Legislature:
Category:
Reset
Active:

United Nations Convention for the Rights of Persons with Disability Act

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema proċess waslet il-‘United Nations Convention for the Rights of Persons with Disability Act’?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ninsabu għaddejjin b’diskussjonijiet interni fir-rigward il-United Nations Convention for the Rights of Persons with Disability Act.

Pensjonanti li għadhom qed jaħdmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm pensjonanti li qed jaħdmu full-time u/jew part-time u li fl-istess ħin mhux qed jitilfu xejn mill-pensjoni tagħhom per konsegwenza ta' miżura li kien introduċa l-Gvern ftit tas-snin ilu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li, skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, in-numru ta’ pensjonanti li qed jaħdmu full-time jew part-time huwa ta’ 3,937 (full-time) u 602 (part-time).

FSWS – lista ta’ kirjiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista tal-kirjiet kollha li jsiru mill-FSWS, kemm tiswa kull waħda u għalxiex jintuża l-post relevanti? Liema huma kirjiet mal-privat u liema huma mal-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, t-tagħrif mitlub minnu huwa skont kif iddettaljat fid-dokument qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba parlamentari. Fir-Rigward tal- Qalb ta` Ġesù, hemmhekk hemm PSP agrement (ftehim ta` sħubija)

Autonomy Bill għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-Autonomy Bill għall-Persuni b'Diżabilità? Jekk beda x-xogħol dwar, jista' jgħid f'liema stadju wasal?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għaddejjin b’diskussjonijiet interni fir-rigward tal-Autonomy Bill għall-Persuni b’Diżabilita.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali (inkluż id-dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu) ma ħareġ l-ebda direct order, donazzjoni jew benefikat dirett jew indirett lill-Fondazzjoni Marigold u/jew il-Fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament. Madankollu ngħarrfu li fl-2017, wara inizjattiva u idea tal-istess Marigold Foundation, il-Ministeru gawda minn fondi Ewropej bil-għan li jinfetaħ ċentru, li llum iġib l-isem The Meeting Place, fejn għaqdiet fis-settur soċjali, edukattiv u tas-saħħa, ikollhom post fejn jiltaqgħu bħala grupp kif ukoll mal-membri u benefiċċjarji tagħhom. Iċ-ċentru għandu l-għan li jservi bħala post għal laqgħat u seminars għal dawn l-għaqdiet, fejn jiġi offrut appoġġ meħtieġ u jkun ukoll post ta’ integrazzjoni. Il-proġett, li twettaq fl-2019, jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru. Irrid inżid li, tant emmnet fil-proġett, li Marigold Foundation ikkontribwiet €60,000 għall-ħolqien tiegħu u kompliet tagħti kontribuzzjonijiet oħrajn.

Is-Servizz tal-Bronja

Question

Jista’ l-Ministru jindika fiex jikkonsisti s-servizz tal-Bronja? Kemm hemm voluntiera li qegħdin iċemplu kuljum lill-istess anzjani li għandhom bżonn l-għajnuna speċjalment għax jinsabu jgħixu fis-solitudni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizz imsemmi minnu mhuwiex servizz ipprovdut mill-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta Socjali.

Servizz lill-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-servizz COVID-19 li kien jingħata lill-anzjani li għandhom iktar minn 60 sena u għandhom bżonn għajnuna minħabba t-tqassim tal-ikel jew il-mediċina, m’għadux jingħata?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz imsemmi minnu kien servizz ta’ emerġenza li ngħata fil-perjodu li kien mwaqqaf temporanjament is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar. Meta reġa beda s-servizz normali tal-Għajnuna fid-Dar ma kienx hemm aktar bżonn tas-servizz imsemmi minnu. L-għajnuna minflok kompliet tingħata bis-servizzi offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, u dan billi wiehed ikun applika għas-servizz tal-‘Meals on Wheels’, servizz tal-Għajnuna fid-Dar u servizzi oħra li jista’ jigi bżonn l-anzjan. L-applikazzjoni ghal dawn is-servizzi issir kemm permezz ta’ applikazzjoni onlajn billi jidħlu fuq il- website: www.activeageing.gov.mt jew billi jżuru ċ-Ċentru Servizz Anzjan fi Triq Żekka, l-Belt Valletta. Għal aktar informazzjoni wiehed jista ukoll iċempel fuq in-numru tat-telefon 159 jew 22788800.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — sponsorships/grants mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-isponsorships/grants kollha li ngħataw minn xi dipartiment jew entità fil-Ministeru tiegħu sena b’sena, mis-sena 2015 ‘il hawn u għal kull sponsorship/grant jgħid kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju, x’kien il-proġett/inizzjattiva u meta ngħatat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

CDAU – entità speċjalizzata fuq diagnostic assessment

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jgħidilna konkretament meta ser titwaqqaf l-entità speċjalizzata li tiffoka fuq id-diagnostic assessment u l-konsultazzjonijiet kemm għat-tfal, adoloxxenti u adulti bil-ħsieb li ttejjeb, issaħħaħ u twessgħa s-servizz li toffri s-CDAU? Il-ġenituri tat-tfal suppost ser ikollhom id-dritt tas-self-referral f’dan is-servizz skont il-wegħda elettorali fil-manifest tal-2017?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li, dan il-proġett hu konness mal-proġett tal-Lifelong Learning Unit. L-entità speċjalizzata imsemmija għadha ma twaqqfitx. Sadattant, għaddejjin diskussjonijiet dwar l-istruttura tal-entità. Ladarba titwaqqaf, il-ġenituri tat-tfal ser ikunu jistgħu jagħmlu self-referral lejn dan is-servizz waqt li professjonisti jagħmlu assessjar ta’ dawn il-każijiet. Il-ġenituri jistgħu jiġu referuti wkoll mit-tabib li jkun qed isegwi l-każ tagħhom.

Aġenzija Sapport – Life Long Inclusion Unit

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jgħidilna konkretament fiex wasal it-twaqqif tal-Life Long Inclusion Unit fi ħdan l-Aġenzija Sapport? Peress li dan kellu jkun unit ċentrali li jiffoka fuq is-servizzi individwalizzati lil persuni b’diżabiltà mit-twelid sal-anzjanità u kellu jitmexxa fuq bażi multi u trans-dixxiplinarja u inter- u intra-settorjali biex inkunu jistgħu jintlaħqu kull persuna b’diżabilità, jista’ jgħid kemm hemm fondi allokati fuq dan il-proġett u x’sar b’mod tanġibbli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li, dan il-proġett hu konness mal-proġett tal-Lifelong Learning Unit. L-entità speċjalizzata imsemmija għadha ma twaqqfitx. Sadattant, għaddejjin diskussjonijiet dwar l-istruttura tal-entità. Ladarba titwaqqaf, il-ġenituri tat-tfal ser ikunu jistgħu jagħmlu self-referral lejn dan is-servizz waqt li professjonisti jagħmlu assessjar ta’ dawn il-każijiet. Il-ġenituri jistgħu jiġu referuti wkoll mit-tabib li jkun qed isegwi l-każ tagħhom.

Ċentru ta’ Matul il-Jum – persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-benefiċjarji neqsin mid-dawl li jattendu l-iSPERO, Ċentru ta’ Matul il-Jum, servizz mogħti fit-tielet sular fejn l-aċċessibilità hija permezz ta’ lift żgħir u/jew taraġ dejjaq, tħallew f’dan il-post xejn addattat għalihom? X’inhuma l-pjanijiet għal dawn il-persuni neqsin mid-dawl? Kemm jiswa dan il-Public Private Partnership bejn l-Aġenzija Sapport u l-Outlook Coop kif ukoll kemm tiswa l-kirja ta’ dan il-post li mhuwiex addattat għal dawn il-benefiċjarji?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizz ta’ matul il-jum għal persuni neqsin mid-dawl, Spero, huwa pprovdut minn Outlook Coop. Dan wara sejħa pubblika għall-provediment ta’ dan is-servizz - CT2110/2019. It-termini maqbula jinkludu li l-binja minn fejn jingħata s-servizz tkun konformi mal-linji gwida Accessible-for-All Design tal-Kummissjoni għad-Drittijiet għal Persuni b’Diżabilità u li jipprovdi l-ispazji meħtieġa u adekwati għall-użu tal-klijenti li jibbenefikaw minn dan is-servizz, liema termini qed jintlaħqu. Din il-binja hi tal-istess operatur tas-servizz u l-Aġenzija tħallas is-somma ta’ €1,150 kuljum eskluż il-VAT lill-operatur tas-servizz għall-faċilitajiet tal-post u l-użu tagħhom, kif ukoll provediment ta’ taħriġ, trasport u ikel lill-klijenti. L-Aġenzija Sapport qiegħda f’kuntatt kontinwu mal-Outlook Coop u bħalissa qegħdin isiru l-case reviews tal-klijenti fejn qed jiġu identifikati l-miri personali tal-klijent għas-sena li jmiss sabiex dawn ikunu inkorporati fid-diversi programmi u attivitajiet li jiġu segwiti fiċ-Ċentru Spero.

Aġenzija Sapport – kirjiet tal-binjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kirja oħra, minbarra mit-tliet binjiet użati għall-fini ta’ operat tal-Aġenzija Sapport, qiegħda titħallas mill-Aġenzija Sapport, liema huma u għal xiex jintużaw u kemm hija l-kirja għal kull waħda? Din kirja mal-gvern jew mal-privat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport tikri dawn il-postijiet/siti għall-provediment tas-servizzi li toffri, minbarra t-tliet binjiet li jakkomodaw lill-impjegati tal-uffiċċju. Lokalità Mikrija mingħand Tintuża bħala Kera fis-sena (2020) Data ta’ meta ġiet mikrija Nota Fgura Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali €1,351 29 ta’ Lulju 2002 Bormla Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali €2,492 10 ta’ April 2003 B’Buġia Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali – Appartament 1 € 1,444 29 ta’ Novembru 2006 Jinkludi ħlas tal-lift B’Buġia Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali – Appartament 2 € 1,723 26 ta’ Novembru 2006 Jinkludi ħlas tal-lift Paola Physically Handicapped Rehabilitation Fund NGO Ċentru ta' Matul il-Jum €25,000 1 ta’ Marzu 2008 Mtarfa Awtorità tad-Djar Ċentru ta' Matul il-Jum €9,472 11 ta’ Frar 2009 Mtarfa Awtorità tal-Artijiet Dar Residenzjali €500 28 ta’ Jannar 2010 Kirkop Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali €1,467 11 ta’ Frar 2013 Gwardjola Knisja Ċentru ta’ Matul il-Jum €200 1 ta’ April 2014 Għajnsielem, Għawdex Kurja Ċentru ta’ Matul il-Jum €16,315 20 ta’ Lulju 2017 Kirkop Awtorità tad-Djar Garaxx €224 23 ta’ Lulju 2015 Pembroke Awtorità tal-Artijiet Dar Residenzjali €2,434 30 ta’ Awwissu 2016 Siġġiewi Gvern Dar Residenzjali €1,055 11 ta’ Frar 2016 L-ewwel kera titħallas mill-11 ta’ Frar 2021 Żabbar Gvern – Dipartiment tal-Propjetajiet Dar Residenzjali €1,860 14 ta’ Ottubru 2016 Kirkop Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali – (Mhux mibnija) €6,459 18 ta’ Diċembru 2017 Fuq art Qrendi Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali €4,899 18 ta’ Diċembru 2017 Fuq art Żurrieq Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali €5,947 18 ta’ Diċembru 2017 Fuq art Marsa Awtorità tad-Djar Dar Residenzjali €2,048 18 ta’ Diċembru 2017 Sliema Dumnikani Ċentru ta’ Matul il-Jum €265,122 1 ta’ Jannar 2017 Naxxar Awtorità tal-Artijiet Proġett REACH €74,000 17 ta’ Mejju 2018 Fuq art Baħar iċ-Ċagħaq Franġiskani Dar Residenzjali/Ċentru ta’ Matul il-Jum €25,000 23 ta’ Frar 2018

Proġett Reach – konformità mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-proġett REACH huwiex konformi mal-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-pjanijiet għall-proġett REACH għaddew minn proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi imsieħba soċjali u t-tfassil tal-kontenut tal-funzjoni tal-proġett qed jiġi finalizzat. Din il-konsultazzjoni hi proċess regolari sabiex ikun assigurat li l-proġett ikun konformi ma’ leġislazzjonijiet u standards lokali u internazzjonali waqt li jkunu salvagwardjati d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Uffiċini tas-CRPD — kirja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-kirja fejn bħalissa jinsabu l-uffiċini tas-CRPD, fi Triq Psaila, Birkirkara? Jista’ jgħid kemm-il sular tkopri? Peress li huwa ovvju li jeżisti xi kuntratt f’dan ir-rigward, jista’ l-Ministru jgħid kull kemm jiġi mġedded dan il-kuntratt u l-kirja qiegħda mal-Gvern jew mal-privat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kirja tal-uffiċini tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’, hija ta’ €79,900 fis-sena. Il-binja tinkludi tliet sulari – garaxx għall-ipparkjar u żewġ sulari oħra li jintużaw bħala uffiċċini. Dan il-kuntratt sar mal-privat quddiem in-nutar prinċipali tal-Gvern għal 10 snin u jista’ jiġġedded bi qbil bejn iż-żewġ naħat.

Ċekkijiet ta’ Pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara għaliex iċ-ċekkijiet tal-pensjoni tal-25 ta’ Lulju 2020 u tal-21 ta’ Awwissu 2020 spiċċaw qatt ma waslu għall-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li kien intitolat li jirċevihom bil-posta?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-pagamenti msemmija tħallsu lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat, fis-17 ta’ Settembru 2020 fil-kont bankarju tiegħu.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru għall-Familja, Drittjiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid dawn it-talbiet minn min saru u dwar xiex saru? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11394 li għamel hu stess f’Ottubru tas-sena li għaddiet. Hekk kif tinġabar l-informazzjoni ulterjuri mitluba minnu, din tkun tista’ tingħata wkoll.

Raħal il-Ġdid — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega għalxiex filwaqt li ġie mwiegħed li ser jiġi msebbaħ u modernizzat iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità f’Raħal il-Ġdid, sa issa u dan wara tliet snin għadu ma sar xejn minn dan? Huwa minnu li hemm pjani li dan iċ-ċentru jieqaf jopera u jiġi rilokat x’imkien għadu ma sar xejn minn dan? Huwa minnu li hemm pjani li dan iċ-ċentru jieqaf jopera u jiġi rikolat x’imkien ieħor? Huwa minnu li konsegwenza ta’ hekk twaqqaf kull investiment maġġuri f’dan il-kumpless għad-detriment tal-benefiċċjarji b’diżabilità li għadhom jattendu hemm? Kemm hija l-kirja involuta hawnhekk?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum f’Raħal Ġdid għadu qed jopera u s-servizz minn dan iċ-Ċentru mhux ser jieqaf. Madankollu ġie identifikat sit fejn eventwalment dan is-servizz ser ikun rilokat u qed isir negozjar biex jissaħħaħ dan is-servizz u oħrajn. Il-proġett ta’ modernizzar imsemmi ma setax isir minħabba nuqqas ta’ fondi. Sadattant, fiċ-Ċentru preżenti matul is-snin xorta saru diversi eżerċizzji ta’ tkabbir u tisbiħ fejn fost oħrajn: § Inkriet parti addizzjonali mill-bini preżenti sabiex żdied l-ispazju li jintuża mill-persuni b’diżabilità li jattendu dan iċ-Ċentru § Sar xogħol ta’ tisbiħ § Sar xogħol sabiex il-post sar aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti § Sar xogħol fuq l-uffiċċju li jintuża mit-tim li jmexxi ċ-Ċentru Fil-preżent l-Aġenzija Sapport tikri dan il-post mingħand l-Għaqda Non-Governattiva, Physically Handicapped Rehabilitation Fund (PHRF), għas-somma ta’ €25,000 fis-sena.

Aġenzija Sapport – tkabbir tal-uffiċċju ċentrali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex twaqqaf il-pjan li jitkabbar l-uffiċċju ċentrali tal-Aġenzija Sapport fi Triq Patri Ġwann Azzopardi Santa Venera sabiex jakkomoda lill-ħaddiema kollha ta’ din l-Aġenzija? Peress li bħalissa l-operat ta’ din l-Aġenzija qiegħed jopera minn tliet binjiet differenti, jista’ jgħid kemm hi l-kirja ta’ kull wieħed minn dawn l-propretajiet u jekk il-kirja hix mal-gvern jew mal-privat u meta bdiet din il-kirja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li. l-pjan oriġinali li jitkabbar l-uffiċċju ċentrali tal-Aġenzija Sapport f’Santa Venera nbidel wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat iż-żieda ta’ sular wieħed minflok tnejn. Għalhekk, minflok, l-Aġenzija kriet siti oħra fl-istess lokalità sabiex tkun tista’ tospita lill-impjegati tagħha li joperaw mill-uffiċini peress li l-iżvilupp approvat ma kienx vijabbli. Dawn l-uffiċini jinsabu: Sit Kirja fis-sena (2020) inkluż Vat fejn applikabbli Bidu tal-kirja Mingħand Triq Patri Ġwann Azzopardi, Santa Venera € 3,250 2012 Gvern Triq il-Ħarrub, Santa Venera (Livell -1) €58,410 Jannar 2017 Privat Triq il-Ħarrub, Santa Venera (Livell 3) €68,440 April 2018 Privat Triq il-Kanun, Santa Venera €82,600 Frar 2019 Privat

Aġenzija Sapport – proġett Reach

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux minnu li l-proġett tant mistenni tal-Aġenzija Sapport għall-persuni b’diżabilità fi Triq it-Torri tal-Kaptan Naxxar, il-Proġett Reach, li ġie mħabbar li nbeda x-xogħol fuqu f’Mejju tal-2019 u li huwa wkoll wegħda elettorali, bħalissa huwa wieqaf? Jista’ jikkonferma li għaddejjin diskussjonijiet biex dan il-proġett tant importanti jitwaqqaf għal kollox u ma jitkompliex? Jista’ jikkonferma jekk hemmx allokati fondi ewropej għalih dan il-proġett, kemm hu l-ammont u jekk dawn il-fondi jistgħux jintilfu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett REACH fin-Naxxar se jkompli kif ippjanat. Ġie esperjenzat dewmien minħabba s-sejbiet ta' siti arkeoloġi li għandhom jiġu ppreservati skont l-istruzzjoni mis-Supretendent tal-Wirt Kulturali. Filwaqt li bidliet biex jakkomodaw din l-istruzzjoni jikkonsistu primarjament f'ri-pożizzjonar mill-ġdid tal-bini ppjanat, tali tqegħid mill-ġdid huwa kkunsidrat bħala żvilupp ewlieni mill-Awtorità tal-Ippjanar u għalhekk jeħtieġ permessi ġodda. Bħalissa l-Ministeru qed ilesti bidliet fil-pjanijiet u ser jissottometti applikazzjoni ġdida għall-ippjanar. Il-proġett REACH huwa pproġettat li jitlesta fl-2024. Minħabba dan, il-proġett REACH ser jkun iffinanzjat minn fondi nazzjonali. Il-finanzjament li kien allokat lill-proġett REACH taħt il-programm ERDF ser jiġi assenjat mill-ġdid mill-Managing Authority għal proġetti oħra identifikati minn Malta taħt il-programm ta’ finanzjament 2014-2020.