Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema nieqsa, f’liema istitut u f’liema suġġetti tal-MCAST? X’passi qed jittieħdu biex jinstabu l-għalliema nieqsa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bħalissa hemm tliet għalliema neqsin. Il-vakanzi huma fis-suġġetti u fl-Istituti li ġejjin:
Istitut tal-Inġinerija Mekkanika –
Aircraft Maintenance – saru l-intervisti nhar it-Tnejn, 25 ta’ Jannar 2010, u qed tittieħed azzjoni biex, mingħajr dewmien, isir l-ingaġġ tal-persuni li hemm bżonn.
Motor Vehicle Engineering – beda l-proċess ta’ reklutaġġ wara li, nhar it-Tlieta, 19 ta’ Jannar 2010, għalliem f’din il-materja bagħat l-ittra tar-riżenja. L-aħħar ġurnata ta’ dan l-għalliem kienet il-Ġimgħa, 22 ta’ Jannar 2010.
Ċentru ta’ Għawdex:
Literacy and Numeracy – Ġiet ikkuntattjata l-persuna li kienet magħżula għal dan il-post u huwa ttamat li din tkun tista tibda ma ddumx.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx għalliema nieqsa u jekk iva, f’liema suġġetti fl-iskola Giovanni Curmi? X’passi qed jittieħdu biex jinstabu l-għalliema meħtieġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-post li kien vakanti fl-aħħar ta’ Diċembru issa mtela, u għalhekk m’hemm l-ebda nuqqas ta’ għalliema fl-iskola Giovanni Curmi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema nieqsa fl-iskejjel sekondarji u post sekondarji statali f’Għawdex? F’liema suġġetti? X’passi qed jittieħdu biex jinstabu dawn l-għalliema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma jirriżultax li hemm xi nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel sekondarji u post-sekondarji statali f’Għawdex.
Tista' l-Ministru tara li l-istudent, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u li jattendi r-raba' klassi tal-iskola tan-Naxxar, jingħata l-għajnuna ta' reading teacher għall-eżamijiet ta' nofs is-sena minħabba l-kundizzjoni tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għall-iskola, it-tifel li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, qatt ma rriżulta li jbati minn xi kundizzjoni. L-omm qatt ma pprovdiet xi forma ta’ rapport psikoloġiku jew ta’ xi tip ieħor. Qatt ma saret talba għal reader imma biss għall-extra time, għax skont l-omm, it-tifel idum jikteb. Il-policy hija li biex student isirlu arranġament, it-talba trid tkun issapportjatha minn rapport ta’ xi ħadd professjonali billi fl-iskola ħadd ma hu professjonalment kompetenti biex jiġġudika dawn il-bżonnijiet.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlestew l-iskejjel li qed jinbnew preżentement? Wara dawn l-iskejjel, liema hu l-programm tal-Gvern għall-bini ta' skejjel ġodda, jew estensjoni ta' dawk eżistenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskejjel li qed jinbnew preżentement huma l-iskola l-ġdida sekondarja tas-subien fil-Mosta (Żokrija) li se tkun lesta fis-sena 2010, u l-iskola sekondarja ġdida ġewwa ir-Rabat Għawdex li hija mistennija li tkun lesta sas-sena 2011.
Wara dawn l-iskejjel hemm pjanat li tinbena skola ġdida sekondarja għall-bniet ġewwa Ħal Qormi (Ħandaq), skola ġdida sekondarja tal-bniet ġewwa Ħal Kirkop kif ukoll skola tal-kindergarten ġewwa l-Mosta. Mhux eskluż li se jkun ippjanat xogħol ieħor.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hemmx possibilità li għaqdiet sportivi, kemm nazzjonali kif ukoll lokali, jieħdu għajnuna mill-Unjoni Ewropea biex ikunu jistgħu jifirxu l-ħidma tagħhom biex jilqgħu iktar Maltin u Għawdxin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport hemm aġenzija li tippromwovi programmi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea bl-isem ta' European Union Programmes Agency (EUPA).
Fil-passat kien hemm applikazzjonijiet minn għaqdiet sportivi sabiex jipparteċipaw fil-programmi li ġew aċċettati u kofinanzjati mill-UE.
Għal rigward ta' programmi oħra nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
In vista tad-dikjarazzjoni li qed tintbagħat separatament mill-QRIC dwar il-fatt li l-London Society of Music mhijiex kwalifika rikonoxxuta, u in vista li ħadna studenti jagħmlu dan l-eżami, tista' l-Ministru tgħid x'qed jagħmel il-Gvern sabiex iqajjem kuxjenza dwar dan? Kemm saru eżamijiet tal-London Society of Music sena b'sena fl-aħħar ħames snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kull stqarrija li toħroġ miċ-Ċentru Malti għal Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u ta’ Informazzjoni (MQRIC) dwar il-London Society of Music qed tindika li din is-soċjetà ma taqa’ taħt l-ebda aġenzija ta’ akkreditazzjoni rikonoxxuta fir-Renju Unit. L-MQRIC tieħu kull okkażjoni pubblika biex tavża lill-individwi biex joqogħdu attenti minn kwalifiki mhux rikonoxxuti.
Il-MQRIC m’għandux informazzjoni dwar kemm saru eżamijiet f’dawn l-aħħar ħames snin.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-proġetti kollha li b'xi mod jew ieħor għandhom x'jaqsmu mal-qasam edukattiv, totalment jew parzjalment iffinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea? Kemm huma dawk li qed jibbenefikaw minnhom u għal min qed isiru għas-sena 2008 u 2009? X'hemm ippjanat għas-sena 2010? Tista' tgħid f'liema stadju ta' twettiq waslu? Kemm minnhom waqgħu lura? Għaliex waqgħu lura? Kif se jiġu indirizzati l-problemi li qed iwasslu biex dawn l-proġetti jaqgħu lura?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jibdew jitħallsu l-Private Training Providers għall-korsijiet tal-MCAST fil-qasam tal-IT li bdew fis-sena akkademika kurrenti? X'qed jikkaġuna li dawn il-Private Training Providers idumu ma jitħallsu u x'qed isir biex dawn il-problemi jingħelbu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċess biex jitħallsu l-Private Training Providers għall-korsijiet tal-MCAST fil-qasam tal-IT beda.
Bħalissa l-informazzjoni qegħda tiġi mdaħħla fl-iStructural Funds Database (SFD) mill-benefiċarju, jiġifieri l-MCAST.
Pero’ waqt dan il-proċess l-MCAST iltaqa’ ma’ problemi li minħabba fihom il-proċess ma setax jiġi konkluż. Għaldaqstant l-MCAST qiegħed jiddiskuti mal-entitajiet konċernati biex dawn id-diffikultajiet jingħelbu.
L-istatus tal-pagamenti għadu mwaħħal għax:
Il-kuntratti ġew iffirmati fis-17 u fit-18 ta’ Diċembru 2009 rispettivament.
Il-kuntratti waslu għand l-MCAST fl-4 ta’ Jannar 2010.
Fil-5 ta’ Jannar 2010 saret talba lit-Teżor biex jiġu allokati l-flus u fis-6 ta’ Jannar il-fondi ġew allokati mill-Finanzi u mdaħħla fl-SFD.
Fis-7 ta’ Jannar 2010 id-Dipartiment tal-Kuntratti ntalab jirrevedi l-front page tal-kuntratti għax kien hemm xi nkorrettezzi.
L-invoices li ġew preżentati lill-MCAST ma kienux korretti u kellhom jiġu reveduti u sottomessi mis-Service Providers. Dawn waslu għand l-MCAST fil-5 ta’ Jannar u 12 ta’ Jannar 2010 rispettivament.
Il-verżjoni korretta tal-front page tal-kuntratti waslet għand l-MCAST fl-20 ta’ Jannar 2010 .
Fl-20 ta’ Jannar 2010 l-MCAST pprova jdaħħal d-dettalji fl-SFD imma s-sistema ma kenitx qegħda taħdem.
Il-proċess qed jitkompla llum u bħalissa qegħdin f’diskussjoni mal-Planning and Priorities Coordination Division (PPCD) rigward xi informazzjoni li ma tistax tiġi mdaħħla.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Tista' l-Ministu tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender documents sottomessi rigward proġetti finanzjati jew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea f'din l-aħħar sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant hi infurmata li d-dokumenti li qed titlob jikkontjenu informazzjoni ta’ natura kummerċjali u għalhekk mhux indikat li ‘tender documents’ jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
MA Financial Services — estensjoni għat-teżi finali
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-policy li tiġi addottata fil-kors tal-MA Financial Services meta student jitlob estensjoni fid-data tal-preżentata tat-teżi finali? X'jiġri meta student jitlob estensjoni t-tieni darba, jiġifieri jkun ġa ħa extension u jiġi biex jitlob extension oħra? X'parametri jintużaw? Jista' jgħid jekk hemmx xi policy u jekk iva, jgħid x'inhi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-mod kif jingħataw l-estensjonijiet tal-perjodu ta’ studju huwa regolat mill-ordinamenti ta’ kull kors kif ukoll mir-Regolamenti Ġenerali għar-Rikonoxximenti Universitarji ta’ wara l-ewwel grad (irreferuti aktar 'l isfel bħala r-Regolamenti Prinċipali).
L-Ordinament 10(2) tal-Ordinamenti ta’ l-2008 skond ir-Regolamenti Ġenerali ta’ l-2008 għar-Rikonoxximenti Universitarji ta’ wara l-Ewwel Grad għall-Grad ta’ Master of Arts in Financial Services taħt il-patroċinju tal-Fakultà tal-Liġi (Avviz Legali Nr 320 ta’ 2008), li japplikaw għall-korsijiet li bdew minn Ottubru 2008 ‘l quddiem jgħid hekk:
“10. (2) Is-superviżuri għandhom jibgħatu lill-Bord rapporti dwar il-progress ta’ kull student taħt is-superviżjoni tagħhom fit-tmiem ta’ kull semestru ta’ studji, kemm jekk l-istudent ikun qiegħed isegwi l-Kors fuq bażi
full-time
u kemm jekk
part-time
. Dawn ir-rapporti jistgħu jinkludu rakkmandazzjoni li jew (a) jittawwal il-perjodu ta’ studju biex l-istudent ikun jista’ jtemm id-dissertazzjoni; jew (b) jintemmu l-istudji qabel il-waqt jekk is-superviżur jidhirlu li dan huwa xieraq fiċ-ċirkostanzi, sakemm li:
(i) l-estensjoni tal-perjodu ta’ studju msemmija f’(a) tkun skond il-provvedimenti tar-Regolamenti Prinċipali; u
(ii) il-Bord ma jistax itemm l-istudji qabel il-waqt skond (b) jekk qabel ma jkunx ta opportunità lill-istudent biex jiddefendi l-każ tiegħu.”
Ir-Regolament 21 tar-Regolamenti Prinċipali jgħid hekk:
“21. (1) Il-Bord [tal-Fakultà] jista’ jagħti lill-istudenti reġistrati fuq Korsijiet ta’ wara l-Ewwel Grad estensjoni ta’ sa sitt xhur biex jagħmilha possibbli li jtemmu l-istudji tagħhom, irrispettivament minn jekk humiex irreġistrati fuq bażi full-time jew part-time.
(2) F’ċirkostanzi speċjali u fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord, is-Senat jista’ jagħti lill-istudenti estensjoni oħra ta’ sa sentejn biex jagħmilha possibbli li jtemmu l-istudji tagħhom, irrispettivament minn jekk humiex irreġistrati fuq bażi
full-time
jew
part-time
.”
Għaldaqstant, b’kollox student jista’ jingħata estensjoni tal-istudji sa massimu ta’ sentejn u nofs.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport sar lill-UNESCO ai termini tal-artiklu 9A tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali? Tista' tqiegħed dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skont Artiklu 9A tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali, il-pajjizi li aċċedew jew irratifikaw il-Konvenzjoni għandhom jissottomettu lill-UNESCO rapport b'informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex jipproteġu u jippromwovu d-diversità tal-espressjonijiet kulturali fit-territorju tagħhom u fuq livell internazzjonali. Dan għandu jsir kull erba' snin. Madankollu, skond informazzjoni mogħtija mid-Direttur Ġenerali responsabbli għall-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea fis-sbatax ta' Dicembru 2009 r-rapporti huma mistennija fuq bażi ta' tletin pajjiż f'ordni kronologiku tal-aċċessjoni jew ir-ratifikazzjoni tagħhom fuq bażi annwali, b'bidu mill-2010. Malta hija l-34 pajjiż f'din il-lista kronoloġika hekk kif ippubblikata mill-UNESCO. Għalhekk Malta se tressaq l-ewwel rapport tagħha din is-sena.
Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — informazzjoni dwar bordijiet
Question
Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra tar-Rappreżentanti kif ġej:
a. Liema Bordijiet jaqgħu taħt id-dikasteru tagħha?
b. In-numru ta’ diretturi fuq dawn il-bordijiet?
ċ. Kemm minnhom huma nisa u kemm huma rġiel?
d. Kemm hemm
chairpersons
nisa fuq il-bordijiet tal-Ministeru konċernat?
e. Kemm inħatru diretturi u
chairpersons
wara li saret sejħa għall-applikazzjoniet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
In vista tal-fatt li fil-ġurnal 'The Sunday Times' tal-10 ta' Jannar, 2010 il-Ministru għoġobha tħabbar li skont politika Nazzjonali dwar il-Kultura fi stadju draft, il-liġijiet rigward il-libertà tal-espressjoni jeħtieġ jiġu aġġornati, "updated" biex jirriflettu r-realtà tas-seklu 21 u li din il-policy ġiet approvata mill-Kabinett, b'rakkmandazzjoni biex il-Ministeru jaġġorna dawn il-liġijiet nostrani, tista' l-Ministru tgħid:
a) Għalfejn il-Ministru ħasset li għandha tagħmel din l-istqarrija f'ġurnal lokali, u mhux fil-Parlament, tenut kont li għandna żagħżugħ li qed jiffaċċja akkużi li jikkomportaw piena ta' priġunerija fuq artiklu li deher f'ġurnal ta' l-Università?
b) Liema huma dawn "il-liġijiet li jirrigwardjaw il-libertà ta' l-espressjoni" li se jiġu aġġornati (ikkwota artiklu artiklu) u kif?
c) Għalfejn il-Ministru ħasset li għandha tagħmel din l-istqarrija hi meta lill-istess interpellant kienet dejjem tidderiġieh biex jistaqsi d-domandi rigward iċ-ċensura lill-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici? Jekk kien il-ġurnal 'The Sunday Times' li għamel id-domandi lill-Ministru, għaliex il-Ministru ma dderiġietx lill-ġurnalista biex jagħmel id-domandi lill-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien m’għamilt ebda stqarrija. Weġibt biss mistoqsijiet li għamilli ġurnalist ta’ ‘The Times’ kif inhi l-prattika tiegħi meta nirċievi mistoqsijiet mingħand il-media. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Abbozz tal-Politika Kulturali Nazzjonali li se titnieda fis-6 ta’ Frar, tirreferi għall-aġġornament tal-leġislazzjoni li tolqot iċ-ċensura b’mod ġenerali.
Il-“kif” jiġi stabbilit wara li ssir analiżi dettaljata tal-‘feedback’ kollu li jidħol wara fażi ta’ konsultazzjoni sħiħa ma’ dawk kollha interessati.
Hemm differenza kbira bejn mistoqsijiet parlamentari u dawk tal-media. Tal-ewwel huma marbuta mal-prassi stabbilità mill-iStanding Orders tal-Parlament waqt li tat-tieni m’humiex.
L-Onor. Interpellant jaf sew li r-responsabbiltà għal-liġijiet li jirrigwardaw iċ-ċensura jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u li ma sar ebda tibdil f’dan ir-rigward.
Sir Mikelang Refalo — għalliema tal-ingliz A' Level
Question
Peress li l-istudenti tal-Ingliż "A" level tal-Iskola Sir Mikelang Refalo, Għawdex qed jilmentaw għaliex wara li kien hemm għalliema li ħarġet u kien hemm replacement tagħha, ġew mnaqqsa xi lezzjonijiet tal-lingwistika u qed jgħidu li qabel kienu aħjar, tista' l-Ministru tara li dawn l-ilmenti jiġu indirizzati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-għalliema li ġiet imsejħa bħala replacement fil-mistoqsija parlamentari, ma ġietx l-iskola biex tieħu post għalliema li ħarġet bil-maternity leave. L-għalliema li daħlet fil-kwistjoni hija għalliema fuq transfer permanenti minn Settembru 2009.
Il-klassijiet kollha għandhom il-
full complement
tal-lezzjonijiet. Dan jgħodd kemm għall-istudenti tal-ewwel sena kif ukoll tat-tieni sena u dan wara arranġament intern bejn l-għalliema. Dan ifisser li l-istudenti għandhom ħames siegħat tagħlim kif ukoll iż-żewġ
tutorials
li għandhom dritt għalihom, b’total ta’ seba’ lezzjonijiet. Fil-każ tal-istudenti tat-tieni sena dawn għandhom tmien lezzjonijiet flok sebgħa. Dan ifisser waħda aktar minn dak li huma intitolati għalihom.
Fl-ewwel sena, l-element lingwistiku li għalih għamlet aċċenn l-Onor Justyne Caruana fil-mistoqsija parlamentari huwa biss komponent żgħir mill-lezzjonijiet kollha u jieħu madwar xahar. Dan jitkompla b’mod estensiv fit-tieni sena u huwa fid-diskrezzjoni tal-għalliem meta dan isir matul il-kors. Dan jgħodd kemm għall-ewwel sena kif ukoll fit-tieni sena. Però żgur li l-lezzjonijiet tal-lingwistika qegħdin isiru.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender documents kollha sottomessi mit-tenderers fir-rigward ta' CT 2115/2009 li hu Service Tender for a Structural Survey at Ggantija Temples, Gozo?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċedura titlob li wara li jinkiteb ir-rapport finali tal-kumitat li jkun qed jaġġudika t-tender, id-dokumenti kollha jintbagħtu lura lid-Dipartiment tal-Kuntratti. Għalhekk it-tender documents li ġew sottomessi mit-tenderers għal CT 2115/09 jinsabu għand id-Dipartiment tal-Kuntratti fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi u mhux għand Heritage Malta.
Tista' l-Ministru tgħid:
a) jekk huwiex minnu li r-responsabbiltà tar-reġim taċ-ċensura issa ġie trasferit favur il-Ministeru tagħha, jiġifieri m'għadux taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, fuq deċizjoni tal-Kabinett? Jekk iva, meta u għaliex seħħ dan?
b) jekk allura hijiex se tressaq abbozz ta' liġi u telimina darba għal dejjem iċ-ċensura teatrali/artistika mill-gżejjer? Jekk iva, meta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mhux minnu li r-responsabbiltà taċ-ċensura ġiet trasferita mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern għall-Ministeru li minnu responsabbli jien. Ma kien hemm ebda deċiżjoni mill-Kabinett f’dan is-sens.
Fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Ministru għal Għawdex għal mistoqsija parlamentari 13515, Seduta 177 tal-14 ta’ Diċembru 2009, tista’ l-Ministru tkompli tirrispondi għall-aħħar parti tal-mistoqsija u tgħid jekk il-Bachelor of Commerce fil-Università ta' Malta, Ċentru għal Għawdex hix se toffri bħala main areas of study it-Tourism Studies, ICT jew Finanzi, minbarra l-Management u l-Economics?
Jekk il-Bachelor of Commerce mhix se toffri dawn is-suġġeti bħala main areas of study allura id-Diploma in Commerce li qed issir din is-sena u li se tispiċċa f’sena waħda se tkun kwalifikazzjoni li biha dawk li jispiċċaw il-kors b’suċċess ikunu jistgħu ikomplu l-istudji tagħhom għal degree fit-Turiżmu, ICT u Finanzi fl-Università ta’ Malta, Ċentru għal Għawdex ?
Dawk l-istudenti li għandhom Diploma fil-Kummerċ li ġabuha fis-snin l-imgħoddija u li qatt ma komplew għal Baċellarat fil-Kummerc se jkunu kwalifikati li jattendu għal degrees fl-ITC, Finanzu u Turiżmu li se jsiru fiċ-Ċentru għal Għawdex?
Jidhrilha l-Ministru li l-Università għandha tgħid x'se jsir issa u mhux wara li jispiċċa l-kors li jwassal għad-Diploma fil-Kummerċ u dan biex studenti li japplikaw ikunu jistgħu jippjanaw il-karriera tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dawk l-istudenti li jispiċċaw b’suċċess id-Diploma fil-Kummerċ ikunu jistgħu jkomplu għall-Bachelor of Commerce, billi jagħżlu żewġ major areas of study minn fost tlieta li se jiġu offruti, jiġifieri turiżmu, finanzi jew IT. Id-Diploma fil-Kummerċ kienet imqassma fuq sena kalendarja, waqt li t-tkomplija għall-Bachelor of Commerce se tkun imqassma fuq tliet snin.
Ministri, Segretarji Parlamentaru u Deputati li ġew intervistati fuq mezzi tax-xandir
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12200, tista' l-Ministru tgħid liema kriterju ntuża biex f'din il-lista l-coverage mogħti mill-Public Broadcasting Services lill-attivitajiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-Ministri u Segretarji Parlamentari, inqasmu bejn attivitajiet uffiċjali u dawk relatati mal-partiti politiċi rispettivi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kriterju li jintuża bejn attivita’ uffiċjali u attività tal-partit hi waħda sempliċi. Kull attivita’ li ssir minn politiku bħala attività tal-partit, titqies bħala attività tal-partit.
Jekk il-Prim Ministru jħabbar investiment bħala Prim Ministru, fl-istatistika titniżżel bħala attività tal-Prim Ministru. Fid-diskorsi tal-Ħadd, meta jitkellem il-Prim Ministru u jiġi rrapurtat, fl-istatistika titniżżel bħala attività tal-partit.
Isir l-istess meta jitkellmu Ministri, fil-vesti uffiċjali jew f’attività tal-partit.
Għal dak li jirrigwarda l-oppożizzjoni l-istatistika li tinżamm timxi fuq l-istess kriterju. L-attivitajiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni jgħoddu għalih waħdu u l-attivitajiet tal-membri l-oħra tal-Oppożizzjoni huma miġbura kollha flimkien.
Gzira United FC u Gzira Youth Nursery — ground b'wiċċ artifiċjali
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk sarx xi progress fit-talbiet li qed jagħmlu Gzira United FC u Gzira Youth Nursery sabiex il-wegħda li saret lilhom u ċioe li jkollhom ground b'wiċċ artifiċjali nkorporat fil-proġett ta' Manoel Island, tkun tista' isseħħ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 1297.