Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baġit 2024 — Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza - Professional Services

Question

Fid-dawl li fl-Estimi Finanzjarji 2024, taħt Line Item 31 – Professional Services, hemm indikat spiża ta’ €300,000, jista’ l-Ministru jindika x’tikkonsisti din l-ispiża u lil min tħallset is-somma ta’ €290,000 fis-sena 2023 għal dawn il-Professional Services?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-ispiża hija marbuta ma’ servizzi simili għal dawk li ngħataw fis-sena 2023 fosthom servizzi legali, servizzi ta’ interpretazzjoni minn lingwa għall-oħra, riċerka, servizzi ta’ inġinerija, tal-informatika, disinni, servizzi ta’ kontabilita’, servizzi awdjoviżivi u servizz ta’ arkitettura.

Ħal Qormi — Triq il-Belt Valletta - Tindif

Question

Peress li kien hemm numru ta’ lmenti minn residenti Qriema, jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet konċernati sabiex titnaddaf Triq il-Belt Valletta (ħdejn iċ-Ċimiterju), f’Ħal Qormi (ritratti annessi), b’mod iktar frekwenti u jsir l-infurzar li hemm bżonn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-Pulzija ta’ Ħal Qormi diġà jieħdu azzjoni riġward rapporti ta’ kontravenjonijiet fi Triq il-Belt Valletta (ħdejn iċ-Ċimiterju), f’Ħal Qormi, kemm minħabba rimi illegali ta’ skart kif ukoll ksur ta’ liġijiet oħra. Dan isir permezz ta’ ronda frekwenti fl-inħawi, liema rondi ser ikomplu biex abbużi kif indikati mill-Onor. Membru, jiġu mrażżna. Ġew infurmati wkoll l-Aġenzija LESA.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi d-Deputati tal-Gvern li waqt li servew ta' Deputati huma hekk kif gej: Name Board Name Role Period Remuneration Ian Castaldi Paris Residency Malta - Board of Directors Member Between May 2020 and September 2020 €2,000 per annum

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Bejgħ ta’ prodotti li saru minn priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba sar bejgħ mill-gabbana ta' quddiem il-ħabs ta' xogħol li jkun sar mill-priġunieri,bħalma jsir bil-qagħaq fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira? Jista' jgħid għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet kemm inġabru flus, u fejn marru jew intużaw dawn il-flus? Jista' jgħid ukoll jekk inħarġux irċevuti għall-bejgħ minn din il-gabbana f'kull attività msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li din l-inizjattiva ssir bħala parti mill-proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-persuni li qed jiskontaw sentenza. Dawn il-persuni mhux sempliċiment qed jaħdmu fl-industrija tal-ħabs iżda fuq kollox qed jakkwistaw ħiliet li se jużaw malli jiskontaw is-sentenzi tagħhom. Infurmat li fis-sena l-2023 kien hemm bejgħ ta’ €105,249.03. Minn dan l-ammont iridu jitnaqqsu l-ispejjeż bħax-xiri tal-materjal u anke l-pagi tal-ħaddiema marbuta ma’ din l-attività. Infurmat li mill-bilanċ li jifdal ingħataw donazzjonijiet lil numru ta’ inizjattivi filantropiċi fosthom lill-Istrina u Puttinu Cares, u parti oħra ġew re-investiti fl-industrija tal-ħabs stess. Infurmat li l-Aġenzija ħallset il-VAT fuq dan il-bejgħ.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu / huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li ngħataw xi kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji / banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, minn aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat x'tip ta' konsulenza kienu qed jagħtu, fejn kienu qegħdin iservu, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu ingaġġati (jekk hux b’sejħa pubblika, direct order, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – postijiet residenzjali — nirien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il nar kien hemm f’postijiet residenzjali li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assista fih fis-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Skont l-istatistika miġbura mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien hemm 237 nirien f’postijiet residenzjali matul is-sena 2023.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – postijiet kummerċjali — nirien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il nar kien hemm f’postijiet kummerċjali li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assista fih fis-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li skont l-istatistika miġbura mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien hemm 64 nirien f’postijiet kummerċjali matul is-sena 2023.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – postijiet rurali — nirien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il nar kien hemm f’postijiet rurali li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assista fih fis-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li skont l-istatistika miġbura mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien hemm 1,008 nirien f’postijiet rurali matul is-sena 2023.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — assistenza

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi tabella bl-informazzjoni dwar kemm-il darba ġew imsejħa d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fis-sena 2023, u jaqsam tali numri skont it-tip ta' assistenza li kellhom jassistu fiha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li skont l-istatistika miġbura mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien hemm 5,995 sejħa matul is-sena 2023. Dawn huma imqassma kif ġej: Nirien 1,309 Assistenza 1,773 Salvataġġ 528 Għargħar 31 Fuq il-Baħar 22 HAZMAT 92 Tixrid ta' żjut 1,719 Oħrajn 521 Total 5,995

Forzi Ukreni – riżorsi jew oġġetti li ngħataw

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni dwar x'tip ta' riżorsi u/jew oġġetti ngħataw bħala assistenza lill-Forzi Ukreni matul is-snin 2022 u 2023, u dana billi jipprovdi informazzjoni dwar it-tip ta' riżorsa u/jew oġġett flimkien mal-kwantitajiet li ngħataw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi kwalunkwe għajnuna li ngħatat lill-poplu Ukren kienet fil-forma ta' għajnuna umanitarja. Infurmat li Fl-2022 ingħataw 34 tunelleta ta’ mediċinali, fl-2023 ingħataw 19-il generator u 45 tunnellata oġġetti mediċinali (garżi, faxex, swabs eċċ) u fl-2024 ingħataw 25 mine detector. Dawn intbaghtu lill-Poplu Ukren permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE u Stati parteċipanti dwar il-protezzjoni ċivili, biex itejjeb il-prevenzjoni, it-tħejjija, u r-rispons għad-diżastri. Infurmat ukoll illi f’Mejju tas-sena 2022 id-Direttorat tal-Affarijiet tad-Difiża kkoordina biex jipprovdi tagħmir u provvisti mediċi li swew ​€79,982.

Persuni li applikaw għal ażil f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għall-ażil f'Malta fis-sena 2023, u jaqsam din it-tabella bir-raġuni għall-ażil mitlub? Jista' jipprovdi rendikont ta' kemm-il applikazzjoni minn dawn ġiet approvata, miċħuda jew għadha pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14309. Ninsab ukoll infurmat illi l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ma żżommx statistika dwar ir-raġunijiet għalfejn persuna tapplika għall-ażil.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Ħaddiema fuq waiting list għal servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku jew fis-servizz pubbliku, ma’ dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jistennew (fuq waiting list) biex jieħdu servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-għażla taċ-child care hija tal-ġenituri u għaldaqstant ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub huwa tagħrif personali li ma jinżammx mis-Settur Pubbliku.

Speed guns — Postijiet fejn jistennew l-uffiċjali adetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min jiddeċiedi fejn ikunu qed jistennew l-uffiċjali adetti biex jużaw l-ispeed guns?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi anke fir-rigward ta’ din il-mistoqsija ngħatat informazzjoni relatata fit-tweġiba għal mistosija 15527. Kif diġà ngħad li speed guns u sintendi l-uffiċċjali addetti, jkunu f’lokalitajiet li jkunu ġew identifikati kemm mill-Pulizija kif ukoll minn uffiċċjali tal-LESA, abbażi ta’ kummenti, reazzjonijiet, ilmenti u feedback essenzjali ieħor li jingħata minn diversi partijiet interessati, anke waqt ir-ronda li ssir minn uffiċċjali waqt id-doveri normali tagħhom, inkluż il-pulizija tal-Komunità.

Speed guns — Sinjaletika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi sinjaletika li tindika triq/żona ta’ speed guns u jekk iva fejn u jekk le għalfejn ma sarux?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-għan tal-użu tal-ispeed guns huwa li jservu ta' deterrent kontra s-sewqan eċċessiv li jista’ jwassal għal inċidenti, disgrazzji u mwiet. Ninsab infurmat illi barra minn dak li diġa ingħad f'risposti oħrajn, dawn l-ispeed guns jintużaw l-aktar fejn l-abbuż fis-sewqan ikun apertament ċar u regulari, u ħafna drabi dan jiġi diskuss kemm mal-Pulizija, inkluż il-pulizja tal-Komunità, Kunsilli Lokali u partijiet interessati oħra. Infurmat li l-eżerċizzji ta’ kontroll jsiru wara li jkun hemm verifika dwar is-senjalazzjonijiet skont il-liġi li tinkludi wkoll il-limiti tal-veloċita. Fejn ma jkunx hemm tali senjalazzjonijiet, jintużaw tabelli indikattivi temporanji, li jitpoġġew f’żoni viżibbli għall-finijiet ta’ informazzjoni, bħal dawk li jidhru fir-ritratti tal-kampjun li qed jitpoġġa fuq il-Medja tal-Kamra.

Speed guns Żamma ta’ record

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed jittieħed record ta’ fejn ikunu qed jintużaw l-ispeed guns biex fuq medda ta’ żmien jitkejjel is-suċċess tagħhom biex inaqqsu l-inċidenti f’dik it-triq/żona partikolari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi tinżamm data interna sabiex tassisti fi kwalunkwe evalwazzjoni.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul l-2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations. Ġejt infurmat li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant, tinqabeż l-advisory cost.

Liċenzji għal armi tan-nar — Proċedura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15352, fejn ġie spjegat il-proċess biex wieħed ikollu liċenzja ta’ armi, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-istess proċedura tintużax meta jkun hemm tiġdid tal-liċenzja? Jista’ jgħid ukoll għal kemm snin hija valida l-liċenzja mingħajr ma jkollha bżonn tkun imġedda? B’referenza għall-proċess intern li l-Ministru qal li beda, jista’ jgħid x’inhuma t-timeframes għal dan il-proċess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 15352.