Jista’ l-Ministru jgħid x’politika ser jadotta għall-ipproċessar tad-demel tal-annimali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm flus ivvutati għal dan il-proġett, meta hu ppjanat li jibda x-xogħol u meta dan il-proġett hu pproġettat li jkun operattiv?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 544, peress li t-terminu "importazzjoni" li għamilt referenza għalih ma kienx jirreferi għal moviment ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi iżda għall-moviment ta' bhejjem li jikkonsistu f’mogħoż u nagħaġ minn barra minn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati nagħaġ u mogħoż f’pajjiżna minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Jista’ jgħid ukoll:
i. minn liema pajjiż ġiet impurtata kull nagħġa u mogħża;
ii. jekk kull nagħġa u mogħża impurtata għamlitx kwarantina;
iii. kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għat-trobbija u kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għal-laħam; u
iv. jekk kull nagħġa u mogħża impurtata sarilhiex veterinary certificate?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta irċeviet konsenja waħda min pajjiz Europew. Din il-kunsinna kienet tikkonsisti f'212-il nagħġa u 93 mogħża, destinati għall-bidwi Malti, u mhux għall-qatla. Il-kunsinna kienet akkumpanjata miċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa veterinarja meħtieġa
.
Art agrikola barra minn żoni ODZ – Politiki tal-ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra reviżjoni tal-policies tal-ippjanar sabiex raħħala ġenwini jkunu jistgħu jimmodernizzaw il-faċilitajiet tagħhom f’żoni ODZ, filwaqt li jiġu rispettati l-ħarsien ambjentali u l-użu agrikolu tal-art? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tas-settur?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onorevoili Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija Parlamentari numru 4644.
Tista’ l-Ministru tgħid x’riżultati nkisbu mill-investiment ta’ €12-il miljun fil-Crafts Village f’Ta’ Qali? Tista’ wkoll tindika kemm-il stabbiliment huwa operattiv, kemm-il wieħed għadu magħluq u liema inizjattivi promozzjonali twettqu matul l-2024, l-2025 u l-2026?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.
Birżebbuġa – Il-Qajjenza – Ġnien tal-Komunità – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-Ġnien tal-Komunità fil-Qajjenza, f’Birżebbuġa, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2024? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma nbidlet fi ġnien li qed jitgawda mill-komunità, din iż-żona kienet mitluqa għal kollox tant li għal ħafna snin kienet mimlija skart tal-kostruzzjoni. Il-Qajjenza huwa post urban ħafna li qatt ma kellu post ta’ rikreazzjoni, u bil-ħolqien ta’ dan il-ġnien tajna l-ewwel spazju miftuħ liż-żona, li huwa aċċessibbli għan-nies ta' kull età u abbiltà.
Bħala parti minn dan il-proġett tħawlu diversi siġar u arbuxelli, u biex il-ġnien ikun aċċessibbli għal kulħadd, ġew installati rampi biex jgħaqqdu żewġ toroq maġenb xulxin. Ġew introdotti 200 metru ta’ passaġġi għal-mixi u ġie installat ukoll tagħmir għal-logħob tat-tfal magħmul minn materjal riċiklat. Project Green għadha qed tieħu ħsieb il-kura u l-manutenzjoni tal-ġnien.
L-Għasri, Għawdex – Ġnien Kenn tas-Salvatur – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit ta’ Ġnien Kenn tas-Salvatur, fl-Għasri, Għawdex, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2024? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2024, Ambjent Malta wettqet intervent ta’ riġenerazzjoni fi Ġnien Kenn tas-Salvatur biex ġie mtejjeb l-użu ta’ dan l-ispazju rikreattiv għall-benefiċċju tal-komunità. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tisbiħ ambjentali, installazzjoni ta’ dawl, tagħmir tal-logħob u għamara tal-ġnien. Dan l-intervent sar b’investiment ta’ aktar minn €90,000 biex inħoloq ambjent aktar xieraq, sigur u attraenti għar-residenti u għal dawk kollha li jagħmlu użu minn dan l-ispazju. Kemm qabel ir-riġenerazzjoni kif ukoll wara, dan il-ġnien baqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Għasri.
Ħal Qormi – Ġnien fi Triq il-Wied/Triq l-Għargħar – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-ġnien bejn Triq il-Wied u Triq l-Għargħar, f’Ħal Qormi, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li GreenServ għamlet investiment ta’ madwar €1 miljun biex wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni urbana li permezz tiegħu parti mill-culvert eżistenti tal-ilma tax-xita ġie trasformat fi ġnien pubbliku. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu, fost oħrajn, it-tħawwil ta’ siġar u pjanti aromatiċi, bankijiet, running track ta’ madwar 200 metru, titjib fl-aċċessibbiltà, spazji għall-parkeġġ u sistema għall-użu tal-ilma tax-xita għat-tisqija.
Ħaż-Żabbar – Triq Santa Duminka/Triq Castaldi – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit bejn Triq Santa Duminka u Triq Castaldi, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fl-2023 GreenServ wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni tas-sit li kien jinkludi xogħlijiet strutturali u ta’ tisbiħ, fosthom it-trasformazzjoni taż-żona urbana permezz tal-ħolqien ta’ saqaf aħdar fuq iż-żona ta’ parkeġġ eżistenti. Il-valur tal-proġett kien ta’ madwar €500,000.
Ħaż-Żabbar – Triq Ġużè Pace/Triq Biċċieni – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit bejn Triq Ġużè Pace u Triq Biċċieni, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaqhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li GreenServ, fl-2023 wettqet proġett ta’ riġenerazzjoni fis-sit indikat li kien jikkonsisti fil-ħolqien ta’ saqaf aħdar fuq iż-żona ta’ parkeġġ eżistenti. Il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €447,000.
L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Valutazzjoni tal-alternattivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma ttieħdet kwalunkwe deċiżjoni dwar il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, saritx valutazzjoni tal-alternattivi kollha possibbli, inkluż jekk il-problema identifikata setgħetx tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri oħra ta’ mobilità jew infrastruttura?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saru valutazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet alternattivi, liema soluzzjonijiet ikkunsidraw b’mod partikolari s-sigurtà tal-persuni mexjin f’żona fejn il-bini huwa eżistenti, fejn il-livelli tal-bini eżistenti jridu jinżammu, u fejn hemm ukoll probabbiltà ta’ għargħar.
L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Valutazzjoni dwar is-sigurtà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni dwar is-sigurtà tal-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, fid-dawl tal-fatt li matul l-aħħar 36 sena kien hemm inċident li wassal għall-mewt ta’ persuna, u jekk dan il-fattur ġiex ikkunsidrat fl-analiżi tal-ħtieġa għall-proġett?
L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Proġett tal-bridge - Konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjoni saret mal-Kunsilli Lokali tal-Imsida u tal-Pietà qabel ma ġie kkunsidrat il-proġett tal-bridge propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, u kemm-il darba saru laqgħat uffiċjali ma’ dawn il-Kunsilli u mar-residenti?
L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsilli Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux f’idejh il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsilli Lokali tal-Imsida u tal-Pietà dwar il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà u, jekk iva, jista’ jippreżenta kopja ta’ din il-korrispondenza jew konsultazzjoni lill-Kamra?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Il-Kunsilli Lokali għandhom kull dritt jesprimu u jikkomunikaw pubblikament il-pożizzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet li jolqtu lill-komunitajiet li jirrappreżentaw. Dan huwa dritt demokratiku li għandu jiġi rispettat minn kulħadd, inkluż minn din il-Kamra.
L-Imsida u l-Pietà - Kriterji għall-klassifikazzjoni tal-proġett propost għall-konnessjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji u premessi l-iżvilupp u/jew il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà ġie kkunsidrat bħala ‘minor project’, u jekk saritx valutazzjoni dwar l-impatt kumulattiv tiegħu fuq ir-residenti u l-infrastruttura taż-żona?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorità tal-Ippjanar teżamina u tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp skont il-qafas leġiżlattiv u l-policies fis-seħħ, b’mod partikolari l-Istrateġija għall-Ambjent u l-Iżvilupp tal-2015 (SPED), il-politika u l-gwida tad-DC15, kif ukoll il-Pjanijiet Lokali tal-2006. Dawn il-parametri jservu bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat li kull deċiżjoni tittieħed skont il-kunsiderazzjonijiet u l-kriterji rilevanti tal-ippjanar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar il-carrying capacity tal-Imsida matul l-aħħar tliet snin, partikolarment fir-rigward tal-popolazzjoni, l-iżvilupp residenzjali, it-traffiku, l-infrastrutturam, is-servizzi pubbliċi u l-iskart? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ dawn l-istudji u jgħid meta ġew ippubblikati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onorevoili Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija Parlamentari numru 2010.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1905 u jgħid kemm investa l-Gvern f’taħriġ marittimu mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-investiment totali tal-Gvern fit-taħriġ marittimu, għall-perjodu bejn l-2022 u l-2026, jammonta għal €151,320.22 għas-sena 2022, €63,845.84 għas-sena 2023, €68,295.79 għas-sena 2024, €162,169.46 għas-sena 2025 u €19,606.58 għas-sena 2026. Dawn l-ammonti jirriflettu n-nefqa totali relatata mat-taħriġ marittimu għas-snin rispettivi.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1903 u jgħid kemm-il spezzjoni Port State Control (PSC) saret f’Malta mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena, u x’kienet ir-rata ta’ detenzjoni?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, matul il-perjodu mill-2022 sal-lum, twettqu total ta’ 883 spezzjoni f’Malta fil-qafas tal-Port State Control, li rriżultaw f’rata medja ta’ detenzjoni ta’ 3.85%.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1899 u jgħid jekk il-Gvern ippreżentax dokumenti jew data lill-Kummissjoni Ewropea biex juri l-impatt sproporzjonat tal-EU Emissions Trading System (EU ETS) fuq Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
EU Emissions Trading System – Studju dwar l-impatt ekonomiku
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1898 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u jgħid jekk sarx studju mill-Gvern dwar l-impatt ekonomiku tal-EU Emissions Trading System (EU ETS) fuq Malta bħala Stat gżira? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta għar-reviżjoni tal-EU ETS għadha qed tiġi diskussa fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. F’dawn id-diskussjonijiet, Malta saħqet fuq il-ħtieġa li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna bħala Stat gżira, b’mod partikolari d-dipendenza tiegħu fuq il-konnettività marittima u bl-ajru. Sabiex ma tiġix ippreġudikata l-pożizzjoni ta’ Malta f’dawn id-diskussjonijiet, f’dan l-istadju l-Gvern mhux f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1897 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u tgħid kemm hi l-medja ta’ stennija biex jiġu installati charging points pubbliċi ġodda wara li jkunu ġew approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, minn meta jinħareġ il-permess għax-xogħlijiet fit-triq, ix-xogħlijiet meħtieġa biex jiġi installat punt tal-iċċarġjar pubbliku għall-vetturi elettriċi (EV) normalment jieħdu madwar 18-il ġimgħa. Dawn iż-żminijiet jistgħu jvarjaw skont ċirkostanzi li jistgħu jaffettwaw il-progress tax-xogħlijiet.