Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti (persuni li għadhom ma ngħatawx tweġiba jekk jikkwalifikawx) għal assistent personali?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, l-applikazzjonijiet ikunu fi stadji differenti tal-proċess u għaldaqstant, sakemm l-applikazzjoni tkun għaddiet mill-proċess ta’ assessjar u tal-allokazzjoni tal-fondi mill-Bord rispettiv, l-applikanti jkunu qegħdin jistennew deċiżjoni finali dwar l-eliġibilità għal dan is-sussidju. Ninsab infurmata li fil-preżent hemm 83 applikazzjoni li qed jiġu assessjati u jinsabu fi stadji differenti. Infurmata wkoll li 214-il applikazzjoni oħra qed tiġi proċessata sabiex tibda l-proċess ta’ assessjar.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati tal-Gvern fid-29 ta’ Mejju 2026? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, tipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-individwu msemmi ma kienx appuntat fuq bordijiet jew kumitati li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.
Tista' l-Ministru tgħid xi ftehim għandu l-Gvern ma' għaqdiet volontarji? Tista’ tgħid ukoll kemm kienet in-nefqa għas-sena 2025 u kemm hi stmata li se tkun in-nefqa għas-sena 2026?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għad-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 4045, li tinkludi l-lista tal-ftehimiet ta’ sħubija soċjali, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), li għandu dan il-Ministeru. Nirreferiha wkoll għad-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 3747, li jinkludi l-lista tal-iskemi maħruġa mill-Ministeru u mill-MCVS.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni bħalissa li huma approvati li jkollhom assistent personali? Tista' tgħid ukoll kemm minn dawn għandhom assistent personali?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hemm 736 persuna approvata sabiex tibbenefika minn assistent personali. Din is-sena, sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari, 596 minn dawn il-persuni għamlu talba finanzjarja lill-Aġenzija Sapport.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm interpreti tal-lingwa tas-sinjali preżentement? Tista' tgħid ukoll kemm hemm studenti li preżentement qegħdin jistudjaw din il-lingwa u meta hu mistenni li dawn itemmu l-istudji tagħhom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-preżent hemm 13-il interpretu tal-lingwa tas-sinjali. Fir-rigward tan-numru ta’ studenti li qed jistudjaw din il-lingwa, nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tindirizza din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Ħaddiema ġodda
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8 u tgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tagħha minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-inċentivi li qegħdin jingħataw lil min jimpjega persuni b'diżabilità? Tista’ tgħid ukoll meta daħlu fis-seħħ dawn l-inċentivi?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Lista ta’ konsulenzi
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 754 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tagħha matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat ingaġġa s-servizzi ta’ Mark Bugeja għal konsulenza fl-IT u l-intelliġenza artifiċjali relatata mal-implimentazzjoni tal-pjattaforma tar-ridesharing, skont il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Tista’ l-Ministru telenka l-NGOs li għandhom ftehim mal-Ministeru biex jipprovdu servizzi, u tagħti l-valur u t-tul ta’ kull ftehim?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra għall-Mistoqsija Parlamentari nru 4045, li jinkludi l-lista tal-ftehimiet ta’ sħubija soċjali, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), li għandu dan il-Ministeru.
Persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom - Servizzi offruti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ servizzi qed joffri l-Gvern lill-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, kemm servizzi li huma offruti b’mod dirett u anke servizzi oħra li qed jingħataw bi sħab ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet fis-settur?
Response (FARRUGIA, JULIA)
B’żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4044, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat jappoġġja lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom permezz ta’ servizzi maħsuba biex joffru għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum, jiżviluppaw il-ħiliet tal-persuna u jiffaċilitaw l-għajxien fil-komunità. Dawn is-servizzi jingħataw permezz ta’ Aġenzija Sapport kif ukoll permezz ta’ sħubijiet u kollaborazzjoni tal-Ministeru ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet fis-settur.
Is-servizzi mogħtija bi sħab ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet jikkumplimentaw dan l-appoġġ u jinkludu, fost oħrajn, servizzi residenzjali, servizzi ta’ matul il-jum u servizzi ta’ respite. Dawn tal-aħħar joffru appoġġ lill-persuni b’diżabilità, filwaqt li jagħtu lill-familjari u lil dawk li jassistuhom ħin għall-mistrieħ u għall-bżonnijiet personali tagħhom.
Il-Ministeru għandu 18-il ftehim ta’ sħubija soċjali fis-seħħ, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), minbarra ftehimiet oħra li jinsabu fil-proċess ta’ tħejjija. Dawn il-ftehimiet jappoġġjaw direttament servizzi u proġetti fis-settur tad-diżabilità. Hemm ukoll ministeri oħra li għandhom ftehimiet simili fis-seħħ. Il-Ministeru jikkollabora wkoll ma’ entitajiet oħra sabiex jissaħħu l-opportunitajiet ta’ tagħlim, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità f’diversi aspetti tal-ħajja.
Minbarra l-appoġġ mogħti lill-organizzazzjonijiet volontarji, il-Ministeru jfittex li permezz tal-iskemi tiegħu jsaħħaħ ukoll l-appoġġ lill-persuni b’diżabilità. F’dan ir-rigward, l-Action 4 tal-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) hija ddedikata għall-oqsma tas-saħħa u d-diżabilità, u tħeġġeġ lill-għaqdiet iwettqu proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u jippromwovu l-inklużjoni tagħhom fil-komunità.
Wara l-verifika tal-eliġibbiltà, kull proġett jiġi evalwat minn żewġ evalwaturi indipendenti. Il-medja tal-marki tagħhom tikkostitwixxi sa massimu ta’ 80 marka. Il-proġett imbagħad jiġi rivedut minn kumitat ta’ evalwazzjoni, li jista’ jagħti sa 20 marka oħra. Il-proġetti kollha jitqiegħdu f’lista ta’ klassifikazzjoni skont il-marka finali miksuba.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-servizzi offruti minn Aġenzija Sapport, kif ukoll lista tal-ftehimiet ta’ sħubija soċjali (PSPs) li dan il-Ministeru għandu ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet fis-settur.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew investiti fondi pubbliċi fuq is-settur tad-diżabilità mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment tal-Gvern fis-settur tad-diżabilità jkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi, programmi u inizjattivi, li għandhom l-għan li jsaħħu l-awtonomija, l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom.
Fost l-oħrajn l-investiment jinkludi it-twassil ta’ servizzi residenzjali u fil-komunità, l-assistenza personali, is-servizzi ta’ respite u l-appoġġ għall-għajxien indipendenti. Il-Ministeru jaħdem f’kollaborazzjoni ma’ ministeri, entitajiet u partijiet terzi fis-settur tad-diżabilità, kif ukoll jidħol fi ftehimiet ma’ għaqdiet mhux governattivi biex jitwettqu proġetti li jippromwovu l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, skont il-ħtieġa.
L-allokazzjonijiet baġitarji għall-Ministeru, inklużi dawk relatati mal-qasam tad-diżabilità, huma elenkati fl-Estimi Finanzjarji ppreżentati kull sena. Għaldaqstant, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Estimi Finanzjarji tas-snin rispettivi mill-2022 ’l hawn, li jindikaw l-allokazzjonijiet għal dan il-qasam.
Tista’ l-Ministru tagħti elenku tal-ammont ta’ fondi li ngħataw lill-għaqdiet non-governattivi (NGOs) mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u taqsam din l-informazzjoni skont il-fondi diversi li jeżistu?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u l-Entitajiet li jaqgħu taħtu jagħtu appoġġ lill-għaqdiet non-governattivi u lill-organizzazzjonijiet volontarji permezz ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament, skont in-natura tas-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi li jwettqu.
Fost dawn hemm il-ftehimiet ta’ sħubija soċjali, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), li permezz tagħhom il-Ministeru jappoġġja t-twassil ta’ servizzi lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom. Dawn il-ftehimiet jikkontribwixxu għall-kontinwità tas-servizzi u għal appoġġ li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji.
Ninfurmah ukoll li l-MCVS joħrog diversi skemi, fondi u inizzjattivi li jitħabbru pubblikament minn żmien għal żmien fuq il-portal tal-Kunsill. Fost dawn hemm il-Quality of Life Small Grants Scheme u l-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi li huma amministrati mill-Ministeru, kif ukoll il-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) u s-Small Initiatives Support Scheme (SIS), amministrati mill-MCVS.
Permezz ta’ dawn l-iskemi, jiġu appoġġjati proġetti u inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunità, isaħħu l-aċċessibbiltà, inaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jħeġġu l-parteċipazzjoniinklussiva f’diversi oqsma, fosthom il-kultura, l-isport u l-attivitajiet soċjali. Dan il-finanzjament jgħin ukoll lill-għaqdiet isaħħu l-volontarjat, irawwmu kultura ta’ inklużjoni u jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet li jaqdu.
B’dan il-mod, il-Ministeru jkompli jinvesti kemm fit-twassil tas-servizzi kif ukoll f’inizjattivi tal-għaqdiet, filwaqt li jsaħħaħ ir-rwol tagħhom bħala sħab fil-ħidma lejn soċjetà aktar inklussiva.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ skemi u inizjattivi maħruġa mill-MCVS.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ għaqdiet non-governattivi (NGOs) irreġistrati bħalissa f’pajjiżna u taqsam dawn l-għaqdiet skont in-natura tax-xogħol tagħhom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabbella t’hawn taħt.
Klassifikazzjoni
Numru ta’ għaqdiet
Sports
374
Culture and Recreation
556
Education and Research
149
Health
67
Social Services
133
Environment and Animal Welfare
91
Development and Housing
56
Law, Advocacy and Politics
131
Philanthropic Intermediaries and Voluntarism
89
International
27
Religion
127
Business and Professional
141
Platforms and Federations
13
Total
1954
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Proprjetajiet mikrija
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tagħha li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm 56 proprjetà li hija b’kirja mingħand il-Gvern, u 23 proprjetà li hija b’kirja mingħand il-privat, inkluż il-binja tal-Ministeru.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 688 u tgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Tista’ tgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Infiq fuq reklamar
Question
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tagħha u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tagħha, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li tispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom.
Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati tal-Gvern fid-29 ta’ Mejju 2026? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, tipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Disaster Recovery Plan/Business Continuity Plan
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm dipartimenti u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtha għandhom Disaster Recovery Plan jew Business Continuity Plan formali li jkopru terremoti jew diżastri naturali kbar, u għal kull wieħed jgħid meta ġie aġġornat u meta ġie ttestjat l-aħħar?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 3037.
Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Settembru 2026?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.