Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sistema ta’ twissijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3557 u jgħid liema sistema ta’ twissijiet pubbliċi kienet formalment fis-seħħ bejn il-21 ta’ Ġunju 2022 u l-introduzzjoni tas-sistema Reverse 112, u jispeċifika jekk din kinitx konformi mal-Artikolu 110(1) jew mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe valutazzjoni teknika jew legali, imwettqa fid-dawl tal-linji gwida tal-BEREC, li turi l-effettività tas-sistema, partikolarment f’termini ta’ kopertura ġeografika, ħin tat-trażmissjoni tat-twissijiet u kapaċità li jintlaħqu l-persuni kollha fiż-żoni affettwati, inklużi turisti, persuni li jużaw servizzi ta’ roaming u persuni temporanjament preżenti f’Malta? Jista’ jgħid ukoll liema awtorità kienet responsabbli sabiex tivverifika din il-konformità u jekk sarux testijiet dokumentati tal-effettività tas-sistema?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585

Maltempata Harry – Twissijiet diretti fuq mobiles

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3556 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3186, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed iqis it-twissijiet permezz tal-media soċjali u l-mezzi tax-xandir bħala sistema alternattiva konformi mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta l-istess artikolu jeskludi espressament is-servizzi tax-xandir mill-mezzi alternattivi previsti? Jekk iva, jista’ jispjega fuq liema bażi legali u teknika l-Gvern wasal għal din il-konklużjoni? Jekk le, jista’ jidentifika liema sistema oħra kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-istess artikolu matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Vittmi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4048 u jgħid kemm-il darba, fl-aħħar ħames snin, persuni li rrapportaw vjolenza domestika sfaw vittmi ta’ aggressjoni serja jew saħansitra omiċidju wara li kienu diġà talbu l-protezzjoni tal-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Mandati ta’ arrest mhux eżegwiti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4047 u jgħid kemm-il mandat ta’ arrest relatat ma’ vjolenza domestika baqa’ mhux eżegwit, għal kemm żmien, u x'miżuri ttieħdu biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal tali nuqqasijiet?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat illi fil-preżent f’dawn il-gżejjer hemm għaxar (10) mandati ta’ arrest relatati ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika li għadhom mhux eżegwiti. Minn dawn, erba’ (4) jikkonċernaw persuni Maltin u sitta (6) jikkonċernaw persuni barranin. Fir-rigward tal-persuni Maltin, tnejn jinsabu rikoverati fl-Isptar Mount Carmel (MCH) u għadhom qed jirċievu kura, persuna waħda ma setgħetx tiġi lokalizzata u ddaħħlet fis-sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), filwaqt li persuna oħra tinsab barra minn Malta.  Fir-rigward tal-persuni barranin, dawn kollha jinsabu barra minn Malta u nħarġu allerti fis-sistema SIS fir-rigward tagħhom.

Uffiċjali tal-Pulizija – Skwadra ta’ Kontra d-Droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-Pulizija attwalment assenjati mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta, maqsuma skont il-grad, u kemm kien hemm uffiċjali assenjati ma’ din l-Iskwadra matul l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’investiment huwa ppjanat fir-riżorsi umani u fit-tagħmir sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga f’Għawdex?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li n-numru attwali ta’ uffiċjali assenjati mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u Għawdex, maqsum skont il-grad, kif ukoll iċ-ċifri annwali tal-aħħar għaxar snin, jinsabu fit-tabella mehmuża. L-Iskwadra tifforma parti mid-Dipartiment tal-Kriminalità Organizzata u taħdem mill-qrib mal-Criminal Intelligence and Analysis Unit (CIAU), li tanalizza informazzjoni u intelligence dwar it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata, f’kollaborazzjoni ma’ aġenziji internazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Il-Korp tal-Pulizija jkompli jinvesti fir-riżorsi umani, f’tagħmir modern u f’software speċjalizzat biex isaħħaħ il-kapaċità investigattiva u analitika tiegħu. Din il-ħidma tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u ż-żarmar ta’ gruppi kriminali organizzati, kif ukoll għall-qbid tal-assi ġġenerati minn attivitajiet. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnhu hemm 66 proprjetà li hija b’kirja mingħand il-Gvern, inkluż il-binja tal-Ministeru u 45 proprjetà li huma b’kirja m’għand il-privat.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 700 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar risposta mogħtija f’domanda parlamentaru Nru 975

Is-Swieqi – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1956 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u jelenka l-miżuri li l-Gvern implimenta jew għandu l-ħsieb jimplimenta sabiex jindirizza l-isfidi relatati mal-indafa, l-infurzar, il-vandaliżmu, l-imġiba antisoċjali u l-preservazzjoni tal-karattru residenzjali tal-lokalità tas-Swieqi?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li, matul l-aħħar xhur, ittieħdu numru ta’ inizjattivi biex jissaħħu s-sigurtà u l-ordni pubbliku fis-Swieqi permezz ta’ koordinazzjoni bejn il-Korp tal-Pulizija, LESA, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), il-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) u l-Kunsill Lokali. Dawn inkludew iż-żieda ta’ rondi preventivi u infurzar immirat, inkluż matul il-ħinijiet ta’ billejl. Sar ukoll monitoraġġ u spezzjonijiet fuq proprjetajiet short-let, filwaqt li l-kollaborazzjoni mar-residenti u s-sistema ta’ sorveljanza fiż-żona komplew jikkontribwixxu għaż-żamma tal-ordni pubbliku u l-indirizzar ta’ każijiet ta’ mġiba antisoċjali.

Is-Swieqi – Rapporti dwar storbju, vandaliżmu u mġiba antisoċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1949 u jgħid kemm-il rapport dwar storbju, vandaliżmu, imġiba antisoċjali u disturbi għall-kwiet pubbliku ġew irreġistrati fil-lokalità tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn u jekk hemmx pjan ta’ tisħiħ tal-infurzar għal din il-lokalità?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li d-dettalji tar-rapporti rreġistrati fis-sistema elettronika tal-Korp tal-Pulizija dwar storbju, vandaliżmu u disturbi għall-ordni pubbliku jinsabu fit-Tabella A. Dawn il-figuri ma jinkludux każijiet li jiġu indirizzati mill-Pulizija waqt ir-rondi jew permezz ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, fejn tittieħed azzjoni immedjata kif meħtieġ. Fir-rigward tal-kumplament tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta mogħtija f’domanda parlamentari Nru. 3244 Tabella ‘A’:Ksur ta’ paċi u ordni pubblika Swieqi fis-snin 2024, 2025 and 2026 sa 22/10/2026 irreġistrati fin-NPS Kategorija Sub-kategorija Swieqi 2024 2025 2026 Ksur ta’ paċi u ordni pubblika Annimali 0 2 1 Argumenti 6 5 11 Mużika għolja 1 14 10 Ħsejjes waqt kostruzzjoni 0 1 2

Ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kisbet iċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni bejn Jannar u Ġunju 2026, billi jindika l-pajjiż ta’ oriġini ta’ kull benefiċjarju?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ċittadinanza Maltija u passaport Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi oriġinaw il-persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija u passaport Malti bejn Jannar u Ġunju 2026, billi jipprovdi n-numru għal kull pajjiż?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Passaporti Maltin maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il passaport Malti nħareġ bejn Jannar u Ġunju 2026 u jindika kemm inħarġu lil persuni li kienu diġà ċittadini Maltin u kemm lil persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Trabi barranin imwielda Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-pajjiżi barranin li l-ġenituri b’ċittadinanza ta’dak il-pajjiż kellhom l-akbar numru ta’ trabi mwielda f’Malta bejn Jannar u Ġunju 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qorti u Tribunal t’Għawdex - Każijiet ta’ pussess tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 465 u 1115 u jgħid kemm-il każ ta’ pussess sempliċi ta’ droga ġie rrappurtat jew tressaq quddiem il-Qrati f’Għawdex u quddiem it-Tribunal matul is-snin 2024, 2025 u 2026, maqsuma sena b’sena, u jindika x’tip ta’ sustanzi kienu involuti f’dawn il-każijiet?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Sena Numru ta’ każi ta’ pussess sempliċi ta’ droga rrapurtati f'Għawdex Numru ta’ persuni mressqa l-Qorti skond data tal-Pulizija Numru ta’ persuni mressqa fit-Tribunal skond data mis-sistema LES 2024 14 Nil 3 pussess ta’ kannabis 3 pussess ta’ kokaina 4 pussess ta’ eroina 2025 9 2 pussess ta’ kokaina 2 pussess ta’ kannabis 2 pussess ta’ kokaina 3 fuq konsum ta’ kannabis fil-pubbliku 2026 sa Settembru 8 1 Pussess ta’ Kannabis 1 pussess ta’ kokaina 1 pussess ta’ kannabis 5 fuq konsum ta’ kannabis fil-pubbliku

Is-Swieqi – Uffiċjali tal-Pulizija assenjati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1950 dwar in-numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija assenjati sabiex iservu l-lokalità tas-Swieqi u dwar jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu r-riżorsi fid-dawl tal-ilmenti relatati mal-infurzar, jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni għall-perjodu attwali, jiġifieri mill-bidu tat-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija f’domanda parlamentari Nru. 3244

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Vittmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba, fl-aħħar ħames snin, persuni li rrapportaw vjolenza domestika sfaw vittmi ta’ aggressjoni serja jew saħansitra omiċidju wara li kienu diġà talbu l-protezzjoni tal-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Rispo sta tingħata f’xi seduta oħra

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Mandati ta’ arrest mhux eżegwiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mandat ta’ arrest relatat ma’ vjolenza domestika baqa’ mhux eżegwit, għal kemm żmien, u x'miżuri ttieħdu biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal tali nuqqasijiet?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Rispo sta tingħata f’xi seduta oħra

Twelid ta’ trabi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-trabi li twieldu bejn Jannar u Ġunju 2026 kellhom: i.    ġenitur wieħed ta’ ċittadinanza Maltija; u ii.    iż-żewġ ġenituri ta’ ċittadinanza barranija? Jista’ jgħid ukoll mil-liema pajjiżi huma l-ġenituri?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Membri tal-Korp tal-Pulizija – Miżuri ta’ protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3727 u jgħid kemm membri tal-Korp tal-Pulizija sfaw vittmi ta’ aggressjoni fiżika jew ġarrbu ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bejn l-2021 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-membri tal-Korp tal-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li sfaw vittmi ta’ aggressjoni fiżika jew ġarrbu ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bejn l-2021 u l-20 ta’ Ottubru 2026, maqsuma sena b’sena jidher fit-tabella hawn taħt. Sena Membri tal-Korp tal-Pulizija sfaw vittmi ta’ aggressjoni fiżika Membri tal-Korp tal-Pulizija li ġarrbu ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom 2021 2 21 2022 6 37 2023 6 34 2024 9 32 2025 3 23 *2026 8 24 *Sa 20 ta’ Ottubru 2026 Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw taħriġ dwar il-prevenzjoni ta’ attakki f’ sitwazzjonijiet perikolużi, b’taħriġ addizzjonali għall-uffiċjali ta’ ċerti taqsimiet speċjalizzati. Kull membru għandu bodycam , mezzi ta’ komunikazzjoni għall-għoti ta’ allert f’każ ta’ periklu, u tagħmir protettiv skont id-dmirijiet tiegħu. Sar ukoll titjib fil-vetturi u fit-tagħmir tal-operat, kif ukoll fil-miżuri ta’ sigurtà f’postijiet ta’ riskju għoli. Barra minn hekk, il-membri għandhom aċċess għal servizz kunfidenzjali ta’ appoġġ psikoloġiku, partikolarment wara inċidenti trawmatiċi jew sitwazzjonijiet ta’ periklu.