Jista' l-Ministru jgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Ġustizzja u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont f’reklamar fuq is-sit soċjali ta’ Facebook, fil-perjodu mitlub, mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja kien ta €1,017.74 mill-Aġenzija għall-Irkupru tal-Assi biss.
Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat – kundizzjonijiet tal-avukati u prokuraturi legali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8957, jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni jinsabu t-trattativi fir-rigward tal-ftehim kollettiv fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat billi d-dewmien mhux jagħmel wisq ġid?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-partijiet qed jiltaqgħu b’mod regolari u li tali trattattivi jimmeritahom iż-żmien adegwat biex jiġi assigurat li l-ftehim milħuq ikun relevanti u ta’ benefiċċju għall-partijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal maħfra presidenzjali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-artikolu 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-prerogattiva ta’ maħfra hija vestita fl-E.T. il-President ta’ Malta u minħabba din ir-raġuni mhux kull talba neċessarjament tiġi mgħoddija lid-Dipartiment għall-Ġustizzja fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja. Madanakollu, skont l-informazzjoni li għandu dan id-Dipartiment hemm ħmistax (15)-il talba pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il rakkomandazzjoni saret mill-Qorti lill-Prim Ministru dwar l-inqas żmien li fil-fehma tal-istess Qorti għandu jgħaddi qabel priġunier jiġi meħlus mill-ħabs skont l-artikolu 493 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid ukoll dwar liema każijiet kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jindika jekk ġewx aċċettati jew le?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2013 sal-lum ma saret l-ebda rakkomandazzjoni mill-Qorti lill-Prim Ministru skont l-artikolu 493 tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Rakkomdazzjonijiet dwar tnaqqis tal-piena jew maħfra
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il rakkomandazzjoni saret minn Imħallef lill-President ta' Malta sabiex persuna kkundannata tingħata l-maħfra jew tnaqqis tal-piena skont l-artikolu 494 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema każijiet kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jindika jekk ġewx aċċettati jew le?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni mhux disponibbli għar-raġuni illi jekk il-Qorti tkun għamlet rakkomandazzjoni lill-President ta’ Malta, u l-istess rakkomandazzjoni ma tkunx ġiet komunikata direttament lir-Reġistratur tal-Qrati Kriminali, l-istess informazzjoni ma tkunx possibbli li tinġabar stante n-nuqqas tal-aċċessibblità tal-atti. F’sitwazzjoni ta’ din ix-xorta il-Qorti mhijiex obbligata illi tinforma lir-Reġistratur b’tali rakkomondazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm baqa' multi pendenti/mhux imħallsa li ġew imposti f'kawi deċiżi mill-Qrati tal-Ġustizzja Kriminali, kif ukoll il-valur tagħhom mill-perjodu 2010 sal-ġuranta li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.
L-Istat ta’ Malta — Ħlas ta’ kumpens mill-Istat - Ammont
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11763 u jgħid kemm hu l-ammont ta’ flus ta’ kumpens li ħallas l-Istat wara li ġie kkundannat bi ksur ta’ dritt jew drittijiet fundamentali mill-Qrati tagħna f’dawn l-aħħar għaxar snin, liema informazzjoni għandha tkun maqsuma sena b’sena rispettivament, u jindika l-ammonti maqsuma skont id-dritt fundamentali li jkun ġie miksur?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba mis-sena 2021, sat-30 ta’ Settembru 2023 tinsab hawn taħt. Din l-informazzjoni tkopri informazzjoni li nġabret minn mindu l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat sar uffiċċju għalih.
2021 - € 7,746,037.16
2022 - €14,377,549.74
2023 - €13,740,977.68
(sat-30 ta’ Settembru 2023)
Id-dritt jew drittijiet fundamentali li ġew leżi skont l-istess sentenzi Kostituzzjonali huma:
L-Artikoli 33, 34, 36, 37, 38, 37 u 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta;
L-Artikolu 1, l-ewwel protokol, u l-Artikoli 2, 3, 5, 6, 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-kumpensi ex gratia li ġew mogħtija mill-Gvern Malti mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il maħfra presidenzjali ngħatat mill-20 ta' Frar 2022 sas-26 ta' Marzu 2022? Jista’ jagħti d-dettalji ta’ kif inbidlet is-sentenza jew kundanna li dwarha ngħatat il-maħfra?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Art. 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-prerogattiva ta’ maħfra hija vestita fl-E.T. il-President ta’ Malta u minħabba din ir-raġuni mhux kull talba neċessarjament tiġi mogħddija lid-Dipartiment għall-Ġustizzja fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja. Madanakollu, skont l-informazzjoni li għandu dan id-dipartiment jidher li ma ngħatat l-ebda klemenza fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il maħfra presidenzjali ngħatat mis-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jagħti d-dettalji ta’ kif inbidlet is-sentenza jew kundanna li dwarha ngħatat il-maħfra?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Art. 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-prerogattiva ta’ maħfra hija vestita fl-E.T. il-President ta’ Malta u minħabba din ir-raġuni mhux kull talba neċessarjament tiġi mogħddija lid-Dipartiment għall-Ġustizzja fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja. Madanakollu, skont l-informazzjoni li għandu dan id-dipartiment jidher li ma ngħatat l-ebda klemenza fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fir-Reġistru tal-Qorti, u jaqsam din l-informazzjoni skont ir-Reġistru li qegħdin assenjati fih u skont il-kariga tagħhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
L-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-20 t’Ottubru 2023 tinsab fit-tabella t'hawn taħt:
Impjegati
Reġistru Ċivili (Prinċipali li jinkludi Qrati Inferjuri u Superjuri, Sezzjoni tas-Subbasti u Sezzjoni tat-Taxxi
48
Reġistru Ċivili (Seżżjoni tal-Familja)
8
Reġistru Ċivili (Seżżjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja)
8
Reġistru Kriminal (Superjuri)
10
Reġistru Qrati tal-Maġistrati (Annex)
4
One Stop Shop
4
Reġistru Għawdex
4
Total
86
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il marixxal hemm assenjat għan-notifiki tal-Qorti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-20 t’Ottubru 2023 mal-Aġenzija għas-servizzi tal-Qrati kien hemm 24 marixall assenjat biex jagħmlu n-notifiki f’Malta u Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il att ġudizzjarju ħareġ għan-notifika bejn l-1 ta' Ottubru 2022 u l-1 ta' Ottubru 2023, u jaqsam din l-informazzjoni skont it-tip ta’ notifika, jekk hux fil-ħin legali, wara l-ħin legali u/jew bil-purtier? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-atti ġudizzjarji kellhom riferta pożittiva?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Ottubru 2022 sal-1 ta’ Ottubru 2023 inħarġu total ta’ 61,804 notifiki ta’ atti ġudizzjarji. Minnhom 24,786 kienu notifiki maħruġa permezz tal-purtier fejn 3,672 minnhom saru wara l-ħin legali u 21,114 waqt il-ħin legali.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi s-sistema diġitali tal-Aġenzija tindika l-att meta jkun pożittiv fl-intier tiegħu. Iżda fejn dak l-att ikopri aktar min-notifika waħda, fejn waħda minnhom tkun negattiva, l-att jiġi ndikat bħala kompletament negattiv.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hemm ingaġġata ma’ kull Membru tal-Ġudikatura bħala staff, u jekk għandux il-ħsieb illi jalloka aktar staff fis-sigrieti tal-Imħallfin?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull Imħallef fil-Qrati għandu addetti miegħu 6 impjegati li huma: court attorney, assistent ġudizzjarju, deputat reġistratur, skrivan tal-Qrati, messaġġier u xufier, filwaqt li Maġistrat fil-Qrati għandu addetti 5 impjegati miegħu assistent ġudizzjarju, deputat reġistratur, skrivan tal-Qrati, messaġġier u xufier.
L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għaddejja bi proċess ta’ reklutaġġ kontinwu skont kif meħtieġ.
Artikolu 195(5)(a) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili — Rikorsi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2007, sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors ġie ppreżentat lill-Prim Imħallef skont dak li jipprovdi l-artikolu 195(5)(a) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mis-sena 2007 sal-lum ġew preżentati żewġ (2) rikorsi lill-Prim Imħallef skont dak li jipprovdi l-artikolu 195(5)(a) tal-Kodiċi ta’ Organizazzjoni u Proċedura Ċivili. Dawn iż-żewġ rikorsi ġew miċħuda.
Artikolu 195(5)(b) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili — Rikorsi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2007, sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il rikors ġie ppreżentat lill-Prim Imħallef skont dak li jipprovdi l-artikolu 195(5)(b) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (Kap. 12 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rikorsi ġew milqugħa, kemm ġew rifjutati u kemm għadhom pendenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mis-sena 2007 sal-lum ġew preżentati erbgħa u tletin (34) rikors lill-Prim Imħallef skont dak li jipprovdi l-artikolu 195(5)(b) tal-Kodiċi ta’ Organizazzjoni u Proċedura Ċivili. Minn dawn ir-rikorsi, tnejn u tletin (32) minnhom ġew eżawriti peress li d-deċiżjoni kienet laħqet ġiet pronunzjata u ż-żewġ (2) rikorsi l-oħra, il-Ġudikant astjena mill-każ wara li ġiet milqugħa talba ta’ rikuża.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 ġew ingaġġati żewġ konsulenti miegħi li d-dettalji tagħhom jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.