Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Għases tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-bidu tas-sena sal-lum l-għases kollha ta' Għawdex meta kienu miftuħa u bil-pulizija assenjati fihom u meta kienu magħluqa? Jista' jispjega għaliex l-għases ta' lokalitajiet kbar f'Għawdex bħax-Xagħra u n-Nadur qegħdin ikunu aktar magħluqa u bla pulizija milli miftuħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Għases prinċipali kollha f’Għawdex inkluż Kemmuna jiftħu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, filwaqt li għases oħra jinfetħu skont l-esiġenzi tas-servizz. Infurmat li madankollu f’kull raħal issir ronda regulari permezz tal-Iskwadra Mobbli tad-Distrett kif ukoll mit-Taqsima tat-Traffiku biex dawn ikopru l-ħtiġijiet fil-lokalitajiet kollha, inkluż ix-Xagħra u n-Nadur. Ma nħossx li tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija għandu jkun ippubblikat.

Għawdex – Pulizija stazzjonati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati f'Għawdex fil-preżent u x’inhu r-rank tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm suppost huwa l-full complement tal-pulizija f'Għawdex u x'qed isir biex jintlaħaq dan in-numru?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li f’Awwissu 2019 kien hemm mija u sebgħa u għoxrin (127) membru tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati f’Għawdex, li kienu fir-rankijiet kif jidher fit-tabella hawn taħt: Supretendent 1 Spetturi 2 Maġġuri 1 Surġenti (irġiel) 16 Surġenti (nisa) 1 Kuntistabbli (irġiel) 88 Kuntistabbli (nisa) 11 Kuntistabbli ta’ riserva 7 Total 127 Infurmat ukoll, li l-proposti għall-full complement ġewwa Għawdex hu ta’ mija u ħamsa ħamsin (155) uffiċjal tal-Pulizija, madankollu filwaqt li l-ammont jiżdied regulari, din il-figura tista’ tvarja u tiddependi mill-esiġenzi tas-servizz.

Għases f’Malta u Għawdex mhux miftuħa 24 siegħa kuljum

Question

Jista’ l-Ministru jelenka liema huma l-għases fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex li ma humiex miftuħa 24 siegħa kuljum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Għases prinċipali kollha f’Malta u f’Għawdex inkluż Kemmuna jiftħu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, Għases sekondarji oħra jinfetħu skont l-esiġenzi tas-servizz. Madankollu f’kull raħal issir ronda regulari permezz tal-RIU u vetturi tad-distrett f’Malta u permezz tal-Iskwadra Mobbli fid-Distrett fil-każ ta’ Għawdex. Dawn ikopru il-ħtiġijiet fil-lokalitajiet kollha. Mhix il-prassi li tagħrif aktar dettaljat dwar l-operat tal-Pulizija, ikun ippubblikat.

Uffiċjali tal-Pulizija fid-distretti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka distrett b'distrett (tal-Pulizija) kemm kien hemm uffiċjali tal-Pulizija f'kull distrett u r-rank tal-istess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li sal-20 ta’ Settembru 2019, l-ammont ta’ membri tal-Pulizija stazzjonati fid-distretti Malta u Għawdex, kien ta’ elf u wieħed u ħamsin. Dawn imqassma kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Banda tal-Pulizija – bandisti li mhumiex membri tal-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li jservu bħala bandisti mal-Banda tal-Pulizija fid-diversi kunċerti u esebizzjonijiet li jsiru, qed ikun hemm b’mod regolari numru ta’ persuni li mhumiex membri tal-Korp tal-Pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal dan, kif qegħdin jintgħażlu l-persuni minn barra l-Korp biex idoqqu mal-Banda u x’inhi r-rata li titħallas lil dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li sa mis-sena 2009 mużiċisti li mhumiex membri tal-Korp tal-Pulizija jieħdu sehem mal-Banda tal-Pulizija kull meta jinħass il-bżonn u mhux b`mod regolari. Dan l-iktar ikun meħtieġ f’kunċerti ta` ċertu entità meta jogħla l-livell tal-Banda, anke minħabba li hemm ċerti sezzjonijiet tal-banda nieqsa. Il-postijiet ta’ dawn il mużiċisti mtlew minn persuni li wrew ix-xewqa li jdoqqu mal-Banda tal-Pulizija, liema persuni jdoqqu għas-sodisfazzjon tagħhom u dan mingħajr ebda ħlas.

Banda tal-Pulizija – persuni li mhumiex membri tal-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li mhumiex membri tal-Korp tal-Pulizija li daqqew mal-Banda tal-Pulizija mill-1 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Settembru 2019 u kemm tħallsu individwalment (wieħed wieħed) u globalment?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kien hemm diversi persuni li mhumiex membri tal-Korp tal-Pulizija li daqqew mal-Banda tal-Pulizija mill-1 ta’ Ottubru 2018 sat-30 ta’ Settembru 2019. Infurmat iżda li ma tinżammx lista speċifika għal kull kunċert. Dawn huma persuni, li fil-maġġoranza tagħhom ilhom joffru dan is-servizz sa mis-sena 2009, u meta jdoqqu dan jagħmluh mingħajr ħlas.

Banda tal-Pulizija — Ingaġġ ta’ Pulizija part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħsieb wara s-sejħa riċenti li saret għall-ingaġġ ta’ pulizija part-time fil-Korp, speċifikament biex idoqqu fil-Banda tal-Pulizija, hijiex intiża sabiex jiġu mneħħija mill-istess banda membri tal-Korp li huma full-time u li bħalissa jdoqqu fl-istess banda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li s-sejħa riċenti li saret għall-ingaġġ ta’ Pulizija part time fil-Korp, speċifikament biex idoqqu fil-Banda tal-Pulizija mhijiex intiża sabiex jiġu mneħħija membri tal-Korp li bħalissa jdoqqu fil-Banda. Is-sejħa saret sabiex jimtlew il-vakanzi li jeżistu fl-istess Banda.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, lill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali u lill-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru hu kif jidher hawn taħt: Ġunju – Diċembru 2017 : 12-il tallba Jannar – Diċembru 2018 : 17-il talba Jannar – Settembru 2019 : 23 talba Minn dawn kien hemm 1 ikkanċellata, 21 milqugħa, 25 rrifjutati u 5 għadhom pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru, l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Persuni li weħlu ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li weħlu l-ħabs f’dawn l-aħħar tliet snin minħabba: a. Vjolenza Domestika; b. Serq; c. Droga; d. Kienu fil-pussess ta’ xi arma tan-nar; u e. Għax użaw vjolenza fuq il-Pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej: 2017 2018 Jan–Sett 2019 a. Vjolenza Domestika 13 12 5 b. Serq 136 143 88 c. Droga; 92 70 46 d. Kienu fil-pussess ta’ xi arma tan-nar 0 4 2 e. Għax użaw vjolenza fuq il-Pulizija 16 17 13

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – każijiet ta’ sejba ta’ droga jew sustanzi oħra llegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ sejba ta’ droga jew sustanzi oħra llegali ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 t’Awwissu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 14-il każ ta’ sejba ta’ droga jew sustanzi oħra fil-Faċiita’ Korrettiva ta’ Kordin fil-perjodu indikat. Bl-eċċezzjoni ta’ żewġt każijiet biss, dawn is-sejbiet kollha tad-droga kienu maqbuda permezz tal-iscanners waqt id-dħul tal-priġunier ġewwa l-Faċilità Korrettiva. Kull sejba li kien hemm issejħet il-pulizija u din qed tinvestiga kif isir f’każijiet bħal dawn.

Forzi Armati ta’ Malta – nefqa fuq uniformijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq uniformijiet ġodda għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 t’Awwissu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntefqu €501,328.09 fuq uniformijiet ġodda għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 t’Awwissu 2019.

Forzi Armati ta’ Malta – nefqa fuq uniformijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq uniformijiet għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 t’Awwissu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntefqu €648 fuq uniformijiet tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 t’Awwissu 2019. Din l-ispiża tirrigwarda l-ħasil.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – nefqa fuq uniformijiet għal gwardjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq uniformijiet għal gwardjani tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 t’Awwisu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq uniformijiet għal Uffiċjali Korrettivi tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 t’Awwissu 2019 kienet ta’ €193,210.51.

Każijiet ta’ pickpocketing rrapportati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ pickpocketing irrapportati fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 t’Awwissu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ każijiet dwar pick-pocketing irreġistrati mill-pulizija għal perjodu bejn Jannar u Awwissu 2019 kien ta’ 456. Ta’ min jinnota li n-numru ta’ każijiet naqas drastikament f’dawn l-aħħar snin, fil-fatt f’dawn l-aħħar tlett snin kienu rrappurtati dawn il-każijiet : 2016 – 2447 każ 2017 – 2144 każ 2018 – 1149 każ

Każijiet ta’ rapporti ta’ hit-and-run

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' hit-and-run irrapportati bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 t’Awwissu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar 2019 u l-31 ta’ Awwissu 2019, il-pulizija rreġistrat erba’ mija u sebgħa u erbgħin (447) rapport ta’ hit and run. Każijiet ta’ hit and run jinkludu, vetturi ma’ nies, vetturi ma’ bini u vetturi ma’ vetturi.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri li qed jingħataw trattament għal problema tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm persuni ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li qegħdin jingħataw xi trattament għall-problema tad-dipendenza fuq id-droga?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 90 persuna li qegħdin jieħdu trattament mediku, permezz tal-methadone, minħabba d-dipendenza li kellhom fuq id-droga. 81 persuna qegħdin jieħdu sapport psikoloġiku mis-Servizzi Psikoloġiċi tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. 15-il persuna fil-preżent qegħdin jattendu programm residenzjali. 44 persuna qegħdin ikunu assistiti mill-Aġenzija Sedqa u l-Caritas bi preparazzjoni għal programm residenzjali.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri żgħażagħ taħt l-20 sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm żgħażagħ taħt l-20 sena ġewwa l-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar t’Awwissu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 18-il persuna taħt l-għoxrin sena fil-Faċilità Korrettiva.

Membri tal-Korp li huma avukati – assistenza lil klijenti tagħhom f’każijiet il-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk avukati li huma membri tal-Korp għandhomx permess li jaħdmu ta’ avukati privatament fil-ħinijiet li ma jkunux on duty? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma jew jiċħad li dawn l-avukati jistgħu wkoll jassistu klijenti tagħhom f’każijiet il-Qorti anke fi proċeduri kriminali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li membri tal-Korp għandhom permess li jaħdmu ta’ avukati privatament fil-ħinijiet li ma jkunux on duty. Dawk il-membri tal-Korp gradwati fil-liġi u li applikaw mal-Kummissarju tal-Pulizija skont kif tenut fiċ-ċirkulari Numru 8/2018 tat-28 ta’ Frar 2018, jistgħu jaħdmu ta’ avukati, b’ċerti kundizzjonijiet però mhux fi proċeduri kriminali.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħadmu sigħat ta’ overtime mill-uffiċjali kollha tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fil-perjodi bejn l-1 ta’ Jannar 2018 u l-31 t’Awwissu 2018 u l-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 t’Awwissu 2019?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej: 2018 126,367.5 siegħa 2019 154,609 siegħa Ir-rata ta’ overtime hi dipendenti mil-livell ta’ sigurtà meħtieġa.