Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-inizjattivi ta’ bini u kostruzzjoni ffinanzjati taħt il-vot tal-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar matul l-2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll liema inizjattivi twettqu, liema għadhom għaddejjin u liema ġew ikkanċellati jew posposti?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi tinkludi inizjattivi ta’ bini, kostruzzjoni, riġenerazzjoni u titjib ta’ infrastruttura pubblika f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat 21 inizjattiva ġew finalizzati, filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq 34 inizjattiva oħra.
Il-ħidma tad-Dipartiment hija waħda kontinwa, bl-inizjattivi jkunu jinsabu fi stadji differenti ta’ ppjanar u implimentazzjoni skont in-natura, il-kumplessità, il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tekniċi u operattivi ta’ kull intervent. L-inizjattivi li għadhom għaddejjin jinsabu fi stadji differenti, fosthom fl-istadju tad-disinn, fl-istadju tal-eżekuzzjoni, fil-proċess tal-kisba tal-permessi meħtieġa mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar, jew fil-proċess tal-akkwist pubbliku (procurement).
Il-progress ta’ dawn l-inizjattivi jiġi segwit kontinwament filwaqt li l-programm ta’ ħidma jiġi aġġornat skont il-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew restawr fuq funtani pubbliċi fil-perjodu bejn l-2024 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tagħti lista tal-funtani, il-lokalitajiet fejn jinsabu, it-tip ta’ xogħol li sar u l-ispiża għal kull waħda?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba u miġbura mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi. It-tiswijiet u l-manutenzjoni jsiru skont il-pariri tekniċi miksuba.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali fil-perjodu bejn l-2024 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ wkoll tagħti rendikont tal-ispejjeż, tal-kuntratti mogħtija u tal-kumpaniji jew entitajiet li wettqu dawn ix-xogħlijiet?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-Park Nazzjonali Ta’ Qali huma ta’ natura rikorrenti u jitwettqu skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien bil-għan li l-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-park jinżammu f’kundizzjoni tajba. Infurmata li matul il-perjodu imsemmi x-xogħlijiet kienu jinkludu xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni fiż-żoni tal-parkeġġ, rikostruzzjoni u tiswija ta’ ħitan u strutturi, manutenzjoni ta’ passaġġi u faċilitajiet, kif ukoll interventi f’żoni rikreattivi u oħrajn ta’ servizz. Saru wkoll xogħlijiet fl-ispazju tal-arti, fil-ġonna formali, fiż-żona tal-kunċerti u f’żoni oħra tal-park.
Parti sostanzjali mix-xogħlijiet kienet tinvolvi wkoll il-manutenzjoni tal-funtana ewlenija u tal-karatteristiċi tal-ilma fl-Adventure Park, inkluż tiswijiet u tibdil ta’ pompi, valvi, filtri, tagħmir mekkaniku u sistemi tad-dawl. Barra minn hekk, saru xogħlijiet relatati mal-arbli tad-dawl u s-sistema tad-dawl b’mod ġenerali, manutenzjoni kontinwa tal-landscaping u xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni ġenerali madwar il-park kollu.
Dawn ix-xogħlijiet twettqu mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll
fornituri oħra ta’ servizzi speċjalizzati, skont in-natura u l-ħtiġijiet tax-xogħlijiet rispettivi.
Dawn l-ispejjeż huma koperti minn vot apposta allokat fuq bażi annwali. Infurmata li jkunu segwiti wkoll il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Ħaddiema ġodda
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 18 u tgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tagħha minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Ottubru 2026?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi t’Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjan għat-tiswija tal-bankini fil-Belt Valletta?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta qed jieħu ħsieb dan l-aspett permezz ta’ pjan ta’ tibdil ta’ bankini li jista’ jinvolvi fondi minn aġenziji oħrajn.
Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hi responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, tipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament ma kienx appuntat fuq l-ebda bord u kumitat fil-perjodi msemmija.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3629 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u tgħid meta se jsir ix-xogħol ta’ resurfacing fi Sqaq it-Tokk, fl-Imtarfa u liema aġenzija hija responsabbli għalih?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Imtarfa li Sqaq it-Tokk huwa propjetà privata.
Strateġija tal-Gvern biex jissaħħaħ l-irwol tal-kunsilli lokali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-istrateġija tal-Gvern biex jagħti iktar saħħa lill-kunsilli lokali biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-residenti b’mod effettiv?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Il-Viżjoni Strateġika Nazzjonali għall-Gvern Lokali 2023-2030 hija mibnija fuq ideat u suġġerimenti ta' dawk li ta' kuljum jesperjenzaw il-bżonnijiet tal-lokalitajiet u r-residenti mill-qrib u għalhekk tagħti aktar saħħa lill-kunsilli lokali. L-istrateġija hija msejsa fuq ħames pilastri ewlenin li huma Governanza tajba u Effettiva, Riżorsa Reġjonali għall-Kunsilli Lokali, Lokalitajiet b'Ambjent Aktar Nadif, Kunsilli Lokali Viċin in-Nies u Prijorità Diġitali fil-Gvern Lokali.
Il-Manifest ta’ dan il-Gvern ikompli jibni fuq din l-istrateġija billi jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta’ kollaborazzjoni aktar effettiva bejn il-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Reġjonali u l-entitajiet tal-Gvern sabiex proġetti u servizzi jitwettqu b’mod aktar koordinat u effiċjenti, ikun hemm allokazzjonijiet finanzjarji aktar adegwati, l-għoti ta’ aktar responsabbiltajiet u mezzi biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom, kif ukoll billi jippermettilhom li jibbenefikaw direttament minn sorsi ġodda ta’ dħul relatati mal-attivitajiet fil-lokalitajiet. Fl-istess waqt, se jitkompla l-investiment fit-taħriġ professjonali tas-Sindki, il-Kunsilliera u l-impjegati tal-Kunsilli. Barra minn hekk, il-Gvern qed jippromwovi t-trasformazzjoni diġitali tas-servizzi tal-gvern lokali, inkluż permezz ta’ pjattaformi u applikazzjonijiet diġitali li jagħmluha aktar faċli għar-residenti biex jikkomunikaw mal-kunsilli u jirrapportaw il-ħtiġijiet tagħhom.
B’dan l-impenn komprensiv, il-Gvern qed jaħdem biex il-Kunsilli Lokali jkunu aktar effettivi, aktar konxji tal-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom u aktar kapaċi jwasslu servizzi ta’ kwalità li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini f’kull lokalità.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Ftehim ġdid – Tqassim bejn kull Kunsill Lokali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kif se jitqassmu, bejn il-Kunsilli Lokali, it-€12.8 miljun tal-ftehim il-ġdid mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, matul is-sentejn tal-ftehim? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-allokazzjoni massima jew indikattiva għal kull Kunsill Lokali u l-kriterji li se jintużaw biex jiġi deċiż kemm jingħata lil kull lokalità?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li rigward il-fondi allokati għal kull Kunsill Lokali, l-Ministeru għadu jrid jevalwa wara li l-Kunsilli Lokali jissottomettu l-proposti tagħhom. Għaldaqstant f’dan l-istadju għadu prematur li wieħed jgħid kemm kull kunsill se jkun allokat fondi.
Rigward il-kriterji, ser issir laqgħa li matulha dawn il-kriterji jkunu spjegati lir-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali. Fost il-kriterji ta’ prijoritá tajjeb li wieħed isemmi:
a) Proposti li l-aktar li se jkun ta’ benefiċċju għal pubbliku b’mod ġenerali.
b) Tisbieħ u tħaddir ta’ żoni li llum huma abbandunati u m’humiex ffrekwentati għax huma mitluqin.
ċ) Proposti li huma mmirati għal żoni pedonali u għalhekk innaqqsu l-karozzi mil-qalba tal-lokalitajiet, u d)proġetti li jkunu aċċessibli għal kulħadd.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Ftehim ġdid
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim il-ġdid ta’ €12.8 miljun bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali, inkluż kull schedule, annex, kundizzjoni, kriterju ta’ eliġibilità u proċedura għall-approvazzjoni tal-proġetti?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lil Onorevoli Interpellanta li d-dokument tal-ftehim il-ġdid jiġi ppublikat malli l-kumitat fuq il-bord tal-evalwazzjoni jkun għalaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess evalwazzjoni tal-offerti. Madanakollu is-sejħa għall-offerti għandha referenza ta’ CT 2177/2026.
Ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Approvazzjonijiet/nefqa
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi, għal kull Kunsill Lokali, kemm mill-allokazzjoni ta’ €10 miljun tal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali ġie approvat u kemm effettivament intefaq fil-lokalità rispettiva?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
L-allokazzjoni tal-fondi taħt il-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali ġiet amministrata skont il-proġetti u l-interventi identifikati bħala meħtieġa fil-lokalitajiet differenti.
L-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet saru b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull lokalità, il-prijoritajiet stabbiliti u l-istadji differenti li jgħaddi minnhom kull proġett.
Id-Dipartiment jibqa’ jsegwi l-andament tal-proġetti u l-użu tar-riżorsi allokati, filwaqt li jiżgura li dawn jintużaw bl-aktar mod effiċjenti u fl-interess tal-komunitajiet lokali.
Ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-allokazzjoni ta’ €10 miljun tal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali ntefqu kemm fuq xogħlijiet imwettqa minn kuntratturi privati kif ukoll fuq xogħlijiet imwettqa direttament mill-istess Dipartiment? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kuntratturi li ngħataw xogħol taħt dan il-ftehim, flimkien mal-valur totali tax-xogħol mogħti lil kull kuntrattur?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
L-allokazzjoni finanzjarja marbuta mal-ftehim bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kienet intiża sabiex tappoġġja t-twettiq ta’ diversi interventi u proġetti ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali.
L-implimentazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet saret permezz tal-mekkaniżmi operattivi u amministrattivi applikabbli skont in-natura u l-ħtiġijiet ta’ kull intervent, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet tekniċi u r-riżorsi disponibbli.
Id-Dipartiment jibqa’ impenjat li jiżgura li l-fondi allokati jintużaw b’mod xieraq u responsabbli, u li x-xogħlijiet jitwettqu fl-interess tal-Kunsilli Lokali u tar-residenti rispettivi tagħhom.
Kunsilli Lokali – Proġetti li twettqu taħt il-ftehim preċedenti
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-123 proġett li twettqu taħt il-ftehim preċedenti mal-Kunsilli Lokali, u għal kull wieħed tagħti l-isem tal-proġett, il-lokalità, l-ispiża, id-data tat-tlestija u min wettaq ix-xogħol? Tista’ wkoll tindika liema minn dawn il-proġetti kienu mitluba mill-kunsilli lokali rispettivi?
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet pubbliċi għaddejjin bħalissa, maqsuma lokalità b’lokalità, u għal kull proġett tispeċifika meta beda, kemm ilu għaddej ix-xogħol u meta ser jitlesta?
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tax-xogħlijiet pubbliċi li twettqu matul l-aħħar tliet snin, sal-aħħar ta’ Settembru 2026, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet pubbliċi mwettqa matul l-aħħar tliet snin kienu jinkludu diversi interventi ta’ manutenzjoni, titjib, tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Dawn l-interventi saru bħala parti mill-ħidma kontinwa sabiex titjieb l-infrastruttura pubblika, l-ambjent urban u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien fil-komunitajiet differenti.
Il-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hija waħda kontinwa u tinvolvi interventi li jkunu jinsabu fi stadji differenti ta’ ppjanar u implimentazzjoni, skont in-natura, il-kumplessità u l-ħtiġijiet ta’ kull proġett. Din il-ħidma ssir ukoll b’koordinazzjoni mal-kunsilli lokali u mal-entitajiet konċernati, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet identifikati.
Il-progress tal-interventi jiġi segwit kontinwament, filwaqt li l-perjodu ta’ implimentazzjoni u t-tlestija ta’ kull proġett jiddependu minn diversi fatturi tekniċi, amministrattivi u operattivi, bl-għan ewlieni jibqa’ li x-xogħlijiet jitwettqu bl-aktar mod effiċjenti u fl-aħjar interess tal-komunitajiet konċernati.