Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema — Tignè Sea Front - wine bar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema permessi għandu l-istabbiliment li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li bħalissa qed jopera bħala ristorant, wine bar u b’mużika għaddejja sal-4.00am li tħarbat il-ħajja tal-ġirien fil-blokk residenzjali fejn jinsab miftuħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-istabbiliment li d-dettalji tiegħu ġew provduti separatament mal-mistoqsija għandu permess biex jiftaħ sa l-erbgħa. Dan il-permess ingħata fit-13 t’April 2009 wara li l-applikant kien issottometta l-applikazzjoni f’dan is-sens fis-26 ta’ Jannar 2009. Dan il-permess ġie approvat wara li d-Diviżjoni għall-Kummerċ kitbet lil-Awtorita Maltija tat-Turiżmu u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex skond Regolament 38 paragrafu 2 jindikaw fi żmien 60 ġurnata il-pożizzjoni tagħhom rigward din l-applikazzjoni. Fi żmien stipulat id-Diviżjoni rċeviet tweġiba mingħand l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu li ma kellha ebda oġezzjoni għall-applikazzjoni in kwistjoni. Min-naħa l-oħra ma rċeviet l-ebda tweġiba mingħand il-Pulizija fl-istess żmien. Dan skond l-istess Regolament tal-Liġi għandu jittiehed li l-Pulizija approvaw l-applikazzjoni. Hawnhekk tajjeb ta’ min isemmi li skond Regolament 38 – 2d “L-operat ta’ post kummerċjali liċenzjat biex jiftaħ għall-kummerċ mis-1.00 a.m. sa l-4.00 a.m. ma għandux matul dawk is-sigħat joħloq fastidju jew inkonvenjenza lill-viċini b’xi xorta ta’ ħoss li jinstema’ minn barra l-post jew b’xi mezz magħmul minn ġewwa jew min barra tal-post” Barra min hekk Regolament 38 – 2e jagħti l-poter lill-Pulizija biex jieħdu azzjoni jekk ikun hemm ksur ta’ provediment. Fl-aħħarnett Regolament 38 – 3 jipprovdi li l-Kummissarju tal-Pulizija jista’ jikteb lid-Diviżjoni li f’każijiet ta’ ksur ta’ provedimenti tista’ tirrevoka l-permess.

Minister tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — skemi u inizjattivi għall-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-ministeru tiegħu fejn jidħlu kunsilli lokali? X'kuntatt hemm bejn il-ministeru tiegħu u l-kunsilli lokali? X'inizjattivi/skemi għandu l-ministeru tiegħu vis-a-vis il-kunsilli lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpelleant illi l-politika tal-Minsteru tal-Finanzi fejn jidħlu l-Kunsilli Lokali hi waħda ta’ appoġġ kontinwu. Kif żgur innota l-Onorevoli Interpellant mill-inizjattivi meħuda fil-budget, ġiet mgħoddija allokazzjoni diretta lill-Kunsilli Lokali ta’ €31.5m biex iżidu fl-inizjattivi u x-xogħolijiet fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex. Il-Kunsilli lokali jaqgħu taħt ir-responsabilta ta’ l-Uffiċju tal-Prim Ministru fejn jeżistu ukoll diversi skemi u inċentivi anke bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea.

Air Malta — Sospensjoni ta' Purser

Question

Jista' l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 12334, li originarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa giet riferuta lilu, u ċioe: Jikkonferma l-Ministru l-istorja li dehret fil-gazzetti li purser tal-Air Malta ġie sospiż u qed jiġi investigat dwar il-fatt li tella’ ż-żewgt itfal tiegħu fuq titjira għal Catania mingħajr ma nforma lill-awtoritajiet jew lill-kaptan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhuwiex prudenti li wieħed jitkellem fuq każ ta’ dixxiplina meta dan ikun għadu għaddej sabiex ma jiġux ippreġudikati l-interessi ta’ ħadd. Ta’ min wieħed jinnota li ir-rapport fil-gazzetta li irrefera għalih l-Onorevoli Interpellant, ma kienx komplet fir-rappurtaġġ tiegħu.

Persuni mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea residenti f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienu qed jgħixu f'Malta jew f'Għawdex fis-sena 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 410,290 persuna jgħixu f’Malta fl-1 ta’ Jannar 2008. Minnhom 394,830 kienu Maltin. 10,660 kellhom ċittadinanza Ewropea u minn dawn, 8,188 oriġinaw mill-Istati Membri ta’ l’Unjoni Ewropea. Naturalment, din iċ-ċifra teskludi l-Maltin.

ftehim dwar ġarr ta' merkanzija u passiġġieri bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta jiġi fi tmiemu l-ftehim preżenti għall-ġarr ta' merkanzija u passiġġieri bejn Malta u Għawdex? X'inhu mistenni li jiġri meta dan il-ftehim jasal fl-aħħar tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

fabbriki — ħlas b'lura tal-kirja tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12338 u jgħid kemm hemm fabbriki li qegħdin lura fil-ħlas tal-kirja tagħhom? Kemm ilha żmien (snin) l-aktar waħda li ilha ma tħallas? X’inhi s-somma globali li l-Gvern irid jiġbor?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fabbriki li huma lura fil-ħlas jammontaw għal 243. L-aktar waħda ilha ma tħallas mill-1999. B’kollox għandhom jinġabru €9.5m. Dawn huma magħmulin minn kirjiet li kellhom jinġabru sa’ 2003 (€3.6m) u kirjiet mill-2004 ‘l hawn (€5.9m). Ta’ min isemmi hawn li għadha kemm twaqqfet Debtors Committee biex ittejjeb l-istrateġija u l-proċess ta’ ġbir tal-kirjiet u tissorvelja dan il-proċess.

Żoni Industrijali — fabbriki vojta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12337 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm fabbriki vojta fiż-żoni industrijali f’Għawdex? Sa liema sena kienet tintuża kull waħda, x’kienet tipproduċi u kemm kienet tħaddem nies?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fiż-żona industrijali ta’ Għawdex amministrata mill-MIPL hemm żewġ fabbriki li jinsabu vojta. L-aħħar li ntużaw kien waħda f’Ġunju ta’ l-2005 u l-oħra f’Diċembru 2006. Dawn il-fabbriki kienu jipproduċu ‘auto switches’ u ‘prodotti tar-rubber’ rispettivament. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Isla — maċina - twaqqiegħ ta' binja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10618, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid hekk hemmx il-ħsieb li l-binja fejn qabel kien hemm il-bar tal-maċina u xi uffiċini fuqu, l-Isla, tiġi mwaqqa' u tinkixef il-fortifikazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-bini tal-Maċina inkluż fejn qabel kien hemm il-bar u l-uffiċini huma mogħtija b’ċens temporanju lil terzi.

Dan Jean Vanier, Dar l-Arċipriet Degrabriele u Dar Nazaret — forma ta għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Dar Jean Vanier, Dar l-Arċipriet Degabriele u Dar Nazaret ingħatawx xi forma ta' għajnuna finanzjarja mill-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba li jeżistu forom ta’ għajnuniet differenti li jista’ jagħti l-Gvern, qed nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika liema tip ta’ għajnuna u perjodu speċifiku li għalihom qed jirreferi.

Fondi Ewropej — programm finanzjarju - proġetti u miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa kull sena sal-lum taħt il-programm finanzjarju 2007-2013? Jista’ jgħid fuq liema proġetti/miżuri eċċ. tħallsu u kemm tħallsu fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Għawdex — applikazzjonijiet għal workshops għal garage industry

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal art u/jew għal workshops għal garage industry f'Għawdex? Meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet? Kemm minnhom huma approvati? Meta ġew approvati? Għaliex għadhom ma ngħatawx art/workshop? Kemm huwa mistenni li joħolqu impjiegi l-proġetti approvati? Dawk li ma ġewx approvati għaliex għadhom ma ġewx ipproċessati? Kemm huwa mistenni li joħolqu impjiegi dawn il-proġetti li għadhom mhumiex approvati?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Setturi tradizzjonali tal-manifattura — siti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Industrial Parks sabitx siti ġodda sabiex talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali tal-manifattura f’Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-MIP qegħda taħdem sabiex fi żmien qasir toħroġ sejħa pubblika għal iżvilupp permezz ta’ Public Private Partnership tas-sit magħruf bħala tal-Barmil fix-Xewkija Għawdex biex taqdi d-domanda għal spazju industrijali f’Għawdex.

Għawdex — Xewkija - micro-enterprise park fi Triq il-Madonna tar-Rummiena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa fuq il-proġett għall-bini ta’ micro-enterprise park fi Triq il-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija Għawdex? Meta huwa mistenni li jibda x-xogħol fuqu? Meta hu mistenni li jitlesta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12744,

Konsulenza mill-Bank Ċentrali ta' Malta

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11694, jista' l-Ministru jkompli jwieġeb il-mistoqsija u ċioe jagħti breakdown, każ b'każ, dwar a) lil min ingħataw? b) b'liema ħlas? Qed nitlob ukoll, każ b'każ, meta u fejn ġiet ippubbliċizzata s-sejħa għall-offerti għal dawn il-konsulenzi kif indikat it-twegiba ta' qabel. Meta u fejn ma saritx, x'kienet ir-raġuni għal dan? Jista' jgħid kif isir il-proċess ta' skrutinju msemmi fil-ħatra tal-konsulenzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-konsulenzi li ngħataw mill-Bank Ċentrali ta’ Malta fis-snin 2006, 2007, 2008 huma dettaljati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward il-każijiet fejn ma sarux sejħiet għall-offerti, r-raġuni hija ibbażata fuq l-element ta’ kompetenzi rikjesti mill-Bank li ħafna drabi jkunu ta’ natura speċjalizzata u li allura l-għażla tkun ferm limitata. L-għażla ssir wara proċess ta’ skrutinju u awtorizazzjoni kif jitolbu r-regoli tal-Bank u fuq il-bażi ta’ l-esperjenza li joffri l-konsulent. Għaldaqstant, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll id-dokument Policies and Procedures tal-Bank Ċentrali ta’ Malta illi jirregola dan il-proċess.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Ċifri ta' flus f'konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'ċifra ta' flus f'konsulenza mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħtu matul din is-sena s'issa? Jista' jipprovdi breakdown lil min tħallsu u kemm hija ċ-ċifra ta' flus dovuta sa l-aħħar tas-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

AngelouEconomics — Vision 2015

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ntgħażlet il-kumpanija AngelouEconomics sabiex tlaħħam il-Vision 2015 tal-Gvern Malti f’diversi oqsma? Kemm u liema kumpaniji oħrajn ta' konsulenza ġew konsidrati u short listed qabel saret l-għazla finali?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Investiment barra l-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12113 u jgħid kemm kien l-investiment matul din is-sena, xahar b’xahar? Kemm kien l-investiment li sar minn barra l-pajjiż matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm inħolqu impjiegi minħabba dan l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Żieda għall-għoli tal-ħajja — żieda fl-income tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-familji li minħabba ż-żieda għall-għoli tal-ħajja mħabbra fl-aħħar budget, se jibdew iħallsu l-income tax jew se jinqabdu f'kategorija ogħla ta' income tax?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

inizjattivi proposti mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwettqu dawn l-inizjattivi proposti mill-Unjoni Ewropea: a) Enterprise Europe Network? b) Your Europe - Business? ċ) European Private Company (EPC) statute? d) General Block Exemption Regulation on State Aid? e) Late Payments Directive? f) reduced rate of VAT fuq servizzi lokali labour intensive g) leġislazzjoni f'forma ta' Small Business Act? X'inhuma t-timeframes f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Persuni f'riskju ta' faqar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) wasal għall-konklużjonijiet tiegħu li fl-2007 f’Malta u Għawdex kien hemm 57,444 persuna f’riskju tal-faqar? Dawn il-persuni huma individwi jew kapijiet ta' familja? F’liema lokalitajiet joqogħdu dawn il-persuni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din il-figura ġiet ikkalkulata permezz ta’ l-Istħarriġ dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (Survey on Income and Living Conditions, SILC) ta’ l-2007. Dan l-istħarriġ ilu jsir f’Malta kull sena mill-2005 u jkopri kampjun ta’ persuni li jgħixu f’residenzi privati f’Malta u Għawdex. Il-metodoloġija użata mill-NSO hija skond ir-regolamenti tal-Eurostat. Fis-SILC il-parteċipanti huma mitluba, fost affarijiet oħra, li jwieġbu numru ta’ mistoqsijiet dwar id-dħul tagħhom. B’hekk għal kull familja magħżula fis-SILC jista jiġi kkalkulat d-dħul nett. Għal kull familja jrid jigi kkalkulat ukoll id-daqs tagħha b’mod illi jirrefletti mhux biss in-numru ta’ persuni imma anke il-komposizzjoni tal-familja. Għal dan il-għan jintuża l “ modified OECD” equivalence scale li jagħti : – weight ta’ 1.0 għall-ewwel persuna adulta fil-familja; – weight ta’ 0.5 għal kull persuna oħra fil-familja li ghandha 14-il sena jew iktar; – weight ta’ 0.3 għal kull tifel u tifla fil-familja. Meta jingħaddu flimkien dawn il- weights għal kull familja, ir-riżultat jissejjaħ l- equivalent household size . Per eżempju familja magħmula minn żewġ adulti u tifel ta’ 10 snin għandha equivalent household size ta’ 1+0.5+0.3 = 1.8. B’hekk jista’ jiġi kkalkulat l- equivalised disposable income billi wieħed jiddividi id-dħul nett tal-familja bl- equivalent household size ta’ l-istess familja. Dan l- equivalised disposable income huwa mehmuż ma’ kull individwu f’dik il familja u jirrappreżenta d-dħul ta’ kull persuna. Il-livell li jiddetermina min hu f’riskju ta’ faqar huwa ekwivalenti ghall-60 fil-mija tal- median national equivalised disposable income tal-persuni kollha li jgħixu f’residenzi privati. Fis-SILC 2007 dan il-livell, magħruf bħala at-risk-of-poverty threshold kien ta’ €5,477. Kull persuna li ghandha equivalised disposable income taħt dan il-livell titqies li qegħda f’riskju ta’ faqar. Fis-SILC 2007 irriżulta li kien hemm 57,444 persuni li jaqgħu taħt dan il-livell u li ghalhekk huma f’riskju ta’ faqar. Dawn il-persuni huma individwi u mhux biss kapijiet tal-familji, u huma mifruxa f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Din it-tabella turi n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar skond id-distrett li jgħixu fih, kif ikkalkulat fis-SILC 2007: Distrett Numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar Irġiel Nisa Total Southern harbour 6,380 6,590 12,970 Northern harbour 7,250 8,390 15,640 South Eastern 4,230 4,070 8,300 Western 3,210 3,300 6,510 Northern 3,940 4,630 8,570 Gozo & Comino 2,580 2,870 5,450 Total 27,590 29,850 57,440