Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport għal persuni bi ħtiġijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul din is-sena kienx hemm żieda fin-numru ta' persuni li għandhom ħtiġijiet speċifiċi biex jaslu fl-iskejjel jew fuq il-postijiet tax-xogħol u dan minħabba xi kundizzjoni partikolari, li bdew jingħataw l-għajnuna ta' trasport ħalli jkunu jistgħu jaslu fejn għandhom jaslu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li t-trasport għall-iskejjel jingħata b’xejn lil kulħadd, filwaqt li l-Aġenzija Sapport permezz tal-Empowerment Scheme tissussidja t-trasport għal numru ta’ persuni b’diżabilità biex imorru x-xogħol kif ukoll skola terzjarja jew l-Università. Fl-aħħar sena kien hemm żieda għal dawn it-talbiet mis-sena ta’ qabel.

Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed jiġi assigurat li l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità qed titwettaq bl-aħjar mod f'Malta? Tista' tgħid ukoll kemm żdiedu l-persuni li jaħdmu fil-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u d-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità? Tista’ tgħid kemm hi mistennija li tkun in-nefqa f'dan ir-rigward matul is-sena 2024?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Minn mindu ġiet ratifikata l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fl-2012, Malta kienet impenjata sabiex timplimenta l-prinċipju ewlieni wara l-Konvenzjoni – “Xejn Dwarna, Mingħajrna”. Barra r-riformi neċessarji li kien hemm bżonn li jsiru kemm mill-aspett legali u policies tal-Gvern, dan il-Ministeru waqqaf il-kumitat tal-ENGAGE. Dan il-kumitat huwa l-forum għall-Parteċipazzjoni tas-Soċjetà Ċivili Maltija fis-settur tad-Diżabilità, fi ħdan id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (DDI). Fuq dan il-kumitat hemm il-maġġoranza sħiħa ta’ persuni b’diżabilità, il-familji u l-alleati tagħhom, kif ukoll akkademiċi, rappreżentanti tal-NGOs, u s-CRPD, ir-Regolatur Nazzjonali tad-Diżabilità. F’konformità mal-obbligi tal-Konvenzjoni, dan il-Ministeru waqqaf ukoll struttura Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni. Din l-istruttura qegħda tiżgura l-koordinament tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali flimkien mal-Ministeri konċernati. Min-naħa l-oħra ġie imsaħħaħ ir-rwol tas-CRPD, bħala r-Regolatur Nazzjonali tad-Diżabilità, permezz ta’ emendi fil-liġi Maltija. Skont l-Att Dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità) (Kap 413), il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità hija l-mekkaniżmu indipendenti sabiex tipproteġi, tissorvelja u tippromwovi l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni timpjega żewġ Managers u EU Projects Manager li jaħdmu sabiex jissorveljaw l-artikli tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni torganizza konferenzi u tattendi oħrajn, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment, sabiex tikseb aktar għarfien kemm fuq is-sitwazzjoni preżenti f’Malta, kif ukoll dwar l-aħjar prattiċi fis-settur. It-Taqsimiet tal-Investigazzjonijiet u tal-Compliance jaħdmu wkoll sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità skont ma tipprovdi l-Konvenzjoni, b’tal-ewwel tinvestiga l-ilmenti mill-pubbliku u t-tieni billi tassigura li l-permessi tal-ippjanar jingħataw biss lil dawk il-proġetti li huma aċċessibbli. Minbarra l-baġit għas-salarju tal-ħaddiema tagħha, matul l-2024 il-Kummissjoni ser tinvesti madwar €20,000 f’awditjar ta’ servizzi għat-tfal u x-xelters għall-vittmi ta’ vjolenza domestika sabiex dawn isiru aktar aċċessibbli għal kulħadd. F’Jannar 2022, il-Kummissjoni impjegat EU Funds Manager, li kien l-uniku reklutaġġ li sar minbarra s-sostituzzjonijiet ta’ staff li ma baqax jaħdem mal-Kummissjoni. Sal-2022, kien hemm tliet persuni li jaħdmu fi ħdan id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità. Kien hemm żieda ta’ żewġ impjegati fl-2023, fosthom li għal l-ewwel darba ġie maħtur Direttur responsabbli minn dan id-Direttorat. In-nefqa għas-sena 2024 għal dan id-Direttorat mistennija tkun ta’ €10,125,000.

Proġett Narċis

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' persuni li qed jingħataw support permezz tal-proġett Narċis u x'tip ta' għajnuna qed jingħataw il-persuni li għandhom dritt għal din l-għajnuna? Tista' tgħid ukoll jekk hux qed issir koordinazzjoni ma' ministeri oħra sabiex dan is-support ikun tal-aqwa livell u jekk iva, ma’ liema ministeri qed issir u fiex tikkonsisti din il-koordinazzjoni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat. Tajjeb li nsemmi li l-Aġenzija Sapport li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur tagħti servizz lil persuni b’diżabilità li jgħixu jew qegħdin jingħataw servizzi ta’ respite f’Narċis permezz ta’ ftehim iffirmat bejn iż-żewġ partijiet.

Guardianship Board

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'funzjoni qed jaqdi l-Guardianship Board fil-preżent? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm persuni li ngħataw support matul l-aħħar 12-il xahar permezz ta' deċiżjonijiet li ttieħdu mill-istess Guardianship Board?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-Bord dwar il-Kustodja (Guardianship Board) jaqdi l-funzjoni tiegħu skont il-liġi fejn huwa jikkunsidra talbiet għal kustodja ta’ persuni li minħabba diżabilità jew xi kundizzjoni oħra ma jkunux f’pożizzjoni li jamministraw il-beni tagħhom mobbli jew immobbli, dawk finanzjarji u/jew jieħdu deċiżjonijiet relatati mas-saħħa tagħhom b’mod indipendenti u fl-aħjar interess tagħhom. Fis-sena 2023, sal-aħħar ta’ Ottubru dan il-Bord diġà rċieva tlett mija u sebgħa u erbgħin (347) applikazzjoni. Minn dawn l-applikazzjoni diġà ġew deċiżi mitejn u ħames (205) każi. Barra min hekk il-Bord jirċievi u jerġa’ jikkunsidra talbiet għat-tiġdid ta’ Ordnijiet ta’ Kustodja maħruġa fis-snin ta’ qabel wara li l-Kustodju jippreżenta rapport annwali tal-amministrazzjoni tiegħu. Għaldaqstant bħalissa fl-attiv hemm b’kollox disa’ mija u tlieta u tletin (933) Ordni ta’ Kustodja. Ma’ dawn wieħed irid iżid dawk it-talbiet li l-Bord jirċievi b’mod regolari mingħand kustodji sabiex ikunu jistgħu jaraw kif l-aħjar jimxu f’ċirkostanzi differenti li jiltaqgħu magħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala kustodji.

Skema SensAbility

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif qed tiffunzjona l-iskema SensAbility li tgħin tfal bl-awtiżmu? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm każijiet fejn intalbet għajnuna sabiex ikunu jistgħu jsiru multi-sensory rooms fid-djar matul l-aħħar 12-il xahar, tgħid kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu u kemm kienet l-ispiża għal dan il-għan?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Transport Malta – Taħriġ tas-sewqan speċjalizzat għal persuni b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk Transport Malta għamlitx xi sejħa biex instructors tas-sewqan jingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jgħallmu lill-persuni b'diżabilità, biex ikunu jistgħu jġibu l-liċenzja tas-sewqan? Jekk iva, tista’ tgħid meta ħarġet is-sejħa, kemm kien hemm instructors li fil-fatt applikaw għal dan it-taħriġ, u kemm minnhom temmew it-taħriġ?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel l-ewwel parti tal-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat. Però intant ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport permezz tas-Sonia Tanti Independent Living Center għamlet taħriġ lil seba’ Occupational Therapists u żewg driving instructors ġewwa Birmingham l-Ingilterra. It-taħriġ qed jingħata fuq vann li nġieb Malta mill-Aġenzija Sapport fuq id-drive from wheelchair vehicle.

Persuni li ġew boarded out

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11764 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u tgħid kemm-il persuna ġiet boarded out f’dawn l-aħħar tliet snin, u tagħti din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Malta Standards Authority – Kuntratti ma NGOs u kumpanijji privati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn NGO's li jagħtu servizz lil persuni b'diżabilità? Tista' tgħid x'tip ta' kuntratti għandha l-Awtorità Maltija dwar l-Istandards ma' dawn l-NGO's? Tista' tgħid jekk il-Ministeru għandux ukoll kuntratti ma' service providers privati u jekk iva, ma' liema service providers privati huma dawn il-kuntratti u jekk tali kuntratti humiex differenti minn dawk li hemm mal-NGO's?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li b’kollox hemm 58 għaqda li hija reġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għal-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO), b'natura u ħidma li torbot ma' dak li għandu x'jaqsam is-settur tad-diżabilità. Ninfurmaha ukoll li l-Agenzija Sapport għandna żewġ kuntratti ma’ service providers. Wieħed mal-kumpanija HILA Homes fejn jingħata servizz ta' respite u kuntratt ieħor mal-Koperattiva SPERO li joffru servizz lil persuni b'nuqqas ta' dawl. Fir-rigward tal-NGOs hemm żewġ kuntratti ma' żewġ għaqdiet (Dar il-Kaptan u Dar Arka) li joffru servizz ta' respite. L-Awtorità Maltija dwar l-Istandards ma tidħolx f’kuntratti simili fis-settur tad-diżabilità.

Ħarsien tal-interessi tat-tfal

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi żviluppi ġodda kien hemm matul l-aħħar tnax il-xahar f’dak li jikkonċerna t-tisħiħ tal-ħidma koordinata bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Socjali (FSWS), id-Dipartiment tas-Saħħa u l-iskejjel sabiex jiġi assigurat li jkun hemm passi preventivi biex jiġu mħarsa l-interessi tat-tfal? X'titjib sar f'dan ir-rigward matul dan il-perjodu?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Strateġiji Nazzjonali — persuni b’diżabilità jew bl-awtiżmu

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm matul din is-sena għal dak li jirrigwarda avvanz biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-Istrategija Nazzjonali għall Persuni bl-Awtiżmu? Tista' tgħid ukoll x’miżuri oħra huma mistennija li jkomplu jittieħdu fil-futur immedjat sabiex dawn l-għanijiet ikomplu jintlaħqu fl-iqsar żmien possibbli?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward taż-żewġ Strateġiji, l-Ministeru flimkien mal-istakeholders konċernati jfasslu l-pjanijiet fuq bażi annwali sabiex jiġu identifikati dawk l-azzjonijiet li jkunu ser jitwettqu matul is-sena, u fuq bażi regolari jsir eżerċizzju ta’ monitoraġġ sabiex jitkejjel il-progress li jkun sar. Intant, bħala parti mill-monitoraġġ taż-żewġ strateġiji, twaqqfu wkoll strutturi apposta fi ħdan il-Ministeru fosthom il-Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Kordinazzjoni għall-Konvenzjoni UNCPRD, l-ENGAGE, u l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu. Dan l-istess eżerċizzju qed jiġi preparat għas-sena li ġejja sabiex jitwettaq pjan ta’ dak li hu previst li jsir. Intant, id-Direttorat għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità ħadem ukoll fuq diversi liġijiet li huma relatati mas-settur tad-diżabilità fosthom: · Ir-Ratifika tal-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti; · L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Adulti f’Sitwazzjonijiet ta’ Vulnerabilità (PASVA) · L-Att dwar l-Awtonomija Personali · Avviż legali dwar l-Assistenza Personali · Avviż legali dwar ir-Rati fir-rigward ta’ Persuni li jgħixu f’Residenzi tad-Diżabilità · Direttiva tal-UE dwar il-European Disability Card u l-Blue Badge · Leġiżlazzjoni sabiex tiġi pprojbita l-Isterilizzazzjoni Furzata Għaddejjin ukoll b’konsultazzjoni biex jiġu żviluppati l-elementi ta’ data fi rigward ta’ diżabilità. Matul is-sena saru diskussjonijiet ma’ diversi setturi fis-Servizz Pubbliku b’mod speċjali dwar l-aċċessibilità f’postijiet pubbliċi, bajjiet, attivitajiet kulturali u ta’ divertiment, kif ukoll servizzi għal tfal b’diżabilità sabiex jiffaċilitaw il-vjaġġ edukattiv tagħhom. Dawn id-diskussjonijiet huma kontinwi matul is-sena kollha.

Laboratorji għal testijiet fuq il-bricks

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn laboratorji f'Malta li huma rreġistrati u akkreditati li jistgħu jagħmlu testijiet fuq il-bricks użat fil-bini, liema huma u meta l-aħħar li ġew akkreditati jew kellhom iċ-ċertifikazzjoni tagħhom imġedda?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżisti ebda obbligu legali għar-reġistrazzjoni tal-laboratorji. Il-Korp Nazzjonali dwar l-Akkreditament (NAB-MALTA) akkredita laboratorju f’Malta għal xi testijiet fuq bricks (pre-cast) użat fil-bini. Dan il-laboratorju huwa propjetà ta’ Solidbase Laboratory Ltd u ilu akkreditat għal tali skop mil-2013.

Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — Ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ilment tressaq lill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali dwar Ċentri ta’ Matul il-Jum għal Persuni b’Diżabilità matul l-2022 sal-ġurnata li tiġi fiha mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għaqdiet Volontarji — Reġistrazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għaqdiet volontarji ma baqgħux irreġistrati bħala tali minn meta ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari 8697 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-għaqdiet? F'liema setturi kienu rreġistrati dawn l-għaqdiet, skont l-oqsma li jaħdmu fihom? X'kienet ir-raġuni li ma baqgħux irreġistrati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma kien hemm ebda kanċellazzjonijiet mill-aħħar tweġiba. Il-lista ta' VOs li tneħħew mir-Reġistru tinsab hawn isfel: · VO 1033 European Judo Union · VO 1685 Isle of the Left · VO 1880 Fondazzjoni Beraħ · VO 2299 Friends of the Sacret Heart of Jesus Church · VO 1769 Dorothean Ex-Alumnae Association · VO 1852 3/11 Regt RMA Asssociation · VO 1718 Malta Association of Homeopaths Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li fit-tweġiba ma ngħatat l-ebda raġuni għall-għeluq tal-VOs peress li dawn ma jipprovdux raġunijiet meta jispiċċaw volontarjament.

Għaqdiet Volontarji — Reġistrazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew irreġistrati għaqdiet volontarji ġodda minn meta ġiet imwieġba l-mistoqsija parlamentari 8696 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Liema kienu dawn l-għaqdiet? F'liema setturi ġew irreġistrati dawn l-għaqdiet, skont l-oqsma li jaħdmu fihom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qiegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Abbozz ta’ Ligi bit-titolu ‘Att dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Anzjani Vulnerabbli u Persuni Adulti b’Diżabilità’

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12393, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, u tgħid meta ser ikun qed jiġi ppreżentat fil-Parlament l-Abbozz ta’ Liġi bit-titolu ‘Att dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Anzjani Vulnerabbli u Persuni Adulti b’Diżabilità’, li ħareġ għall-konsultazzjoni fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet sabiex dan l-Abbozz ta’ Liġi jerġa’ joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika biex eventwalment ikun jista’ jitla’ f’livell Parlamentari.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, tista’ tgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u tindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-perjodu 2022 sal-lum, jien infurmat illi l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċievew 14-il talba. Minn dawn, 13 intlaqgħu, 1 ma ntlaqgħux waqt li m’hemmx talbiet li għadhom iridu jiġu evalwati. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma esklużi mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat magħha f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u tgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se titwieġeb f’xi seduta oħra.

Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Laqgħat fl-UE

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena, jiġifieri minn Lulju sa Diċembru 2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur attendejt għal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Konsumatur fl-24 ta’ Lulju 2023 f’Bilboa fi Spanja. Sa Diċembru li ġej, m'hemmx attendenzi għal laqgħat fi ħdan l-UE pjanati, sakemm ma tintalabx attendenza ad hoc .

Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – deċiżjonijiet dwar xi impożizzjoni ta’ xi sanzjoni jew penali finanzjarji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11132 u għad-dokument anness magħha, peress li fl-aħħar ta’ dan id-dokument jingħad li “Bejn Mejju 2016 u Mejju 2019 l-Uffiċċju ma impona ebda sanzjoni jew penali finanzjarja fid-dawl ta’ sentenza kostituzzjonali li ngħatat fit-3 ta’ Mejju 2016”, tista’ l-Ministru tgħid jekk għal perjodu ta’ tliet snin, u ċjoè bejn Mejju 2016 u Mejju 2019, effettivament l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma kienx f’qagħda li jieħu passi regolatorji biex jassigura konformità mal-liġi dwar il-kompetizzjoni, billi jew jimponi sanzjonijiet jew jieħu passi għat-teħid ta’ sanzjonijiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4362 li ngħatat fit-tlettax-il leġiżlatura.

MCCAA — Lista ta’ Deċiżjonijiet Regolatorji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11430, tista’ l-Ministru: (i) tipprovdi kopja tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li għaliha hemm riferenza fit-tweġiba; (ii) tipprovdi kopja tad-deċiżjoni amministrattiva mogħtija mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) li skont it-tweġiba, ġiet maħruġa fil-2019 fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet.

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11430, ngħarraf l-Onor. Interpellant li: (i) kopja tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li għaliha hemm riferenza fit-tweġiba qiegħda tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra; u (ii) kopja tad-deċiżjoni amministrattiva mogħtija mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) li skont it-tweġiba, ġiet maħruġa fil-2019 fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet, qiegħda wkoll tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.