Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ksur tal-liġijiet tal-kaċċa – Persuni li kellhom każijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni li ngħataw jew ġeddew il-liċenzja għall-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026, minkejja li kellhom każijiet pendenti relatati ma’ ksur tal-liġijiet tal-kaċċa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, minkejja l-fatt li jkunu għaddejjin proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qrati, il-liċenzji rilevanti jibqgħu jiġu mġedda mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni li tista’ tingħata mill-Qorti. Madankollu, ladarba tingħata deċiżjoni definittiva mill-Qorti, tittieħed l-azzjoni amministrattiva meħtieġa, inkluża s-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzja rilevanti skont kif tkun tablet il-Qorti.

Liċenzji għall-kaċċa – Persuni mmultati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti jew ġiet immultata minħabba ksur relatat mal-liċenzja għall-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu indikat, inħarġu 4 multi amministrattivi fir-rigward tal-offiżi msemmija fl-Iskeda VIII tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Fir-rigward ta’ proċeduri quddiem il-Qorti, ġentilment ninfurmak li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) tiġi mitluba mill-Pulizija biex tipprovdi assistenza teknika matul il-prosekuzzjoni ta’ ċerti każijiet relatati mal-kaċċa. Madankollu, peress li l-WBRU mhijiex l-awtorità responsabbli mill-prosekuzzjoni, ma jkollhiex l-informazzjoni kompleta li qed tiġi mitluba.

Kaċċa – Spezzjonijiet/enforcement checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni jew enforcement checks saru mill-awtoritajiet relatati mal-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) tipprovdi assistenza teknika lill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta meta tintalab biex tassisti fl-ispezzjoni ta’ ċerti każijiet. Madankollu, peress li l-WBRU ma tkunx involuta fil-każijiet kollha, ma jkollhiex l-informazzjoni kompleta mitluba.

Każijiet ta’ allegat kaċċa illegali jew ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ allegat kaċċa illegali jew ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzji matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Liċenzji għall-kaċċa li ġew sospiżi/irrevokati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il liċenzja għall-kaċċa ġiet sospiża jew irrevokata matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026 u għal liema raġuni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pulizija tinnotifika lit-Taqsima tar-Regolamentazjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) dwar persuni li l-liċenzja tagħhom tkun ġiet sospiża jew revokata mill-Qorti biex isiru l-proċeduri amministrattivi għall-ġbir tal-liċenzji. Matul il-perjodu inkwistjoni, il-WBRU ġiet notifikata bis-sospensjoni jew revoka ta’ 7 liċenzji għall-kaċċa tal-għasafar fuq l-art. Madankollu, jista’ jkun hemm sentenzi oħra li għadhom fil-perjodu ta’ appell u għaldaqstant għadhom ma ġewx notifikati lill-WBRU.

Ir-Rabat, Għawdex - Proġett ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-proġett tal-parkeġġ fir-Rabat, Għawdex, biswit it-terminal tal-karozzi tal-linja u jindika: i.      f’liema stadju jinsab il-proġett, inkluż fir-rigward tal-ippjanar, il-permessi, il-ħruġ u l-għoti tal-offerti u x-xogħlijiet fuq il-post; ii.     fiex se jikkonsisti l-proġett, inkluż in-numru ta’ spazji għall-parkeġġ u l-faċilitajiet previsti; iii.    x’inhi l-ispiża stmata tal-proġett u kif se jiġi ffinanzjat; iv.    meta huwa ppjanat li jibdew u jitlestew ix-xogħlijiet, u meta l-parkeġġ u l-ġnien mistennija jkunu disponibbli għall-użu tal-pubbliku; u v.    ⁠jekk sarx studju dwar l-impatt tal-proġett fuq it-traffiku (Traffic Impact Assessment) u, jekk iva, jgħid x’kienu l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, u jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-offerta għax-xogħlijiet ta’ twaqqiegħ, tħaffir, kostruzzjoni u tisbiħ ġiet aġġudikata nhar is-26 ta’ Jannar 2026. L-applikazzjonijiet għall-permessi jinsabu quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar ghaldaqstant ix-xoghol ikun jista jibda kif jinhargu l-permessi necessari. Nirreferik ukoll ghal mistoqsija parlamentari numru 31906.

Kaċċa – Ċirkulari jew policy guidance

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ċirkulari jew policy guidance maħruġa dwar il-kaċċa fi Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) toħroġ gwidi u informazzjoni relatati mal-kaċċa. Dawn ġew jiġu ppubblikati u huma aċċessibbli mis-sit elettroniku tal-WBRU: https://wbru.gov.mt/rizorsi/informazzjoni/

Ħruġ ta’ liċenzji għall-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx xi bidla fil-policy jew fil-proċeduri relatati mal-ħruġ tal-liċenzji għall-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu indikat, ma sar l-ebda tibdil fil-policy jew proċeduri li jirregolaw il-ħruġ tal-liċenzji tal-kaċċa. Il-liċenzji baqgħu jinħarġu skont il-proċeduri u r-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.

Ħruġ/tiġdid ta’ liċenzji għall-kaċċa – Kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kriterji qegħdin jintużaw bħalissa għall-ħruġ jew tiġdid ta’ liċenzji għall-kaċċa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li biex tiġġedded il-liċenzja ġenerali għall-kaċċa li tkun se tiskadi, huwa meħtieġ li wieħed ikollu l-liċenzja valida (li mhix sospiża jew revokata), jħallas il-ħlas dovut bil-liġi, jkollu s-sħubija ma’ organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni liċenzjati għall-kaċċa - li tinkludi polza ta’ assigurazzjoni li tkopri ħsara lil terzi jew lill-proprjetà tagħhom -  kif ukoll il-liċenzji maħruġa mill-Pulizija, imġedda għal dik is-sena. Fir-rigward tal-liċenzji ġodda tal-kaċċa, il-vetting ta’ min ikun eliġibbli biex ipoġġi għall-eżami jsir mill-Pulizija. Ladarba dawk approvati mill-Pulizija jgħaddu mill-eżami organizzat mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU), il-liċenzja rispettiva tinħareġ biss wara li jitħallas il-ħlas dovut bil-liġi, tiġi ppreżentata prova ta’ sħubija ma’ organizzazzjoni li tirrappreżenta persuni liċenzjati għall-kaċċa, li tinkludi polza ta’ assigurazzjoni li tkopri ħsara lil terzi jew lill-proprjetà tagħhom, kif ukoll prova li jkunu tħallsu l-liċenzji tal-Pulizija għall-ġarr tal-armi, imġedda għal dik is-sena.

Liċenzji għall-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal-liċenzja għall-kaċċa ġiet: i.    approvata; ii.   rifjutata; iii.   jew għadha pendenti matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu inkwistjoni ġew riferuti - mill-Uffiċċju tal-Armi tal-Pulizija - 47 persuna biex jagħmlu l-eżamijiet tal-kaċċa; 23 għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art, wieħed għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq il-baħar, u 23 għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ. Dawn il-persuni poġġew għall-eżamijiet rispettivi. 18 għaddew mill-eżami filwaqt li 29 ma għaddewx jew m’ attendewx għall-eżami u se jiġu msejħa sabiex jerġgħu jagħmlu r-resit tal-eżami mas-seduta li jmiss. Il-vetting tal-applikanti jsir mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-persuni kollha approvati mill-Pulizija jiġu msejħa sabiex jagħmlu l-eżami mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU).

Liċenzji għall-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mil-liċenzji għall-kaċċa nħarġu lil: i.    first-time applicants; ii.   persuni li ġeddew il-liċenzja; iii.  ċittadini Maltin; u iv.  ċittadini barranin residenti Malta matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hawn taħt għandu jsib l-istatistika mitluba għax-xhur ta’ Frar, Marzu, April u Mejju 2026: Kategorija Numru First time applicants 47 Persuni li ġeddew il-liċenzja 9,418 Ċittadini Maltin 9,417 Ċittadini barranin residenti f’Malta 1

Liċenzji għall-kaċċa validi

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru totali ta’ persuni li għandhom liċenzja għall-kaċċa valida bħalissa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ liċenzji tal-kaċċa validi attwalment huwa kif ġej: Kaċċa għall-għasafar minn fuq l-art – 9,004 Kaċċa għall-għasafar minn fuq il-baħar - 293 Kaċċa għall-fenek selvaġġ – 3,148 Għalkemm it-total ta’ liċenzji ġenerali jammonta għal 12,445, l-ammont ta’ kaċċaturi huwa inqas għaliex kaċċatur jista’ jkollu aktar minn liċenzja ġenerali waħda

Għawdex - Qorti ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq il-bini tal-Qorti l-ġdida fir-Rabat, Għawdex, u meta huwa mistenni li l-Qorti ta’ Għawdex tibda topera minn dan il-bini?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex - ITS - Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment li sar fl-iskola tal-ITS f’Għawdex, inkluż f’xogħlijiet strutturali, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll in-natura ta’ kull investiment u l-ispiża tiegħu, kif ukoll l-ammont totali li ntefaq matul dan il-perjodu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tigi migbura.

Ministeru għal Għawdex – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 689 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 975

Liċenzji ġodda għall-kaċċa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji ġodda għall-kaċċa matul Frar, Marzu, April u Mejju 2026, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra għall-perjodu inkwistjoni. Il-liċenzji jinħarġu wara li l-applikanti jkunu għaddew mill-eżami tal-kaċċa u ssodisfaw ir-rekwiżiti kollha previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Ministeru għal Għawdex – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għal Ghawdex, flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Ir-Rabat, Għawdex - Mużew - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Mużew fir-Rabat, Għawdex, x’xogħlijiet għad fadal isiru u meta huwa mistenni li jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x’kienet l-istima oriġinali tal-ispiża ta’ dan il-proġett u kemm intefaq fuqu sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mużew ta’ Għawdex se jinfetaħ għall-pubbliku fix-xhur li ġejjin. Ix-xogħlijiet waslu f’aħħar fażi, fejn issa qed jitlestew l-installazzjonijiet ta’ vetrini li se jospitaw madwar elf artifatt u oġġetti oħra ta’ valur. Dan il-mużew, li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu mhux biss f’Għawdex iżda wkoll f’Malta, se jkollu rwol ċentrali fil-Victoria 2031.

Għawdex – Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-ħinijiet tas-servizz Park and Ride bejn Ta’ Xħajma u t-Terminals tal-Imġarr, kemm fil-Hub Ta’ Xħajma kif ukoll fil-punt tat-tluq fl-Imġarr, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel użu aktar effiċjenti minn dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar fil-faċilità tal-park and ride Ta’ Xħajma sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż ix-xogħlijiet infrastrutturali li twettqu u l-ispiża totali tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm sewa dan is-servizz sa mill-bidu tiegħu, billi jipprovdi rendikont sena b’sena tal-ispejjeż operattivi, ta’ manutenzjoni u ta’ kwalunkwe nefqa oħra relatata ma’ dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informat li fil-jiem li ġejjin ser jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni dwar il-ħinijiet tas-servizz fil-hub ta’ Ta’ Xħajma filwaqt illi rigward nefqa operattiva nirreferik ghal PQ 3684 tas-sena 2022.