Legislature:
Category:
Reset
Active:

Identity Malta — Dixxendenti Maltin li jgħixu fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fl-Alġerija

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10567, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm xi żvilupp ulterjuri?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien irrappurtat fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10567, id-Direttorat għas-Servizzi Konsulari u l-Maltin li Jgħixu Barra fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ ressaq il-każ ikkonċernat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Identity Malta, u filwaqt li dawn tal-aħħar fehmu li sitwazzjonijiet fejn minħabba raġunijiet storiċi l-persuni kkonċernati ma jkunux jistgħu jipprovdu ċertifikat tat-twelid oriġinali tal-iStat, għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ ċittadinanza u wara ta’ passport, dawn issa se jkunu mogħtija l-possibbiltà li jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-magħmudija. Id-Direttorat huwa nfurmat minn Identity Malta li każi ta’ dan it-tip se jibdew jiġu trattati każ każ biex ikun aċċertat li d-dokumenti ppreżentati jkunu awtentiċi.

Ħaddiema li ma baqgħux jaħdmu mal-Ministeru

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10784, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk sal-aħħar ta’ Settembru kienx hemm iktar persuni li ċċaqilqu mill-Ministeru u jista’ jindika fejn marru l-ħames persuni indikati fl-imsemmija domanda?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill Onor. Interpellant erbgħa mill-ħames uffiċjali msemmija fir-risposta tal-mistoqsija ta' qabel ġew trasferiti għall-Uffiċju tal-President u l-uffiċjal l-ieħor ġie trasferit għall-Ministeru għas-Saħħa.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – kumpanija — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ingħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija u d-ditta legali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 s’issa il-kumpanija jew ditta legali li qed jirreferi għaliha fil-mistoqsija parlamentari ma ngħatatx xogħol ta’ konsulenza jew kuntratti oħra mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.

Għawdex — Apostilles

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex l-Apostilles ma jsirux f’Għawdex ukoll u kull darba li persuna minn Għawdex trid tagħmel Apostille fuq dokument trid tmur il-Belt Valletta? Jista' jieħu passi biex dan is-servizz jibda jingħata f'Għawdex ukoll?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li jien informat li fil-passat kien hemm tentattivi biex jingħata dan is-servizz direttament minn Għawdex, għal xi raġuni ma kienx hemm domanda għalih u twaqqaf. Għaldaqstant, jien nimpenja ruħi biex f’każ li jkun hemm domanda sostenibbli għal dan is-sevizz mill-Għawdxin, il-Ministeru jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-Ministeru għal Għawdex biex jerġa’ jibda jingħata dan is-servizz direttament minn Għawdex.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ġew ippreżentati talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru tiegħu u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu min-nhar it-3 ta' Ġunju 2017 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid minn min saru u dwar xiex saru dawn it-talbiet? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid x’kienu r-raġunijiet li ngħataw f’każ ta’ talbiet li ġew rifjutati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u lill-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru hu kif jidher hawn taħt: Ġunju – Diċembru 2017: 3 Jannar – Diċembru 2018: 5 Jannar – Settembru 2019: 7 Minn dawn kien hemm 5 milqugħa, 9 rrifjutati u 1 għadha pendenti. Dawk li ġew irrifjutati kien minħabba li l-informazzjoni mitluba ma kinitx taqa’ fil-parametri tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. It-talbiet saru minn midja differenti u minn individwi privati u kienu dwar aspetti varji tal-operat ta’ dan il-Ministeru u l-entità li taqa’ taħtu.

Visa lil studenti barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il student barrani ħarġitlu visa biex jistudja f’istituzzjoni edukattiva f’Malta? Jista’ l-Ministru jagħti rendikont sena b’sena għall-aħħar 10 snin u istituzzjoni edukattiva b’istituzzjoni? Mil-liema pajjiż ġew dawn l-istudenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Visa lil studenti barranin — spot checks

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il spot check saret f’istituzzjonijiet edukattivi biex jiġi assigurat li kull student li ngħata visa biex jistudja f’Malta fil-fatt beda u baqa’ jsegwi l-kors edukattiv li applika għalih? X’kien l-eżitu ta’ dawn l-ispot checks? Kemm studenti fil-fatt ingħataw visa u qatt ma bdew jew spiċċaw il-kors li ngħataw il-visa għalih?

Response (ABELA, CARMELO)

Nissuġġerixxi li mistoqsijiet intizi għall-Prim Ministru jsiru lill-Prim Ministru.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10399 u jgħid kemm ġew ingaġġati persuni ġodda mal-Ministeru fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena? X’sejħiet pubbliċi hemm pendenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li matul fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena gew ngaġġati persuni ġodda f’dawn il-pożizzjonijiet: - Project Officer (fondi mill-EU) b’effett mill-15.01.19 - EU Fund Officer b’effett mit-22.01.19 - Senior Manager (People Management) b’effett mit-22.01.19 - Officer in Grade 6 b’effett mill-01.04.19 - Officer in Grade 4 b’effett mill-01.04.19 - Ma hemm l-ebda sejħa publika pendenti.

Ħaddiema li ma baqgħux jaħdmu mal-Ministeru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10400 u jgħid kemm hemm persuni li ma baqgħux jaħdmu mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u għaddew f’pożizzjonijiet oħra tul dawn l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm ħamsa (5) impjegati li mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ għaddew f’pożizzjonijiet oħra tul dawn l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena.

Identity Malta — Dixxendenti Maltin li jgħixu fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fl-Alġerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux rappreżentazzjonijiet ma’ Identity Malta sabiex numru ta’ persuni ta’ dixxendenza Maltija li jgħixu fit-Tuneżija, l-Eġittu u l-Alġerija u għar-raġunijiet storiċi ma jistgħux jippreżentaw ċertifikat tat-twelid oriġinali mill-Istat, jistgħux minnflok iressqu ċertifikati tal-magħmudija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għas-Servizzi Konsulari fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ għamel ir-rappreżentazzjonijiet meħtieġa mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Identity Malta sabiex ikun esplorat l-aħjar mod kif persuni ta’ dixxendenza Maltija li jgħixu fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fl-Alġerija, li għal raġunijiet storiċi ma jistgħux jippreżentaw ċertifikat tat-twelid oriġinali tal-iStat jingħataw il-possibbiltà li minflok jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-magħmudija. Id-Direttorat huwa nfurmat minn Identity Malta li każi ta’ dan it-tip se jibdew jiġu trattati każ każ, u deċiżjoni dwarhom tittieħed kif meħtieġ.

Visas – Rapport dwar Investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa wara r-rapport maħruġ mill-Awditur Ġenerali ntitolat “An Investigation of Visas issued by the Maltese Consulate in Algiers” fejn irriżultalu li bejn Marzu 2014 u Settembru 2015 inħarġu eluf ta’ visas lil ċittadini Alġerini u li skont l-Awditur Ġenerali wieħed minn kull erbgħa Alġerini qatt ma rritornaw lura minn Malta? X’passi ttieħdu u min intalab iwieġeb għal dan l-aġir irresponsabbli?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 8640 li kienet saret mill-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici fit-12 ta’ Frar 2019. Mgħandiex iktar xi nżid ma dik it-tweġiba.

Ambaxxaturi u Konsli — CVs

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-CVs tal-Ambaxxaturi u Konsli (mingħajr ma jsemmi isimhom u fejn huma Ambaxxaturi jew Konsli) residenti jew le u li huma mid-distrett tal-Ministru kemm ilu li nħatar hu?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, bis-saħħa tal-Liġi li introduċa dan il-Gvern attwali, il-ħatra ta’ ambaxxaturi bdiet issir wara l-iskrutinju minn kumitat apposta tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, fil-perjodu bejn Ġunju 2017 sal-lum inħatru 4 Konsli Ġenerali, li wieħed minnhom għandu indirizz f'Ħaż-Żabbar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Konsulenzi minn ditta legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-ditta legali li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ħaditx konsulenzi mill-Gvern jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu bejn is-sena 1998-2003? X’kienu dawn il-konsulenzi? Liema entità tat dawn il-konsulenzi? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv ħalli dawn jittieħdu? Jista’ jgħid ukoll kemm kull konsulenza kienet tinvolvi bħala flus?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ma ta l-ebda xogħol lill-kumpanija li qed jirreferi għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari.

Ambaxxata ta’ Malta fit-Turkija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Turkija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Turkija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa kif gej. Bilaterali Bla dubju, l-avveniment l-iktar importanti li seħħ matul il-perjodu msemmi kienet iż-Żjara Statali li l-E.T. il-President is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca għamlet fit-Turkija, fuq stedina tal-President tat-Turkija, l-E.T. Recep Tayyip Erdoðan. Iż-żjara seħħet bejn it-22 u l-24 ta’ Jannar 2019. L-ewwel ġurnata kienet tikkonsisti b’business forum taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta u l-Viċi President tat-Turkija, E.T. Dott. Fuat Oktay, f’Istanbul. Ipparteċipaw erba’ Ministri tal-Kabinett, Segretarju Parlamentari u madwar 50 intraprenditur u negozjant Maltin, kif ukoll numru mdaqqas ta’ imprendituri Torok. Kien hemm ukoll diversi laqgħat bejn l-imprendituri taż-żewġ naħat. L-attività tat-tieni jum seħħet kollha fil-belt kapitali Ankara fejn l-E.T. il-President Coleiro Preca ngħatat l-Unuri Statali minn Gwardja tal-Unur u ltaqgħet mal-E.T. is-Sur Recep Tayyip Erdoðan fil-Palazz Presidenzjali. Dan kien il-qofol taż-Żjara Statali. Saru laqgħat oħra li fihom ipparteċipaw l-erba’ Ministri u s-Segretarju Parlamentari. Matul iż-żjara, l-E.T. il-President ta’ Malta u d-delegazzjoni żaru l-Parlament Tork u ltaqgħu mal-Ispeaker, l-E.T. is-Sur Binali Yýldýrým. Il-President żaret ukoll Anýtkabir, il-Mosolew fejn hu midfun Mustafa Kemal Atatürk, u poġġiet kuruna. L-Ambaxxata f’Ankara, kif ukoll il-Konsolat Ġenerali tagħha f’Istanbul, kienu impenjati sewwa kemm fit-tħejjijiet u anki waqt iż-żjara. Matul l-istess perjodu, l-Ambaxxata żammet, bl-aħjar mod possibbli, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ mgħarraf b’dak kollu li kien qiegħed iseħħ fit-Turkija, minn avveniment u żviluppi politiċi għas-sitwazzjoni fl-ekonomija, l-qasam tal-Jeddijiet tal-Bniedem, Saltna tad-Dritt, u l-Libertà tal-Kelma. Saru wkoll kuntatti diversi mal-Awtoritajiet Torok dwar appoġġ bilaterali li ż-żewġ pajjiżi ddiskutew jew wiegħdu li jagħtu lil xulxin f’fora jew oqsma internazzjonali. Komplew il-kuntatti mal-Awtoritajiet Torok dwar ftehim ta’ koperazzjoni f’oqsma tal-Edukazzjoni u s-Saħħa. Fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, l-Ambaxxata flimkien mal-Ministeru u r-Rappre¿entanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell, segwiet kemm setgħet u irrappurtat dwar l-iżviluppi li kienu qegħdin iseħħu anki fl-isfond tat-temi politiċi attwali fit-Turkija. L-Ambaxxatur jattendi regularment f’Ankara laqgħat għall-Kapijiet ta’ Missjonijiet tal-UE. Dawn il-laqgħat, li jitmexxew mill-Ogħla Rappreżentant tal-UE fit-Turkija jittrattaw temi politiċi attwali fit-Turkija kif ukoll bosta temi oħra marbuta mal-perspettiva Ewropea tat-Turkija u l-politika barranija tal-pajjiż. Dawn il-laqgħat iservu bħala qafas li jikkumplimenta l-ħidma tal-UE u l-Membri Stati tagħha rappreżentati fit-Turkija. L-Ambaxxatur ipparteċipa flimkien ma’ Ambaxxaturi oħra fi żjarat reġjonali li d-Delegazzjoni tal-UE torganizza kultant żmien fejn l-emfasi tkun fuq proġetti li jkunu ffinanzjati mill-UE. L-Ambaxxatur irrappreżenta anke lill-Onor. Ministru Carmelo Abela fis-Sitt Laqgħa tal-Proċess ta’ Budapest li saret f’Istanbul, segwa kemm seta’ l-operazzjonijiet militari li t-Turkija qiegħda tagħmel lil hemm mill-fruntiera mas-Sirja u l-assistenza umanitarja li t-Turkija tagħti lil madwar 3.5 miljun refuġjat li jgħixu fit-Turkija b’konsegwenza tal-kunflitt fis-Sirja. Kummerċjali Saru laqgħat ma’ żewġ kumpaniji tal-avjazzjoni li kienu interessati jespandu n-negozju tagħhom u jirreġistraw il-kumpanija tagħhom fir-Reġistru Malti. It-taħditiet issa qegħdin f’idejn id-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili. Laqgħat simili saru ma’ kumpaniji fis-settur turistiku u marittimu. Dawn il-laqgħat seħħew ftit wara ż-Żjara Statali tal-E.T. l-President Coleiro Preca. Kull tant żmien, l-Ambaxxatur u l-Konslu Ġenerali kienu wkoll f’kuntatt maż-żewġ Konsli Onorarji li jirrappreżentaw l-interessi ta’ Malta f’Iżmir u Antalja, l-iktar dwar informazzjoni ta’ natura kummerċjali li jkollhom bżonn, jew inkella ħtiġijiet oħra. Kulturali u/jew Promozzjoni ta’ Malta L-Ambaxxatur ipparteċipa wkoll fi żjarat f’żewġ reġjuni organizzati għall-Missjonijiet Diplomatiċi akkreditati għat-Turkija minn Ministeri jew Direttorati Torok. Hu tajjeb u jista’ ikun ta’ benefiċċju li jkun hemm preżenza Maltija f’dawn iż-żjarat. Fuq stedina mill-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università Teknika tal-Lvant Nofsani f’Ankara, l-Ambaxxatur indirizza studenti li kienu qegħdin iħejju ruħhom għal studji terzjarji fil-belt ta’ Bejpazari. L-Ambaxxatur attenda ħafna attivitajiet ta’ natura soċjali organizzati minn Ambaxxati oħra, bħal ċelebrazzjonijiet ta’ jiem nazzjonali ta’ pajjiżi oħra. Attenda wkoll avvenimenti importanti organizzati mill-Awtoritajiet Torok u li għalihom kienu mistiedna l-membri tal-Korp Diplomatiku. Konsulari Bejn Jannar u April 2019, daħlu fil-Konsolat Malti f’Istanbul 1,617-il applikazzjoni għall-viża, żieda ta’ 13.48% fuq l-istess perjodu tas-sena 2018. Minn dawn, 95 applikazzjoni kienu rrifjutati. Applikazzjonijiet li jidħlu fl-Ambaxxata f’Ankara jkunu riferuti lill-Konsolat. Il-Konsolat ipproċessa wkoll erba’ applikazzjonijiet għal passaporti ġodda jew biex ikunu mġedda. Il-Konslu Ġenerali, fil-kapaċità tiegħu bħala Kummissarju għall-Ġuramenti, kien xhud ta’ 177 firma fuq dokumenti relatati mal-industrija marittima u mar-reġistrazzjoni ta’ vapuri ta’ sidien Torok fuq ir-Reġistru Marittimu Malti. Il-Konslu Ġenerali u l-Istaff tiegħu assistew numru ta’ Ministri Maltin waqt waqfiet f’Istanbul fi triqithom lejn pajjiżi oħra. Għen lill-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma u d-delegazzjoni tiegħu waqt konferenza internazzjonali f’Ýstanbul. Il-Konsolat għen ukoll xi Maltin li sabu ruħhom f’xi diffikultà meta kienu għaddejjin mill-ajruport ta’ Ýstanbul. Il-Konslu Ġenerali attenda numru ta’ attivitajiet organizzati minn Konsolati oħrajn f’Ýstanbul, partikolarment dawk tal-UE. F’April, il-Ministeru bagħat, għal żmien temporanju, diplomatiku żagħżugħa f’Ýstanbul biex tgħin lill-Konsolat Ġenerali fil-ħidma tagħhom.

Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja tagħna ġewwa l-Indja fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-ħidma tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja fl-ewwel erba’ xhur ta din is-sena, maqsuma f’dawn is-sezzjonijiet, tittratta: Bilaterali · Ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Indja: il-Kummissjoni Għolja ssoktat taħdem biex jissaħħu dejjem aktar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Indja u biex jinżamm ir-ritmu ta’ żjarat u taħdidiet fl-ogħla livelli politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Wara għadd ta’ żjarat miż-żewġ naħat li saru fl-2018, il-Prim Ministru kellu taħdidiet mal-Prim Ministru Indjan Narendra Modi f’Jannar (17-19) ġewwa l-Indja. Iż-żewġ mexxejja qablu li l-livell tar-relazzjonijiet kienu ssaħħew aktar minn qatt qabel u li l-kuntatti intensivi bejn iż-żewġ pajjiżi għandhom jissoktaw. Fi kliem tal-Prim Ministru Modi dawn it-taħdidiet taw saħħa qawwija lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Iż-żewġ mexxejja ddiskutew koperazzjoni f’għadd ta’ oqsma inkluż il-farmaċewtika, t-turiżmu, l-innovazzjoni u fit-teknoloġija tal-informatika (IT). Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru kien il-mistieden speċjali tal-Prim Ministru Indjan għall-Vibrant Gujarat Global Summit fejn indirizza għadd kbir ta’ CEOs u mexxejja industrijali u imprenditorjali mill-Indja. Il-Prim Ministru kellu wkoll laqgħat mal-awtoritajiet tal-istat ta’ Gujarat, wieħed mill-aktar stati kummerċjalment u industrijalment attivi fl-Indja. · Aktar opportunitajiet għal min jixtieq jaddotta tfal mill-Indja: L-Indja hija l-akbar sors ta’ addozzjonijiet lejn Malta. Il-Kummissjoni Għolja ħadmet bis-sħiħ sabiex l-Aġenzija Appoġġ tiġi approvata mill-Aġenzija Ċentrali tar-Riżorsi tal-Adozzjoni (CARA) fl-Indja sabiex tgħin persuni Maltin jaddottaw tfal minn dan il-pajjiż. Fl-aħħar xhur saru rapreżentazzjonijiet ma' CARA sabiex jiġu approvati żewġ agenziji Maltin oħra. Kummerċjali · Matul dan il-perjodu il-ħidma kompliet tiffoka fuq l-oqsma tal-farmaċewtika, tal-innovazzjoni u t-teknoloġija tal-informatika, it-turiżmu, l-industrija tal-films u divertiment, edukazzjoni u l-promozzjoni tas-sensiela ta’ servizzi li għalihom Malta qed issir dejjem aktar magħrufa fl-Indja. · Il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar indirizzaw laqgħa f’Gandhinagar, Gujarat, għall-investituri Indjani fl-oqsma tal-Informatika, l-enerġija, l-infrastruttura, l-ospitalità, is-settur marittimu u s-setturi tal-importazzjoni. Bosta mill-investituri li attendew għamlu dan wara kuntatti mal-Kummissjoni Għolja u tħajru jinvestu f’Malta. Il-Prim Ministru kellu wkoll laqgħat ma’ investituri Indjani f’Mumbaj fil-qasam tal-informatika u l-finanzi. · Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar kellu bosta laqgħat ma’ imprendituri Indjani fil-qasam tal-farmaċewtika. · Matul ix-xhur li għaddew il-Kummissjoni Għolja organizzat laqgħat ma' diversi kumpaniji Indjani b’interess f’Malta. Dawn il-kumpaniji ġew imlaqqa’ mal-Malta Enterprise, Trade Malta, mal-Kamra tal-Kummerċ jew entitajiet Maltin oħra, skont l-interess tagħhom. Il-Kummissjoni Għolja tieħu sehem u tibgħat informazzjoni dwar fieri u konferenzi li jistgħu jkunu ta’ interess kummerċjali għal Malta. · Saru wkoll laqgħat ma’ membri tal-Konfederazzjoni tal-Industrija Indjana biex jiġu esplorati opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tal-informatika u l-finanzi fi ħdan il-qafas legali f’Malta għal kumpaniji u operaturi fil-Katina tal-Blockchain u t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT). Kulturali · Wara l-wirja ta’ xogħlijiet viżivi ta’ Austin Camilleri u żifna mill-kumpanija taż-żfin Moveo mnedija ġewwa Delhi fl-2018, il-Kummissjoni kompliet taħdem biex timmpromwovi t-talent ċinematografiku Malti permezz tal-parteċipazzjoni fil-Festival tal-Films tal-UE fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. · Il-Kummissjoni Għolja għenet biex jinstabu sponsors biex tittella’ wirja ta’ artisti għomja Maltin f’Delhi iżda din kellha tiġi posposta sakemm jistabu fondi minn Malta għall-bijetti tal-ajru. Konsolari · Il-Kummissjoni Għolja kompliet tipproċessa għadd kbir ta’ viżi minn applikanti mill-pajjiżi akkreditati (Indja, Nepal, Bangladexx, Sri Lanka) għal żjarat ta’ kummerċ u investiment, turiżmu, studju u xogħol. Il-Kummissjoni Għolja tirċievi l-akbar numru ta’ applikazzjonijiet għall-viżi fix-xahar. Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019 biss ġew ipproċessati 3,387. Dan huwa servizz importanti biex ikomplu jikbru il-kuntatti bejn iż-żewġ pajjiżi u pajjiżi oħra. · Il-Konsolat offra servizzi li jinkludu tiġdid tal-passaporti, reġistrazzjoni ta’ twelid, żwiġijiet u mewt mar-Reġistru Pubbliku, u applikazzjonijiet għal ċittadinanza. Bħala l-uniku Konsolat fir-reġjun, dan offra servizz importanti lil numru konsiderevoli ta’ turisti Maltin li spiss jiġu bżonn assistenza konsolari speċjalment f’każ ta’ passaporti mitlufin jew misruqa u problemi oħra li jiltaqgħu magħhom. · Ingħatat assistenza lil ċittadini Maltin ġewwa l-Indja, inkluż reliġjużi, li jwettqu xogħol ta’ għajnuna soċjali fil-komunità biex jinħarġilhom passaport Malti kif ukoll għajnuna mal-awtoritajiet Indjani fejn kienet meħtieġa. · Il-figuri li jittrattaw ħidma konsolari għall-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huma dawn li ġejjin: - Assistenza lil ċittadini Maltin: 3 - Dokument tal-Ivvjaġġar tal-Emerġenza: 1 - Reġistrazzjonijiet mar-Reġistru Pubbliku: 3 - Applikazzjonijiet għal ċittadinanza: 1 - Mistoqsijiet dwar / applikazzjonijiet u ġbir ta’ Passporti: 14 · Kompliet tingħata l-għajnuna lil għadd dejjem jikber ta’ koppji Maltin li jżuru l-Indja biex itemmu l-proċess tal-adozzjoni tagħhom inkluż biex jinħarġu d-dokumenti meħtieġa lit-tfal u l-permess ta’ ħruġ lill-ġenituri. Matul dawn ix-xhur saret ħidma intensiva biex jissolva każ ta’ adozzjoni mwaħħal għal żmien twil fil-qrati Indjani. Frott ta’ bosta laqgħat ma’ uffiċjali Indjani ġewwa Delhi u lokalment f’Gorakhpur, l-adozzjoni spiċċat b’wiċċ il-ġid u t-tifla setgħet tingħaqad mal-familja tagħha Malta. · L-interessi Maltin imħarsa aħjar f’Mumbaj: L-Exequatur għas-Sinjura Chandra Ruia bħala Konslu Onorarju ta' Malta f'Mumbaj b'ġurisdizzjoni fuq l-istat ta' Maharashtra ffirmat minn E.T il-President tal-Indja Ramnath Kovind, fit-13 ta’ Frar 2019 issanzjona uffiċjalment il-ħatra tas-Sinjura Ruia. L-Exequatur ġie eżattament sena wara l-preżentazzjoni tan-nomina formali tas-Sinjura Ruia grazzi għall-ħidma tal-Kummissjoni Għolja li kellha kemm-il laqgħa ma' rappreżentanti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Indjan dwar din il-ħatra. Il-ħatra ta’ Konslu Onorarju ta’ Malta fil-kapitali finanzjarja tal-Indja huwa pass sinifjikanti fil-promozzjoni tal-interessi Maltin f’din il-belt. · Inżamm kuntatt mill-qrib ma’ turisti Maltin fis-Sri Lanka wara l-attakki terroristici li seħħu madwar il-pajjiż f’Ħadd il-Għid biex jinżammu ’l bogħod mill-periklu u biex jerġgħu lura Malta malli jkun possibbli. Promozzjoni ta’ Malta · Ġie deċiż li r-riċeviment li tradizzjonalment jinżamm bħal daż-żmien tas-sena għall-organizzaturi ta’ tiġijiet Indjani flimkien ma’ Blue Marble Destination Management għandu jiġi pospost minħabba l-elezzoni ġenerali Indjana. Saru wkoll preparamenti biex il-Kummissjoni Għolja tieħu sehem f’Jum l-Ewropa. Oħrajn · Saru għadd ta’ laqgħat u kuntatti mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Indjan u l-Ambaxxati akkreditati (Bangladexx, Nepal, Sri Lanka u Maldivi) biex jiġi assigurat il-vot tagħhom għall-elezzjonijiet li Malta qiegħda tikkontesta f’fora multilaterali inkluż l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima u l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. · Kompliet il-ħidma biex istituzzjonijiet edukattivi Maltin bħall-MCAST jistabbilixu rabtiet aktar mill-qrib ma’ istituzzjonijiet Indjani u fost oħrajn jiġu offruti korsijiet mill-MCAST u jinġiebu aktar studenti Indjani jistudjaw Malta.

Konsolat ta’ Malta fl-Alġerija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mill-konsolat tagħna ġewwa l-Alġerija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti x-xogħol amministrattiv bħalma huwa ħrug ta’ viżi li jsir ta’ kuljum, t-twettiq ta’ ħidma mill-konsolat ta’ Malta fl-Alġerija matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kien kif ġej: - attendenza għal disa’ (9) laqgħat fuq livell ta’ Unjoni Ewropea li kienu jitrattaw diversi suġġetti fosthom il-kooperazzjoni bejn l-iStati Membri fuq affarijiet konsulari; - fi tmien (8) okkażjonijiet separati, il-Konslu ltaqa’ma’ ċittadini Maltin sabiex jiddiskutu materji ta’ natura konsulari; - attendenza għal tliet (3) riċevimenti. Apparti l-ħidma indikata hawn fuq, il-Konsulat ta diversi servizzi konsulari oħra li d-dettalji tagħhom qed jidru f’dawn it-tabelli hawn taħt. Viżi pproċessati Viża Ċ Viża Limited Territory (LTV) Total Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ Viżi maħruġa Numru ta’ Viżi maħruġa Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ Viżi maħruġa Numru ta’ Viżi rifjutati % viżi rifjutati Single entry Multiple entry Single entry Multiple Entry inclusive of Two Entries LTV 215 28 12 5 4 243 21 222 91.36% 162 28 22 13 4 190 39 151 79.47% 141 10 18 5 3 151 26 125 82.78% 154 13 23 9 0 167 32 135 80.84% Servizzi konsolari oħra Total Tiġdid ta’ Passaporti Diplomatiċi 1 Tiġdid ta’ Passaporti Ordinarji 1 Ġuramenti 2 Awtentikar ta’ firem 202

Konsolat Ġenerali ta’ Malta fil-Kanada — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mill-Konsolat Ġenerali tagħna ġewwa Toronto, Kanada fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra x-xogħol amministrattiv ta’ kuljum, matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, il-Konsulat Ġenerali ta’ Malta ġewwa Toronto, il-Kanada wettaq il-ħidma kif ġej: - ikkordina mal-awtoritajiet Kanadiżi sabiex jitfasslu diversi programmi ta’ żjarat fosthom iż-żjara tal-Kummissarju Għoli ta’ Malta fi Quebec; u ż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra f’Ottawa; - attenda għal ħames (5) laqgħat fuq livell għoli mal-awtoritajiet Kanadiżi fejn ġew diskussi suġġetti ta’ natura differenti fosthom il-kummerċ, il-kultura, possibiltajiet ta’ skambji għal fini ta’ riċerka fuq il-kanċer, fost l-oħrajn; - f’sitt (6) każi l-Konslu ltaqa’ma’ ċittadini Maltin sabiex jiġu diskussi diversi materji li kienu jinkludu temi relatati mal-kultura u l-kummerċ fost l-oħrajn; - attenda għal erba’ (4) riċevimenti; - saru preparamenti għaż-żjarat li jmiss tal-Consul-on-the-Move ta’ Mejju fi Price George u Vancouver rispettivament. Apparti l-ħidma indikata hawn fuq, il-Konsulat Ġenerali ta diversi servizzi konsulari oħra li d-dettalji tagħhom qed jidru hawn taħt. Viżi Schengen Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ Viżi maħruġa Numru ta’ Viżi rifjutati / irtirati 20 17 3 Passaporti Numru ta’ reġistrazzjoni ta’ Ċertifikati sottomessi għal finijiet ta’ applikazzjoni għal passport Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ ħruġ ta’ Passaporti Ġodda 86 115 57 Applikazzjoni għal Ċittadinanza Rikonferma ta’ Ċittadinanza (Formola A/B) Formola A (talba għal informazzjoni) l-1 ġenerazzjoni li twieldu barra minn Malta qabel l-1964 Formola B (talba għal informazzjoni) l-1 ġenerazzjoni li twieldu wara l-1964 Formola B - Żwieġ Formola I (min-naħa tal-omm) Formola K (it-2 ġenerazzjoni li twieldu barra minn Malta Formola M (Minuri) Numru totali t’Applikazzjonijiet 11 6 7 10 4 14 8 60 Pensjonijiet Pensjoni tar-Romol Pensjoni tal-Irtirar Pensjoni tal-Invalidita’ Pensjoni tat-Teżor Numru t’Applikazzjonijiet ġodda għal xi pensjoni Numru totali t’Applikazzjonijiet 407 998 1173 20 4 2602 Servizzi konsolari oħra Total Awtentikar/xhieda ta’ firem 102 Każijiet konsulari oħra ta’ ċertu kumplessità 10

Rappreżentanza Permananti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mir-Rappreżentanza Permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti ta’ pajjiżna ġewwa Ġinevra fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Rappreżentanza Permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti ta’ pajjiżna ġewwa Ġinevra kopriet total ta' 278 laqgħa fl-ewwel erba' xhur tal-2019. Ta' importanza partikolari, hija l-parteċipazzjoni attiva tal-Missjoni fl-40 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) mill-25 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2019, fejn twasslu seba' stqarrijiet, kif ukoll fl-74 Sessjoni tal-Kumitat Permanenti tal-UNHCR ta’ bejn il-5 u s-7 ta' Marzu 2019 fejn ġiet mogħtija wkoll dikjarazzjoni. Il-Missjoni wettqet preparazzjonijiet għat-33 Sessjoni tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li saret f'Mejju 2019. Il-Missjoni kompliet tipprovdi assistenza konsulari lill-komunità Maltija li tgħix fl-Isvizzera, kif ukoll appoġġ loġistiku lil delegazzjonijiet tal-gvern li jivvjaġġaw fuq xogħol għal Ġinevra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — contract of service u contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il contract of service u contract for service ngħata minn kull Dipartiment u entità li jaqgħu taħtu mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u l-valur ta’ kull wieħed u lil min ingħata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab informat li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq xogħol ħafna aktar produttiv.