Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — sponsorships/grants mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-isponsorships/grants kollha li ngħataw minn xi dipartiment jew entità fil-Ministeru tiegħu sena b’sena, mis-sena 2015 ‘il hawn u għal kull sponsorship/grant jgħid kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju, x’kien il-proġett/inizjattiva u meta ngħatat?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tqassim ta' Vouchers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux lest jikkunsidra li joffri servizz tat-tqassim tal-vouchers li l-Gvern qed iqassam bieb bieb apparti bil-posta reġistrata lill-anzjani jew persuni li ma jistgħux joħroġu mid-dar?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern, permezz tal-Maltapost, diġa qassam il-vouchers lill-persuni kollha ntitolati, inkluż lill-anzjani bieb bieb. Anzjani li jirrisjedu f’Social Care Home u l-Karta tal-Identita’ tagħhom hija aġġornata, rċievew il-vouchers direttament hemmhekk. Filwaqt li dawk l-anzjani li l-Karta tal-Identita’ tagħhom mhijiex aġġornata bl-indirizz tal-Home li jirrisjedu fiha, ntbgħatilhom il-voucher hemmhekk wara li amministrazzjoni tal-istess Home tkun ġibdet l-attenzjoni dwar dan it-tibdil fl-indirizz. Kien hemm Anzjani oħra li kellhom il-vouchers tagħhom li nġabru mill-familjari tagħhom jew persuni li għandhom prokura f’isimhom jew mal-presentazzjoni tal-Karta tal-Identita’ li tikkorrispondi mal-voucher letter tracking number li tkun mal-missed delivery note li jkun qassam il-pustier.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – bordijiet – benefiċċji, kumpens finanzjarju u kundizzjonijiet varji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15338 u jgħid x’inhuma l-benefiċċji, il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet varji li huma intitolati għalihom membri fil-Bordijiet varji li jaqgħu taħt il-Ministeru u jista’ jindika x’kienet l-ispiża attwali tas-sena li għaddiet 2019?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lil Onorevoli interpellant illi din l-informazzjoni ser tinghata f-seduta ohra.

Mellieħa – fergħa tal-Bank of Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16052 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jindika għal liema raġuni, minn wara li ntemmet l-emerġenza medika b’rabta mal-imxija tal-COVID-19, fergħat tal-Bank of Valletta fetħu fl-1 ta’ Lulju 2020 f’numru ta’ lokalitajiet iżda mhux l-istess ġara fil-lokalità tal-Mellieħa? Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser tinfetaħ jew le l-imsemmija fergħa u jekk iva meta hi d-data prevista li ser isir dan il-ftuħ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninfroma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — impatt ta’ Brexit fuq pajjiżna – impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar impact assessment li sar fir-rigward tal-impatt tal-Brexit fuq pajjiżna?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet/Klabbs sportivi — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14474 u jgħid kemm saru laqgħat mal-assoċjazzjonijiet/Federazzjonijiet /klabbs sportivi minn kemm ilha li bdiet l-imxija tal-COVID 19, anke sabiex il-Gvern jisma’ mingħand il-membri fi ħdan l-istess assoċjazzjonijiet'federazzjonijiet/klabbs dwar x’impatt ħalliet fuqhom din l-imxija?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — first aiders kwalifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm First Aiders kwalifikati fil-Ministeru u fid-dipartimenti/entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi għandna madwar 459 impjegati li huma First Aiders (kif indikat hawn taht). Ninfurmak li ser isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiġi organizzat kors tal-First Aid għall-impjegati tad-Dipartimenti/Direttorati fiż-żmien li ġej. Entities Number of First Aiders Air Malta 351 First Aiders Air Malta Aviation Services 56 First Aiders Central Business District foundation NIL Kordin Grain 10 First Aiders MBR 1 First Aider 4 Emergency Fist Aid Responders ME 15 First Aiders MGI 2 Fist Aiders MIP NIL MIMCOL 15 First Aiders Malta Med Air 2 First Aiders Privatization Unit 2 First Aiders MEIB 1 First Aider (Nurse)

COVID-19 – pagamenti lill-kumpaniji li kienu bit-3 u l-4 day week

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15633, 15576 u 15469 u u jgħid meta beħsibhom jibdew joħorġu l-pagamenti mwiegħda bħala għajnuna lill-kumpaniji li minħabba l-imxija tal-COVID-19 kellhom imorru għall-4 u 3 Day week? Jista’ jgħid jekk il-kuntratt li l-istess kumpaniji għandhom u jiskadilhom is-Sibt, 13 ta’ Ġunju ġiex imġedded?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi kif imħabbar mill-Gvern bil-pjan ta’ rigenerazzjoni il-kumpaniji u negozji ser jibqgħu jibbenifikaw mill-wage supplement sal-aħħar ta’ Settembru. Rigward, l-ahhar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jikjarifika għal xiex qed jirreferi.

Industriji li ma għadhomx joperaw f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15139 u jgħid kemm, u f'liema setturi, hemm industriji li m'għadhomx joperaw f'Malta mill-2017 sal-lum?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli interpellant illi din l-informazzjoni ser tinghata f’ seduta ohra.

It-Tieni Fibre-Optic Cable bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-istadju li fih waslu x-xogħlijiet fuq it-tieni fibre-optic cable bejn Malta u Għawdex u meta hu maħsub li dan se jibda jiffunzjona?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli interpellant illi din l-informazzjoni ser tinghata f’ seduta ohra.

Proġett tal-White Rocks

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar il-Proġett tal-White Rocks u jekk dan għadux fil-pjan tal-Gvern li jsir? Jekk iva fiex waslu t-taħditiet mal-Preferred Consortium u jekk dawn ġewx iffinalizzati u konklużi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li f’rigward tal-proġett msemmi dan għadu fuq l-Aġenda tal-Gvern biex jiġi implementat. Id-diskussjonijiet mal-partijiet konċernati għadhom għaddejin u wieħed jittama li n-negozajti jiġu konklużi fl-iqsar żmien possibli dan sakemm il-kundizzjonijiet imposti jkunu aċċettabli mill-partijiet kollha.

Fabbriki — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13585 u ċjoè: Peress li lkoll nafu li fil-fabbriki jinġemgħu għadd ta' ħaddiema biex jaħdmu flimkien, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fabbriki hux se jibqgħu joperaw business as usual? Jista' jgħid ukoll x'miżuri ttieħdu jew se jittieħdu biex ma tkomplix l-imxija tal-COVID 19?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma marx għal-total lockdown kif pproponiet l-oppożizzjoni. Peress li s-saħħa tal-ħaddiema hija prijorità u sabiex tiġi protetta saret ħidma kordinata bejn il-Ministeru ta’ l-Ekonomija, Awtoritajiet tas-saħħa u Malta Enterprise sabiex jiddaħħlu protokolli ġodda ta’ kif il-ħaddiema ghandhom joperaw. Grazzi għal dan il-bilanċ ġew salvatli eluf ta’ mpjiegi ta’ dawn l-istess ħaddiema u għadhom joperaw b’mod effiċjenti sal-llum.

persuni b'inkapaċita mentali — voucher ta' €100

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15903 li saret lill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u 15618 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk persuna b’inkapaċità mentali li konsegwenza ta’ hekk m’humiex fuq ir-Reġistru Elettorali, hux ser jirċievu l-voucher ta’ €100?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-persuni msemmija fil-Mistosija Parlamentari ser jkunu qed jircievu il-vouchers.

COVID-19 – għajnuna lill-għaqdiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15929 u ċjoè: B’referenza għall-proposti relatati mal-imxija tal-COVID-19 li ressqet l-Oppożizzjoni b’rabta mal-għajnuna lill-għaqdiet sportivi, jista’ l-Ministru jikkonferma li ġaladarba l-għaqdiet/klabbs sportivi jħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’rata kummerċjali, huma se jkunu qed jibbenefikaw minn tnaqqis/sussidju/eżenzjoni fuq l-istess kontijiet kif imħabbar fil-mini baġit mill-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor interpellant li dawk l-għaqdiet/klabbs sportivi li diġà għandhom applikazzjoni tal-wage supplement approvata ser ikunu qed jibbenifikaw mill-iskema ta’ assistenza fuq il-kont tal-elettriku kif imħabbar mill-Gvern fil-pjan ta’ rigenerazzjoni ekonomika.

Wage Supplement Scheme – applikazzjonijiet minn Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet totali minn Għawdex taħt il-Wage Supplement Scheme? Kemm minn dawn kienu taħt Annex A u kemm minnhom taħt Annex B? Jista’ jgħid ukoll minn dawn l-applikazzjonijiet kemm ġew milqugħa? Jista’ jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet minn Malta taħt l-istess skema u taħt Annex A u Annex B u allura x’persentaġġ ta’ applikazzjonijiet taħt l-istess skema kienu minn Għawdex?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. interpellant illi din l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Ix-Xewkija Għawdex — Żona Industrijali - site plan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14982 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-site plan taż-Żona Industrijali fix-Xewkija Għawdex, kif ukoll jindika fuq din is-site plan l-areas li għad baqa mhux żviluppati u li jistgħu jiġu żviluppati fihom fabbriki u/jew garaxxijiet industrijali?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li attwalment m’hemm ebda sit vakanti u għaldaqstant kull allokazzjoni futura trid issir wara li tkun rilaxxata xi propjeta’ mikrija. Inkwantu għall-art li tagħmel parti miż-Żona Industrijali fix-Xewkija Għawdex, qiegħed nirreferiħ għal Avvizi Legali 139/2014, 238/2015, 184/2014, 13/2012, 12/2012 u 16/1994.

Ħal Luqa – Xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent x'tip ta’ xogħlijiet infrastrutturali għaddejjin ġewwa l-area tal-Ajruport Internazzjonali ta' Ħal Luqa u fiex jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet u kemm huma stmati li jiswew?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li gewwa l-area tal-Ajruport qed isiru diversi proġetti kemm privat kif ukoll dawk governattivi. Jista' jispeċifika eżatt għal-liem xogħol qiegħed jirreferi.

Garanzija statali favur il-kumpanija Malta Air Travel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15100 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoe: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14306, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji ta’ inkorporazzjoni (ie. Numru ta’ Reġistrazzjoni u Data ta’ Inkorporazzjoni) tal-kumpanija msemmija?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Malta Air Travel Ltd, li topera taħt l-isem Malta MedAir, għandha n-numru ta’ reġistrazzjoni C 84358 u ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Jannar 2018.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15456 u 14905 u jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entita/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma’ jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. interpellant li din l-informazzjoni ser tinghata fis-seduta li jmiss.

Malta Industrial Parks – sit f’Ħal Luqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15507 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt/i li permezz tiegħu l-Malta Industrial Parks għaddiet sit f’Ħal Luqa lill-Awtorità tal-Artijiet, liema sit kien indikat biex jgħaddi lil Valletta FC?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art inkwistjoni kienet rilaxxata lura lill-Awtorità tal-Artijiet b'tali mod li din tkun allokata permezz ta' Sports Malta.