Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li kellhom jiġu minfuqa matul l-2020, 2021 u 2022 u ma ntefqux? Tista’ tgħid ukoll liema kienu u tagħti break down tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Qtugħ ta’ dawl — Talbiet għal kumpens

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13475 dwar il-kumpens ex gratia li qed jingħata lil min sofra qtugħ ta' dawl fit-tul f’Lulju 2023, u abbażi tal-kriterji li saret referenza għalihom fl-istess tweġiba, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn l-applikazzjoni għal kumpens tar-residenti tal-appartamenti li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ġiet rifjutata meta jien infurmat li dawn ġarrbu qtugħ ta' dawl għal ħamest ijiem in fila, għal tul ta' tmien sigħat, 12-il siegħa, għaxar sigħat, għaxar sigħat u sitt sigħat kull darba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-konsumaturi kollha li ma jaqblux mad-deċiżjoni li rċevew mill-Enemalta għandhom jagħmlu kuntatt permezz tal-freephone 80002024, sabiex l-applikazzjoni tagħhom terġa' tiġi analizzata.

Pietà u Floriana – Masġar – Siġar immarkati bl-aħmar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn numru ta’ siġar fil-masġar li jinsab fit-telgħa ta’ bejn il-Pietà u l-Floriana ġew immarkati b’ċirku aħmar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-verifiki li saru l-marki li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ma sarux minn xi entità jew dipartiment tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża. Infurmata wkoll li għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma daħlet l-ebda applikazzjoni li setgħet wasslet biex isiru l-marki msemmija. Madankollu tlabt lill-istess Awtorità sabiex tkompli għaddejja bil-verifiki tagħha.

Użu ta’ enerġija rinnovabbli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm l-enerġija rinnovabbli preżentement qed tikkontribwixxi mit-total ta’ enerġija li tiġi prodotta f’pajjiżna f’punti perċentwali? Tista’ tgħid ukoll liema enerġija rinnovabbli tintuża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-2021, l-ammont ta’ enerġija rinnovabbli kien ta’ 12.15%, hekk kif irappurtat mill-Eurostat. Dan il-perċentwal huwa magħmul minn sorsi li jiġġeneraw elettriku rinnovabbli bħal pannelli tax-xemx u waste-to-energy, minn sorsi rinnovabbli ta’ tisħin jew tkessiħ bħal heat pumps u solar water heaters, kif ukoll minn biofuels. Għall-2022, l-istimi proviżorji li mistennija jiġu rappurtati mill-Eurostat jindikaw li l-persentaġġ tar-rinnovabbli tela’ għal 13.4%.

Wied il-Qlejgħa — Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta’ Wied il-Qlejgħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar xhur issokta r-restawr ekoloġiku tal-wied fejn komplew jiġu ndirizzati mat-13-il speċi invażivi bħalma huma l-Qasba (Great Read) u s-siġra tar-Riċnu. Fil-fatt, tneħħew madwar 400kg ta’ għeruq tal-qasab (rhizones) u aktar minn 2,000 pjanta ta’ speċi oħrajn invażivi. Ġew indirizzati wkoll speċi ta’ fawna invażivi bħal Louisiana Red Swamp Crayfish fejn inġabru aktar minn 1,000 eżemplar. Dan ix-xogħol ta’ tneħħija ta’ speċi invażivi jsir kollu bl-idejn. Tħawlu 20 siġra lokali (mkabbra minn cuttings lokali) tul l-enbankments tal-wied. Tnieda wkoll programm edukattiv dwar il-wied u l-ekosistemi tiegħu, li ġie offrut għall-ewwel darba waqt Skola Sajf. S’issa kien hemm total ta’ 245 student imqassmin fi 15-il grupp li attendew għal dan il-programm edukattiv, li se jkompli jiġi offrut matul din is-sena skolastika. Beda x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tat-triq li tgħaddi mal-catchment tal-ilqugħ (dam) l-isfel mill-Imtarfa, fejn bħalissa qegħdin jitħaffru u jinbnew numru ta’ piles tul it-trejqa bejn l-ilqugħ u l-pont sabiex il-wiċċ tat-triq ikun ankrat fuq pedamenti sodi. Infurmata li matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru kien hemm aktar min 3,500 viżitatur li żaru l-inħawi tal-wied kif indikat mill-“people counters” li hemm installati fiż-żewġ truf tas-sit ta’ dan il-proġett.

Malta Enterprise — Start-Up Festival - Spiża

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista sħiħa tal-infiq li sar relatat mal-iStart-Up Festival li sar f'Ottubru ta’ din is-sena minn Malta Enterprise?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-bilanċ proviżorju tal-konferenza Startup Festival Malta li saret ix-xahar li għadda (Ottubru 2023) huwa’ ta’ €277,221.83. Dawn jinqasmu kif ġej: Ħlasijiet: €440,401.83 Dħul: €163,180.00 Total: €277,221.83 Għal dan l-avveniment, li kien mifrux fuq jumejn, irreġistraw 1,800 persuna bejn fundaturi ta’ kumpaniji startup, ħaddiema fi startups, investituri f’dawn il-kumpaniji, entitajiet privati u pubbliċi. Huwa kkalkulat ukoll li għal din il-konferenza attendew madwar 300 parteċipant barrani li ġew apposta f’pajjiżna għal din l-attività.

San Pawl il-Baħar — Rapporti ta’ fawran ta’ drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien hemm rapporti ta' fawran ta' drenaġġ, matul din is-sena fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll meta u fejn kien rappurtat dan il-fawran?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul din is-sena kien hemm madwar 50 rapport ta’ żbroff ta’ drenaġġ ikkawżati minn imblukkar fin-network u li l-maġġoranza tagħhom ġraw b’riżultat ta’ rimi ta’ effluwenti li mhux permessibbli li jintremew fis-sistema tad-drenaġġ bħal debris, wipes, ġebel u xaħmijiet. Apparti li kontinwament tipprovdi informazzjoni lill-pubbliku dwar x’inhu permessibbli li jintrema fis-sistema tad-drenaġġ, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’investiment biex ittejjeb sostanzjalment l-infrastruttura tad-drenaġġ u li huwa meħtieġ biex jindirizza t-tkabbir fil-popolazzjoni ta’ din iż-żona u biex nassiguraw li jkun hemm infrastruttura adegwata li kapaċi tilqa’ għad-domanda li dejjem tiżdied.

San Pawl il-Baħar — Irwejjaħ ta’ drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'qed iwassal biex f’partijiet sħaħ ta' San Pawl il-Baħar, bħal Triq il-Mosta, Triq San Pawl u l-inħawi tal-Veċċja (fost oħrajn), ikun hemm irwejjaħ kbar ta' drenaġġ matul il-jum kif ukoll bil-lejl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet ħames ilmenti dwar tappieri tad-drenaġġ fl-inħawi inkwistjoni. F’erba’ każijiet il-Korporazzjoni qabdet u ssiġillat it-tappieri, filwaqt li fil-ħames każ ir-riħa kienet ġejja minn kaptella ta’ konnessjoni privata u ma setgħetx tissiġillaha.

Provvista ta’ New Water

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għaliha l-provvista ta' new water li ġej mill-inħawi taċ-Ċumnija, limiti tal-Mellieħa, mhux qed ikun ipprovdut fil-ħinijiet kollha? Tista' tgħid ukoll jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma irċevietx rapporti dwar dan u jekk iva, x'passi ttieħdu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’koordinazzjoni mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, il-provvista tan-new water hi miftuħa għall-aċċess skont skeda li l-bdiewa huma infurmati dwarha. Permezz ta’ dan, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tassigura li jkun hemm tqassim aħjar u titjib fl-aċċessibbiltà għal dan l-ilma. Il-Korporazzjoni qed tinvesti f’sistema ġdida li se sservi wkoll biex titnaqqas il-ħela u tassigura użu iktar sostenibbli ta’ din ir-riżorsa.

Landscape Convention – dħul fis-seħħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7425 tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Landscape Convention hijiex se tidħol fis-seħħ tul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq il-proċess ta’ ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, li wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Positions of Trust - Salarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji kollha għall-persuni kollha li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtha għas-sena 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19902 tat-XIII-il Leġiżlatura.

Skema ‘Business Start’ — Intrapriżi li bbenefikaw

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 13060 u tgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema ‘Business Start’ bejn is-sena 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 13060 fejn għandu tweġiba ċara għall-mistoqsija tiegħu.

Qtugħ ta’ dawl — Talbiet għal kumpens

Question

Tista' l-Ministru tgħid eżatt x'inhuma l-kriterji li qed jiġu evalwati bihom it-talbiet għal kumpens ex-gratia li qed jingħata lil dawk li soffrew qtugħ ta' dawl fis-sajf? Tista' tgħid x'inhuma l-kriterji jew limiti li jikkwalifikawk għal kumpens? Tista' tgħid ukoll kif qed tinġabar l-informazzjoni sabiex jiġu evalwati u assessjati dawn it-talbiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istqarrija uffiċjali li permezz tagħha kien tħabbar il-pagament ex gratia ta’ darba għall-konsumaturi milquta minn interruzzjonijiet fil-provvista tal-elettriku kawża tal-mewġa ta’ sħana f’Lulju li għadda. Id-dettalji kollha ta’ kif qed jitħaddem dan il-kumpens flimkien mat-termini applikabbli huma indikati fl-istess stqarrija. Infurmata li għadd ta’ konsumaturi rċivew il-pagament ex gratia b’mod awtomatiku. Konsumaturi li ma rċivewx dan il-kumpens, jistgħu jissottomettu t-talba tagħhom mis-sit tal-ARMS. Dawn jiġu evalwati skont l-informazzjoni li tiġbor l-Enemalta fuq kull meter individwali.

Ċertifikati Micro Invest — Stennija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid matul l-2022 u l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien iż-żmien medju, massimu u minimu li l-Malta Enterprise ħadet biex inħarġu ċertifikati tal-Micro Invest?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul l-2022 u din is-sena kien hemm aktar minn 7,000 applikazzjoni. Matul l-2022 u l-2023, iċ-ċertifikati tal-Micro Invest ħarġu f’medja ta’ 110 ġranet. Bħala minimu dawn inħarġu fi ftit jiem, u bħala massimu ġieli qabżu 500 ġurnata. Dewmien fil-proċessar isir meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, meta jkun hemm bżonn t’iktar verifiki, u anke meta jkunu “late applications” u allura ma jkunux prijorità għaliex iċ-ċertifikat jkun jista’ jintuża biss is-sena ta’ wara.

Magħtab – Proġett tal-bini tal-inċineratur

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5820, tista’ l-Ministru tgħid min kien responsabbli għall-iskavar tas-sit tal-impjant tal-Ecohive? Tista’ tgħid ukoll kemm ħareġ materjal minn dan l-iskavar, x’sar minnu dan il-materjal u x’valur għandu dan il-materjal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 867. Infakkar li l-proġett Ecohive li qed tieħu ħsiebu l-WasteServ huwa l-ikbar investiment li qatt sar f’pajjiżna fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart. Bħala parti min dan il-proġett, s’issa tneħħew madwar 8,902 metru kubu ta’ materjal. Il-kejl kollu ta’ dan ix-xogħol sar b’surveys in situ u dan sabiex jkun evitat ir-riskju ta’ żbalji jew fatturi oħrajn li jistgħu jagħtu totali mhux korretti. Infakkar ukoll li l-kuntratt relattiv għadu attiv u l-ammont finali jkun ikkonfermat meta jittieħed l-aħħar survey.

Skema ‘Business Development’ – Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ltaqa' l-bord li jiddeċiedi fuq applikazzjonijiet tal-iskema ‘Business Development’ fis-sena 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13067, ninsab infurmata li l-Bord tal-Korporazzjoni jiltaqa’ mill-inqas darba f’xahar. Din is-sena l-Bord iltaqa’ fl-10 ta’ Jannar; 7 ta’ Frar; 6 ta’ Marzu; 13 ta’ Marzu; 4 t’April; 4 ta’ Mejju; 13 ta’ Ġunju; 4 ta’ Lulju; 8 t’Awissu; 5 ta’ Settembru; 10 t’Ottubru; 26 t’Ottubru u 7 ta’ Novembru.

Servizzi tad-dawl fit-toroq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12655, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u telenka u tipprovdi l-lista tat-toroq fejn saru s-servizzi tad-dawl u linji minn taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq li fihom l-Enemalta għamlet sistemi ġodda għad-distribuzzjoni tal-elettriku taħt l-art, bidlet, estendiet jew tejbet sistemi eżistenti, bejn Ġunju 2020 u Novembru 2023.

Servizzi tad-dawl fit-toroq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12656 fejn il-Ministru rreferietni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12655, peress li f'din it-tweġiba m'hemmx l-informazzjoni mitluba, tista' l-Ministru tipprovdi lista tat-toroq li fihom huwa ppjanat li se jingħaddew is-servizzi tad-dawl u linji minn taħt l-art fis-sena li ġejja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif wieħed jista’ josserva fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13116, ix-xogħol tal-Enemalta biex tagħmel sistemi ġodda għad-distribuzzjoni tal-elettriku taħt l-art u tibdel, testendi jew ittejjeb sistemi eżistenti fit-toroq, huwa wieħed kontinwu. Enemalta tikkordina m’entitajiet oħrajn konċernati sabiex isir dan ix-xogħol skont l-esiġenzi tas-servizz.

Vetturi elettriċi — Mechanics/electricians

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn mechanics/electricians reġistrati li jaċċettaw xogħol ta’ tiswija ta’ vetturi elettriċi f’pajjiżna? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern huwiex imħasseb dwar il-possibbiltà li ma jkunx hawn biżżejjed mechanics biex ilaħħqu mad-domanda fil-futur qarib?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.