Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6 u jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 2372.

Sussidji fuq il-fertilizzanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: i.    x’kienet l-ispiża totali għall-Gvern tas-sussidji fuq il-fertilizzanti fl-2025; ii.   x’inhi l-ispiża stmata għall-2026; u iii.   kemm ġew allokati flus għal dawn is-sussidji fil-Baġit 2027?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża totali għall-Gvern għas-sussidji fuq il-fertilizzanti mħallsa fl-2025, b’rabta mal-iskema tal-2024, kienet tammonta għal ftit aktar minn €1.27 miljun. Fir-rigward tas-snin 2026 u 2027, il-finanzjament ġej minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt “Agri-Reserve”, bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Fertilizzanti.

Marsaskala – Impjant għat-trattament tal-iskart tal-annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm daħlu trakkijiet li jġorru skart tal-annimali (demel) fl-impjant għat-trattament tal-iskart tal-annimali f’Marsaskala, fl-2025 u minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar; ii.    kemm kien il-volum totali (f’m³ jew f’tunnellati) ta’ skart tal-annimali (demel) li daħal f’kull wieħed minn dawn il-perjodi; u iii.   kemm hi l-kapaċità massima ta’ kemm jista’ jilqa’ skart dan l-impjant kuljum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- impjant għat-trattament  tas-srew f’Marsaskala, imħaddem mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), matul l-2025 ġew ikkonsenjati 251,986 metru kubu ta’ srew, ekwivalenti għal madwar 16,799 vjaġġ, filwaqt li bejn Jannar u Settembru 2026 ġew ikkonsenjati 180,672 metru kubu, ekwivalenti għal madwar 12,045 vjaġġ. L-għadd ta’ vjaġġi huwa stmat abbażi ta’ tagħbija medja ta’ 15-il metru kubu għal kull vjaġġ, filwaqt li t-tqassim xahar b’xahar mhuwiex disponibbli. Il-kapaċità ta l- impjant għat-trattament  tas-srew f’Marsaskala hija ta’ madwar 600 - 800 metru kubu kuljum.

Pjan ta’ azzjoni kontra ż-żunżan orjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid taħt liema Vot u Item tal-Estimi Finanzjarji 2027 huwa ffinanzjat il-pjan ta’ azzjoni ta’ €1 miljun kontra ż-żunżan orjentali mħabbar fil-21 ta’ Ottubru 2026? Jista’ jgħid ukoll: i.    kif inhu maqsum dan l-ammont bejn il-miżuri differenti tal-pjan; ii.   min se jkun responsabbli biex jiżgura li dan il-pjan ta’ azzjoni jitwettaq; u iii.  x’inhuma l-miri li se jintużaw biex jiġi stabbilit jekk il-programm irnexxiex u jekk il-problema taż-żunżan orjentali f’pajjiżna ġietx imrażżna?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-dettalji mħabbra mill-Gvern fi stqarrija PR 261766 li nħarġet mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel fil-21 ta’ Ottubru 2026. Id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji għall-2027 ta’ dan il-ministeru se jiġu diskussi fis-seduta tat-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2026. Il-pjan ta’ azzjoni kontra l-bagħal taż-żunżan se jiġi ffinanzjat minn fondi nazzjonali allokati lill-ministeru matul l-2026, fondi allokati għall-2027 u fondi tal-Unjoni Ewropea, fejn applikabbli. Id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel huwa responsabbli mill-koordinazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-pjan, b’kollaborazzjoni mal-entitajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati. Il-monitoraġġ tal-effettività tal-pjan se titwettaq permezz ta’ ċensiment dwar il-popolazzjoni tan-naħal f’Malta. Din hija waħda mill-miżuri tal-pjan u tipprovdi informazzjoni fuq bażi annwali sabiex tiddetermina l-impatt ta’ dawn l-istess miżuri. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-pjan se tiġi segwita fil-forum li se jitwaqqaf b’rabta ma’ dan is-suġġett. Dan l-organu se jkun ifformat minn organizzazzjonijiet, esperti u partijiet oħra interessati u se jkollu l-opportunità li jirrakkomanda azzjonijiet sabiex il-miżuri jiġu addattati skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.

Settur agrikolu – Strument Finanzjarju għall-bdiewa żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti l-Istrument Finanzjarju mħabbar mill-Gvern waqt id-Diskors tal-Baġit tal-2024 u baġits oħra sussegwenti biex bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jixtru art agrikola, ħalli jkunu jistgħu jidħlu fis-settur agrikolu? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm bdiewa żgħażagħ li gawdew minn din l-inizjattiva, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena, u kemm kien l-ammont finanzjarju li gawdew minnu bdiewa żgħażagħ grazzi għall-istess Strument Finanzjarju fl-istess perjodu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Prodotti lokali reġistrati bħala PDO/PGI

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati prodotti lokali ġodda bħala PDO/PGI taħt sistemi Ewropej ta' kwalità minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll jekk il-miri previsti, hekk kif imħabbra waqt id-Diskors tal-Baġit tal-2024, intlaħqux jew le? Jekk le, jista’ jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex dawn il-miri previsti ma ntlaħqux u x'ser jagħmel il-Gvern biex dawn il-miri jibdew jintlaħqu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Sistema diġitali komprensiva għas-sajd u l-akwakultura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar fis-sistema diġitali komprensiva għas-sajd u l-akwakultura li tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll min gawda minn dan l-investiment, kemm investa flus il-Gvern f'dan il-proġett u x'riżultati tanġibbli kellu l-Gvern minn dan l-investiment?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-miżura mħabbra fil-Baġit tal-2023 tirrigwarda l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Fisheries Information Integration System (FIIS). Il-proġett għandu valur globali ta’ madwar €4.7 miljun u huwa ffinanzjat permezz tal-European Maritime, Fisheries and Aquaculture Fund (EMFAF). Sabiex jiġi implimentat dan il-proġett, sar proċess ta’ akkwist pubbliku. Il-FIIS huwa maħsub sabiex jintegra disa’ sistemi ewlenin tas-sajd fi pjattaforma waħda. Minn dan l-investiment ser jibbenefikaw kemm id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kif ukoll is-sajjieda, fost oħrajn permezz ta’ proċessi aktar diġitali u tnaqqis fil-paperwork. Is-sistema hija mfassla wkoll sabiex tippermetti lis-sajjieda jużaw apparat bħal tablets u mobile phones għar-rappurtar u għall-aċċess għall-informazzjoni tagħhom. Matul l-2026 sar xogħol fuq id-disinn u fl-arkitettura tas-sistema b’emfasi fuq il-Fishing Vessel Register, il-Vessel Monitoring System (VMS) u qed jiġu ttestjati wkoll GPRS ġodda fuq bastimenti tas-sajd lokali.

Strateġija Nazzjonali tal-Carbon Farming

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fir-rigward tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Carbon Farming minn meta tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) implimentat diversi miżuri mill-Istrategija Nazzjonali tal-Carbon Farming. Fl-2023, l-ARPA nediet proġett pilota tal-agroforestrija, li permezz tiegħu ngħatat għajnuna finanzjarja lill-benefiċjarji bejn l-2023 u l-2025. Barra minn hekk, l-ARPA amministrat Skema ta’ Agroforestrija ffinanzjata minn fondi nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, li taħtha nħarġu żewġ sejħiet fl-2025 u fl-2026. Il-benefiċjarji tal-iskema bħalissa jinsabu fil-perjodu ta’ manutenzjoni, li għandu jdum għal mill-inqas erba’ snin mid-data tal-pagament finali. L-ARPA tamministra wkoll l-Iskema għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija (Soil Management Plan – SMP), li permezz tagħha l-bdiewa huma mħeġġa jħejju u jimplimentaw pjanijiet speċifiċi għall-art tagħhom sabiex jindirizzaw l-erożjoni, il-kompattazzjoni u l-livelli baxxi ta’ materja organika fil-ħamrija. Dawn il-pjanijiet jikkontribwixxu lejn il-konservazzjoni u ż-żieda tal-karbonju organiku fil-ħamrija u, għalhekk, lejn l-objettivi tal-Carbon Farming.

Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fir-rigward tal-Politika Nazzjonali għall-Ikel Sostenibbli minn meta tħabbret fid-Diskors tal-Baġit tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Għawdex – Landing sites tas-sajd – Interventi infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'interventi infrastrutturali saru biex jiġu mmodernizzati l-landing sites tas-sajd f'Għawdex minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ikkonċernat għandu landing site waħda f’Għawdex li tinsab fl-iMġarr. Ta’ kull sena isir risk assessment ta’ health and safety tal-facilita’ liema rakkomandazzjonijiet jitwettqu matul is-sena. Matul is-sena 2026, ġiet installata wkoll sistema ta' CCTVs madwar il-landing site tal-iMġarr filwaqt li ġiet allokata vettura elettrika lill-uffiċċjali tal-kontroll ġewwa Għawdex li tkun stazzjonata maġenb l-istess landing site.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Konsultazzjoni pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ippjanata konsultazzjoni pubblika mar-residenti u n-negozji tal-Mellieħa dwar il-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Konsultazzjoni ma’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ġietx ikkonsultata dwar it-traffiku addizzjonali li se tiġġenera l-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa ġiex ikkonsultat dwar il-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ, u jekk iva, meta u x’kienet ir-risposta tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Konsultazzjoni mal-MTA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ġietx ikkonsultata dwar il-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ, u jekk iva, x’kienet ir-risposta tagħha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Impatt fuq it-turiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt tal-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ fuq it-turiżmu fil-Mellieħa, partikolarment fuq il-Bajja tal-Mellieħa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Miżuri kontra l-kontaminazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri huma ppjanati biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-art, tal-ilma tal-pjan u tal-baħar mill-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Skema ta’ għotja biex art abbandunata tinbidel f'sistemi agroforestali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi li gawdew mill-iskema ta' għotja biex art abbandunata tinbidel f'sistemi agroforestali (sa €8,000) minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm, 57 benefiċjarju li rċevew għajnuna finanzjarja taħt il-progett, Agroforestry Pilot Project bejn l-2023 u l-2025, filwaqt li 18-il benefiċjarju ieħor irċevew għajnuna finanzjarja taħt l-iskema Agroforestry Scheme bejn l-2025 u l-2026.

Sidien ta’ art privata – Arranġamenti ma’ bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sidien ta' art privata li daħlu f'arranġamenti ma' bdiewa għall-produzzjoni organika minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-informazzjoni disponibbli, mill-Jannar 2023 sad-data ta’ din it-tweġiba, ma kien hemm l-ebda sid ta’ art privata li wera’ interess sabiex jidħol f’arranġament ma’ bdiewa għall-produzzjoni organika.

Każi ta’ food poisoning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' food poisoning minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b' xahar? Jista’ jgħid ukoll jekk kull każ ta' food poisoning kienx investigat mill-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel (FSSA) u jekk hemmx xi awtoritajiet oħra li jinvestigaw każijiet ta' food poisoning, apparti l-FSSA?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Marsaxlokk – Ċentru tal-Akwakultura – Finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ser jiffinanzja l-bini u finishes taċ-Ċentru tal-Akwakultura ġdid, li bħalissa qiegħed jopera mit-Torri ta' San Luċjan f’Marsaxlokk?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett għadu fi stadju preliminari ta’ evalwazzjoni u għalhekk għadu mhux possibbli li jingħataw dettalji preċiżi dwar l-ispiża finali tiegħu. Il-Gvern jista’ jiffinanzja proġett bħal dan kemm minn fondi nazzjonali jew inkella minn fondi tal-Unjoni Ewropea.