Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Positions of Trust - Salarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji kollha għall-persuni kollha li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu għas-sena 2022?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja, (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Vinċenz de Paul — Kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta’ impjieg li kellha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament qabel ma spiċċat mill-kariga tagħha fil-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Djar tal-Anzjani – Kontribut mir-residenti

Question

Jista’ l-Minstru jgħid jekk id-djar residenzjali kollha tal-anzjani kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat għandhom kunsill/kumitat magħmul mir-residenti stess fejn ikunu jistgħu jagħtu l-kontribut u s-suġġerimenti tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tad-dar fejn ikunu qed jgħixu? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk id-djar residenzjali li ma għandhomx dan il-kunsill/kumitat u jekk huwiex fil-ħsieb tagħhom li jkollhom kunsill/kumitat bħal dan?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-djar residenzjali tal-Gvern, kif ukoll djar fejn il-Gvern jixtri sodod, kollha għandhom kumitat magħmul mir-residenti stess fejn jistgħu jagħtu l-kontribut u s-suġġerimenti tagħhom fir-rigward tat-tmexxija tad-dar fejn ikunu qed jgħixu.

Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul — Ventolin Solution for Nebulization

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Ventolin Solution for Nebulization mhuwiex qiegħed jingħata fil-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx jingħata qabel u jekk iva x’inhi r-raġuni għaliex mhux qed jingħata aktar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, hemm stokk fl-Ispiżerija tal-Ventolin Solution for Nebulization u allura qed jingħata lil min jiġi bżonnu.

Anzjani fuq listi ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm anzjani li qegħdin fil-lista ta’ stennija biex jidħlu f’dar residenzjali tal-Gvern, jew li jużaw sodod mixtrija mill-Gvern f’residenzi privati?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11319, liema tweġiba ngħatat fis-seduta 162 tal-31 ta’ Ottubru 2023.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Nefqa fuq reklmar

Question

Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva nefaq €199.42 f’reklamar fuq is-sit soċjali ta’ Facebook. L-entitajiet m’għamlux ħlasijiet għall-informazzjoni fuq il-midja soċjali.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors fl-Università ta' Malta jew li qed jagħmlu kors online ma' Università barranija separatament minn xulxin u x'korsijiet qed jagħmlu? Jista' jgħid ukoll x'inhu l-grad ta' kull impjegat u jekk id-dipartiment jew l-uffiċċju kkonċernat huwiex qed jagħti xi forma ta' għajnuna?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tenders ħarġu mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt id-deskasteru tiegħu fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament minn xulxin u jagħti d-dettalji kollha dwarhom? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm tenderers għal kull tender u favur minn ġie aġġudikat kull tender?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lil Onor. Interpellanta, li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt id-deskasteru tiegħu fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament minn xulxin u jagħti d-dettalji kollha dwarhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Taħriġ lill-anzjani dwar l-IT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux sejjer isir taħriġ tal-IT lill-anzjani li jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum kif ukoll għar-residenti ta’ St. Thomas Community Living? Jekk iva, jista’ jgħid meta dan it-taħriġ ser ikun organizzat?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-18 ta’ Settembru 2023 beda taħriġ tal-IT fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta' Marsaskala fejn anzjani membri fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva li jgħixu fil-Komunità, kif ukoll dawk residenti fid-dar residenzjali St. Thomas Community Living, setgħu jipparteċipaw f’dan it-taħriġ.

Skema ta’ sussidju — Helper tal-Għażla tiegħek - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu użu mill-iskema tas-sussidju għall-Helper tal-Għażla tiegħek? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti u jindika wkoll jekk hemmx applikazzjonijiet approvati iżda sa issa għadu ma ngħatax is-sussidju?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 306 persuni li qed jagħmlu użu mill-iskema tas-sussidju għall-Helper tal-Għażla Tiegħek. Applikazzjonijiet pendenti m’hemm xejn. Hemm applikazzjoni waħda li waslet l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità f’dawn l-aħħar ġimagħtejn li hija approvata u qed tiġi proċessata biex tibda tingħata s-sussidju.

San Vinċenz de Paul — Kopja ta’ kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt bit-termini u l-kondizzjonijiet kollha tal-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Faċilità ta’ San Vinċenz de Paul?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Anzjani fil-komunità — Sodod motorizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbenefikaw sa issa mill-iskema ta’ sodod motorizzati għall-anzjani li jgħixu fill-komunità? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ser ikompli b'dan l-investiment u fiex ser jikkonsisti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa qed jibbenefikaw 44 anzjan/a mill-iskema ta’ sodod motorizzati minn meta tħabbar is-servizz fil-31 t’Awwissu. Il-kuntratt eżistenti ġie estiż sabiex tintlaħaq id-domanda għal dan is-servizz. Sadanittant qed tiġi ppreparata sejħa oħra għall-offerti.

Anzjani — Servizz ta’ assistenza legali b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm anzjani rċevew assistenza legali b’xejn minn meta ġie ffirmat il-ftehim għal dan is-servizz? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minnhom kienu ta’ natura ċivili u kemm minnhom kienu ta’ natura kriminali?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa t-taqsima tas-social work irreferiet erba’ każijiet sabiex dawn jingħataw għajnuna legali, dan wara l-ftehim li sar bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Legal Aid Malta. Dawn il-każijiet kienu kollha ta’ natura ċivili.

Djar tal-Anzjani — Magni tal-ECG

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu magni tal-ECG sa issa u f’liema djar tal-anzjani qegħdin? Jista’ jgħid min jista’ jagħmel użu minn dawn il-magni u kemm anzjani bbenefikaw sa issa minn dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm erba’ magni tal-ECG, waħda f’kull dar tal-anzjani tal-gvern. Dawn id-djar huma Dar il-Madonna tal-Isperanza, Mosta; Dar il-Madonna tal-Mellieħa, Mellieħa; Dar il-Ġmiel, Mtarfa u Dar il-Mistrieħ, Furjana. Dan it-test huwa rakkomandat li jsir darba fis-sena lil kull resident ġewwa dawn id-djar bħala parti minn assessjar annwali. Huwa jittieħed ukoll meta l-anzjan jesperjenza sintomi relatati ma’ problemi tal-qalb jew ċirkulazzjoni. Sa issa bbenefikaw 110 anzjan. Wara diversi sejħiet pubbliċi ġiet impjegata ECG technician fuq bażi part time fl-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Dan ser iwassal li fil-ġranet li ġejjin aktar anzjani f’dawn id-djar ser jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-lista ta’ stennija għas-servizz ta’ Għajnuna fid-Dar (Home Help) sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent ġewwa Malta hemm 103 applikanti li qed jistennew is-servizz tal-Għajnuna fid-Dar.

Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ilment tressaq lill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali dwar Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Anzjanità Attiva u dwar Djar tal-Anzjani mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-SCSA waslulha 2 ilmenti dwar Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Anzjanità Attiva u 281 ilment dwar Djar tal-Anzjani mill-2022 sal-lum.

Servizz ta’ physiotherapy fid-djar — Lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list (f'tul ta' żmien) biex jingħata servizz ta' physiotherapy fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex — Servizzi ta' riabilitazzjoni għall-anzjani

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8997, li oriġinarjament saret lill Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid x'servizzi ta' riabilitazzjoni għall-anzjani hemm f'Għawdex bħalma jingħata fl-Isptar Karin Grech, f'Malta?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.