u d-Dipartimenti u Entitajiet li jaqgħu taħtu qed jagħmlu użu mis-servizzi ta’ tlieta u għoxrin (23) persuna li huma self-employed. Dawn qed jipprovdu servizzi ta’ Pariri Legali, Patent Officer, Coordinator u Faciliatator ta’ Crafts Initiatives, Lab Support, Assistenza Ġenerali, Farmaċisti , Accountancy, Linguistic Translators, Konsulenza fuq Perizja u Herbal Expert.

Applikazzjoni għal xiri ta' fond

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet t-talba li saret mill-indivdwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li applika biex jixtri il-fond tiegħu li jinsab il-Birgu li s-sid huwa il-Gvern ta' Malta?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern lesta x-xogħol kollu sabiex il-binja li tinkludi fiha l-fond li dettalji tiegħu ntbagħtu separatament jiġi trasferit lill-Awtorità tad-Djar. Issa jonqos li l-Awtorità tad-Djar toħroġ Avviż legali li turi t-trasferiment ta’ din il-proprjetà u wara li dan l-avviż legali jiġi ppublikat, l-applikant ikun irid jagħmel l-arranġamenti mal-istess Awtorità tad-Djar biex jixtri l-fond in kwistjoni.

Palm reader fid-dipartimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36942 u jikkonferma jekk hux se tiddaħħal is-sistema tal-palm readers fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet it-tender għal dan ix-xogħol? Kemm se jitwaħħlu palm readers minn min rebaħ dan il-kuntratt u x'inhu l-valur tal-kuntratt?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qabel li jiġu stallati sistemi tal-palm readers fil-każijiet fejn il-management tad-dipartimenti konċernati ħassew il-bżonn li jagħmlu dan. Kull dipartment involut ħa l-passi neċessarji biex ssir l-implimentazzjoni neċessarja.

Talba għall-akwist ta' dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'proċedura jonqos li tinħadem sakemm it-talba li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u li qed isir lid-dipartiment ikkonċernat tkun tista' tiġi aċċettata?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ewwel ma jrid isir huwa li jiġi aċċertat min huma s-sidien tal-proprjetà li dettalji dwarha intbgħatu separatament. Dan jista’ faċiliment isir billi l-persuni interessati jagħmlu kuntatt mad-Dipartiment sabiex jiġi spjegat lilhom il-proċedura li tkun trid issir. Wara li s-sidien iġibu prova tat-titlu tagħhom fuq l-art li ġiet akkwistata mill-Gvern u jiġu rikonoxxuti mid-Dipartiment bħala s-sidien vera ta’ din l-art, is-sidien ikunu jistgħu jikkontestaw l-ammont offrut lilhom quddiem il-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet skont it-termini tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet (Kap 88).

Passaġġ fir-raba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' individwu li huwa s-sid u għandu raba privati li iżda m'għandu l-ebda aċċess ħlif li jagħmel użu minn passaġġ li jgħaddi mir-raba tal-gvern li hemm idawwar ir-raba ta' dan il-bidwi? Għalhekk, f'dan il-każ, il-bidwi għandu dritt li jgħaddi mir-raba li hemm u li fiha hemm passaġġ li jwassal għar-raba ta' dan il-bidwi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fin-nuqqas li kuntratt bilaterali jipprovdi għal użu ta’ dritt ta’ passaġġ, f’dan il-każ japplikaw il-provedimenti rispettivi tal-Kodiċi Ċivili (Kap.16) tal-Liġijiet ta’ Malta.

Kera ta' raba

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' sid ta' raba li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ilu jistenna li jħallas il-kera xi disa' snin imma għadhom qatt ma qalulu biex iħallasha?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament kien applika taħt l-Iskema tal-Art Agrikola tal-Gvern li għalqet fis-sena 2001 u għandu 2 applikazzjonijiet. Peress li meta għalqet l-Iskema daħħlu ’l fuq minn 9 t’elef applikazzjoni, ġie deċiż li dawn l-applikazzjonijiet jinħadmu lokal lokal. Fil-fatt ix-xogħol fuq il-lokal fejn hemm ir-raba’ maħdum mill-persuna li dettalji tagħha ntbagħtu separatament għadu ma nbediex. Meta jinbeda x-xogħol fuq rikonnoxximenti ta’ raba’ f’dan il-lokal partikolari, din il-persuna tiġi nfurmata biex tersaq għall-kuntratt ta’ kirja u tħallas il-kera dovuta inkluż l-arretrati.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — aċċessibilità fl-uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar sitt xhur l-Awtorità dwar il-Medicini fi ħdan il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta Negozji Żghar u l-Konsumatur saħħet is-sistema tas-sound li għandha fil-board room għall-beneficcju tal-impjegati li għandhom nuqqas ta' smigħ.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta. Negozji Żgħar u Konsumatur — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36729 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li sa Settembru saru b’kollox ħdax (11)-il Direct Order li b’ kollox jammontaw għal €195,564 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu.

Titolu ta' proprjetà f'San Ġiljan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-gvern ta' Malta għandux xi titolu jkun li jkun fuq din il-proprjetà?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fond li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament huwa proprjetà tal-Gvern skont il-Ftehim li sar bejn il-Gvern u s-Santa Sede.

Stat tal-Fortizza Campbell

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stat tinsab il-Fortizza Campbell, limiti tal-Mellieħa? Xi pjanti għandu d-dipartiment ikkonċernat ta' din il-fortizza?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi kif għidt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37186, ma saret l-ebda evalwazzjoni tal-ħsarat li hemm f'din il-Fortizza li ilha żmien twil abbandunata. Apparti ħsarat kawżati mill-elementi, il-Fortizza kemm il-darba ġiet vandalizzata peress li m'hemm l-ebda ilqugħ li jipprojbixxi l-access. Intant, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għandu biss pjanta magħmula fuq survey sheet li turi ż-żona ta' din il-Fortizza. Il-pjanta qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kuntratt finali tal-garaxx

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni issir il-kuntratt finali tal-garaxx li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-art fuq liema hemm mibni dan il-garaxx għadha qed tiġi akkwistata mill-Gvern. Għaldaqstant qabel ma jitħallsu s-sidien oriġinali għall-akkwist ta’ din l-art, u l-proprjetà tiġi ttrasferita lill-Awtorità tad-Djar, il-kuntratt finali tal-garaxx li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament, ma jistax isir għalissa.

Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet l-applikazjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament quddiem id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi t-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qed tiġi evalwata. Fil-fatt qed isir ix-xogħol kollu neċessarju sabiex il-proprjetà in kwistjoni toħroġ għall-kiri permezz ta’ sejħa għall-offerti wara li jinkiseb l-approvazzjoni tal-Kumitat tat-Tenders fi ħdan id-Dipartiment. Ngħarraf lill-Onorevoli Membru illi meta toħroġ is-sejħa għall-offerti, il-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament, kif ukoll kull applikant ieħor li jista’ jkun hemm għal din il-proprjetà, jiġu infurmati bil-miktub.

Ħaddiema ta' Skala 5 — xogħol mhux tal-grad tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni minn skala 5 'l fuq li huma on secondment ma' xi entità oħra u allura mhux qed jagħmlu xogħol fil-grad tagħhom? X'inhi r-raġuni għal dan is-secondment u ma' liema entità oħra qegħdin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 37313.

MCP Ltd — postijiet ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kalkulazzjonijiet u pariri tekniċi oħra li l-Ministru u/jew Dipartiment tal-Artijiet ingħata u li fuq dawn il-pariri kien stabbilit il-valur ta' 100 post f'parkeġġ għall-94 sena, liema valur kien imbgħad rifless fil-kuntratt propost li l-Gvern Malti se jagħmel mal-MCP Ltd.

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 37127.

Ħaddiema ta' Skala 5 — xogħol mhux tal-grad tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36966 u jgħid kemm hemm persuni minn skala 5 'l fuq li huma on secondment ma' xi entità oħra u allura mhux qed jagħmlu xogħol fil-grad tagħhom? X'inhi r-raġuni għal dan is-secondment u ma' liema entità oħra qegħdin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 37313.