Jista’ l-Ministru jindika x’qiegħed isir f’pajjiżna dwar it-tniġġis tal-arja?
Response (FARRUGIA, AARON)
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-arja b’mod kontinwu f’ħames lokalitajiet fil-gzejjer Maltin. Dan il-monitoraġġ isir għas-sustanzi kolla regolati mill-Unjoni Ewropeja. Apparti minn hekk, l-ERA timmaniġja wkoll programm ta’ monitoraġġ ieħor għall-selezzjoni ta’ sustanzi ta’ tniġġiż li jkopru mitt sit fejn tinġabar informazzjoni fuq medja ta’ xahar. Informazzjoni miż-żewġ programmi ta’ monitoraġġ hija disponibbli fuq il-website tal-ERA, li tinkludi wkoll ‘Air Quality Index’ li jgħin lill-pubbliku jifhem aħjar il-kwalità tal-arja fil-ħames siti rispettivi. Apparti dawn il-programmi ta’ monitoraġġ, qed isir ukoll studju sabiex jiġu deteminati s-sorsi ta’ trab fin (PM10).
Fir-rigward ta’ policy, peress li sors importanti ta’ tniġġiż tal-arja huwa t-traffiku, diġà ttieħdu xi miżuri f’dan il-qasam fosthom trasport b’xejn għall-iskejjel, grantsgħal xiri ta’ karozzi iktar effiċjenti, karozzi hybrid u elettriċi, skema ta’ konverżjoni minn magni petrol għall-gas, skemi ta’ bike sharing, trasport pubbliku b’xejn għal studenti, żgħażagħ u anzjani, titjib fis-sistemi tal-ferries, l-introduzzjoni ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex u skemi għal car sharing. Barra minn hekk, ix-xogħol li sar fuq il-proġetti tal-infrastruttura fit-toroq fosthom Marsa-Addolorata Junction, Sta. Lucia underpass u Central Link għandhom jgħinu sabiex il-konġestjoni tonqos, jiġi ffaċilitat l-influss tat-traffiku u b’hekk jonqos it-tniġġiż. Il-proġetti fil-Port il-Kbir u ’ship to shore energy’ għall-Port Ħieles ser ikunu wkoll qed jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti.
Il-Budget 2022 ikompli jsaħħah dawn il-mi¿uri biex titjieb il-viżjoni ta’ mobbiltà sostenibbli. Wara l-miżuri mħabbra u rrapurtati lill-Kummissjoni Ewropea fin-National Air Pollution Control Programme, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qiegħda taħdem fuq pjan għall-Kwalità tal-Arja, bi ħsieb li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-arja, speċjalment f’zoni iktar milquta mit-traffiku.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Contracts for Service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal Contracts for Service li kull entità fi ħdanu ħarġet kull sena, mill-2017 sal-lum? Jista’ jelenkahom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji.
Awtorità tal-Ippjanar — San Ġiljan - protezzjoni ta' Palazzina Vincenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' proċessar waslet it-talba magħmula mill-Perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex Palazzina Vincenti f'San Ġiljan tingħata l-ogħla livell ta' protezzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li t-talba għall-iskedar issa qiegħda għand il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar għall-kunsiderazzjoni tiegħu.
Awtorità tal-Ippjanar – policy dwar installar ta’ pools fuq bjut
Question
B'referenza għad-domanda parlamentari 23060, jista' l-Ministru jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tal-policy viġenti fuq l-installazzjoni ta’ pools fuq il-bjut ta’ receded floors?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument Development Control Policy Guidance and Standards li għandu jiggwida lil kull min irid jagħmel xi tip ta’ żvilupp inkluż swimming pools fuq il-bjut. Ovvjament kull applikazzjoni tkun deċiża mill-awtorita’ kompetenti skont il-proċeduri u regoli applikabbli.
Fran tal-ħobż Malti li għadhom reġistrati u joperaw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn fran tal-ħobż Malti li għadhom reġistrati u joperaw? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet qegħdin dawn il-fran? Jista’ jikkompara dan in-numru mal-aħħar 20 sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Fran protetti taħt xi skema jew regolament tal-ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fran humiex protetti taħt xi skema jew regolament tal-ippjanar? Jekk iva, għal liema minn dawn taqa’ din il-protezzjoni? Jista' jgħid kemm hawn fran protetti f’Malta u fejn qegħdin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li għalkemm m’hemmx skema jew regolament speċifiku tal-ippjanar dwar protezzjoni tal-ifran, hemm proċessi sabiex meta xi proprjeta’ jkun jixirqilha protezzjoni minħabba valur storiku, arkitettoniku, kulturali jew mod ieħor, tiskatta evalwazzjoni ta’ tali proprjeta’ u jekk ikun meqjus xieraq tingħata l-protezzjoni fil-livell xieraq.
Fil-fatt hemm tlett ifran li ingħataw protezzjoni fi Grad 1 jew 2 minħabba l-valur arkitettoniku tagħhom.
Dawn huma:
· Blackley Bakery, Triq id-Duluri / Triq it-Telgha ta' Guardamangia, Tal-Pieta – Skedata fi Grad 2
· Knights' Bakery as part of Fort Chambray, Fort Chambray, Ghajnsielem – Skedata fi Grad 1, u
· Forn/Kalkara fis-Simblija, Ir-Rabat – Skedata fi Grad 2
Sadanittant, jien infurmat ukoll, li meta is-Sovraintendenza għal Protezzjoni tal-Wirt Kulturali jidhrilha li proprjeta’ għandha tkun protetta din ukoll tkun tiskatta l-proċess li semmejt flimkien mal-Awtorita’ tal-Ippjanar
Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Belt – avviżi ta’ infurzar
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8077, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Belt Valletta fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ottubru 2021?
Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti:
· id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar;
· it-tip ta’ użu tas-sit/bini;
· ir-raġuni tal-infurzar;
· id-data meta nħarġet l-ordni tal-infurzar;
· jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u
· jekk itteħdietx azzjoni mill-Awtorità dwar il-każ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba hi disponibbli għal kulħadd permezz ta’ sistema aġġornata u msaħħa li llum għandha l-istess Awtorità tal-Ippjanar.
Awtorità tal-Ippjanar – siti/binjiet fil-Marsa – avviżi ta’ infurzar
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8078, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-siti/binjiet fil-Marsa fejn l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet avviż ta’ infurzar mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Ottubru 2021?
Għal kull każ jista’ l-Ministru jagħti:
· id-dettalji ta’ fejn jinstab is-sit fejn hemm l-avviż ta’ infurzar;
· it-tip ta’ użu tas-sit/bini;
· ir-raġuni tal-infurzar;
· id-data meta nħarget l-ordni tal-infurzar;
· jekk l-ordni ta’ infurzar għadux fis-seħħ illum; u
· jekk ittieħdetx azzjoni mill-Awtorità dwar il-każ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba hi disponibbli għal kulħadd permezz ta’ sistema aġġornata u msaħħa li llum għandha l-istess Awtorità tal-Ippjanar.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – ħaddiema li jagħmlu xogħol ġewwa Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, u anke tal-kuntrattur, li jagħmlu xogħol ġewwa Għawdex? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema, x’inhu l-grad tagħhom, fejn bħala post jaqdu d-dmirijiet tagħhom u kemm ilhom jaħdmu ġewwa Għawdex?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21970 u jgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu mill-2017 sal-lum?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ħal Farruġ – ramel imħallat mal-Jet Fuel — esportazzjoni
Question
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23292, jista’ l-Ministru jgħid fejn intefa’ dan il-materjal tossiku li nġabar minn Ħal Farruġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn informazzjoni li għandha l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, il-materjal in kwistjoni qiegħed jiġi temporanjament miżmum f’facilità tal-Enemed Co. Ltd, sakemm isiru l-arranġamenti neċessarji sabiex dan il-materjal jiġi esportat skont ir-regolamenti ambjentali, u hekk kif ġie ordnat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Contracts of service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal contract of service li kull entità fi ħdanu ħarget kull sena mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm u għalxiex ingħataw contracts of service għall-istess perjodu minn kull entità fi ħdanu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Segretarjat Parlamentari għall-Kostruzzjoni - Contracts of service
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal contract of service li kull entità fi ħdanu ħarget kull sena mill-2017 sal-lum? Jista’ jgħid kemm u għalxiex ingħataw contracts of service għall-istess perjodu minn kull entità fi ħdanu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda l-proġett ta' riabilitazzjoni tal-ġnien tal-Palazz ta' San Anton u kemm hu proġettat li se jdum biex jitwettaq dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-interventi li qed iwettaq il-Ministeru tiegħi fuq il-ġnien tal-Palazz ta’ San Anton huma maqsumin fi tnejn. L-ewwel parti, li fil-fatt inbdiet diġà, tirrigwardja x-xogħlijiet ta’ emerġenza. Minn dan il-lat, qed jinbena mill-ġdid il-ħajt li ġġarraf u jinsab għaddej ukoll xogħol ieħor ta’ restawr. Barra minn hekk, fil-ġranet li ġejjin, se jsiru interventi simili fuq ħajt ieħor li jagħmel parti mill-faċċata ewlenija tal-ġnien. Permezz ta’ Ambjent Malta qed inwettqu wkoll xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni ordinarja, fosthom it-tiswija tal-bankijiet tal-injam u tal-ġebel, u l-bdil jew ir-restawr ta’ tagħmir tal-injam u l-ħadid.
Min-naħa l-oħra, kif tħabbar fid-diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla, Ambjent Malta daħlet għal proġett aktar fit-tul sabiex il-Ġnien ta’ San Anton jiġi riabilitat kif jixraqlu. Għal dan il-għan inbeda eżerċizzju ta’ surveying u mapping tal-ħitan kollha tal-ġnien u kif ukoll tal-passaġġi eżistenti. Dan għandu jwassal sabiex isiru l-applikazzjonijiet meħtieġa u jinkisbu l-permessi għar-restawr u t-tiswijiet li jkun hemm bżonn. Il-proġett se jkun jinkludi wkoll l-installazzjoni mill-ġdid tas-servizzi u għamara ġdida.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 22767 u jgħid kemm ġew imposti multi mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi f'Malta u f'Għawdex, sena b'sena, mill-2016 'l hawn u kemm tħallsu minn dawn il-multi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għall-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minbarra hekk, ninfurmah li l-multi amministrattivi rrappurtati jinkludu dawk li kienu nnotifikati bħala effettivi (li ma sarux sottomissjonijiet dwarhom fiż-żmien preskritt jew ma ntlaqgħux mill-Awtorità), kif ukoll dawk li tħallsu jew kienu appellati.
Il-multi ta’ kuljum huma rregolati permezz tal-L.S. 549.72 – Ir-Regolamenti dwar Multi Għal Kull Ġurnata Rigward l-Ambjent, filwaqt li l-multi amministrattivi huma rregolati permezz tal-artikoli 80 u 81 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.
F’dan ir-rigward, il-valur globali hu is-segwenti:
Multi ta’ Kuljum:
Malta inħarġu total ta’ multi ta’ kuljum li globalment jammontaw għal €403,245, li minnhom tħallsu €188,730 u għadhom ma tħallsux €214,515 (€206,490 minn dawk li ma tħallsux huma multi maħruġa fl-2021).
Għawdex inħarġu total ta’ multi ta’ kuljum li globalment jammontaw għal €1,370, li minnhom tħallsu €695 u għadhom ma tħallsux €675 (is-€675 li ma tħallsux huma kollha multi maħruġa fl-2021). Dawn jinkludu multi dwar każijiet li qegħdin fi stadju ta’ appell quddiem l-EPRT.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – parkeġġi riżervati fil-Belt Valletta
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16358, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm spazji riżervati għall-parkeġġ għall-Ministeru tiegħu li għandhom l-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta sat-30 ta’ Ottubru 2021 u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment rispettiv?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar ma għandux uffiċini fil-Belt Valletta u għaldaqstant it-tweġiba tibqa nil.
Ħal Farruġ – ramel imħallat mal-Jet Fuel — esportazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta u fejn ġie esportat barra minn Malta r-ramel imħallat mal-jet fuel li nġabar mit-triq f’Ħal Farruġ ftit tal-jiem ilu, wara spillage li kien hemm fl-inħawi, u li allura l-istess materjal (ramel imħallat mal-jet fuel) spiċċa bħala “hazardous waste”?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ERA qegħda f’kuntatt mal-entità responsabbli u tinsab infurmata illi l-kumpanija konċernata se tkun qed tqabbad kuntrattur awtorizzat biex jesporta dan il-materjal.