Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' vetturi bil-Q, Z, K u Y li ġew reġistrati kull xahar bejn Marzu 2007 u Awwissu 2008? Kemm ġew reġistrati muturi fl-istess perijodu ta' żmien? Kemm hu llum in-numru ta' vetturi reġistrati f'Malta u f'Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il- Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarja biex il-kuntrattur li ħadem għal Enemalta fuq il-bankina ta' Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, jirranġa sew din l-istess bankina li ħalliha mhix kompluta b'ħafna biċċiet imtajra, bejn l-uffiċju tal-Kunsill Lokali u l-bank HSBC?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT qed tiċċekja l-imsemmi ilment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn community technology learning centres u kemm kienet il-medja ta' l-attendenza f'kull ċentru f'dawn l-aħħar sentejn għal kull ċentru separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-issa hemm għaxar ċentri mwaqqfin.
Bejn l-2007 u l-2008 kien hemm madwar 2400 persuna li spiċċaw b’suċċess xi wieħed mill-korsijiet (myWeb u myWeb Plus) li jorganiżża l-Ministeru f’dawn iċ-ċentri. Dan mistenni jitla’ għal madwar 3000 persuna sa l-aħħar tas-sena. Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal kull ċentru speċifiku minħabba l-mod ta’ kif din tiġi miġbura.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' materjal qed jinġarr fuq il-vapur bejn Għawdex u Malta ġo bowsers li jkunu ġejjin mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-materjal li qed jinġarr huwa prinċipalment sludge solidu, qisu ħamrija. Dan l-isludge huwa stabiliżżat fil-proċess u b’hekk jista’ jinġarr fuq il-vapur, mingħajr restrizzjoni. Il-ġarr qed isir permezz ta’ kontenituri issiġġillati, sabiex tiġi assikurata li ma jkun hemm l-ebda inkonvenjent ta’ rwejjaħ waqt it-traġitt.
Numru ta' Abbonati — servizz tat-telefon ċellulari u internet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx xi forma ta' rekord/statistika dwar in-numru ta' abbonati u dwar l-użu tas-servizz tat-telefon ċellulari u ta' l-internet? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid f'dawn l-aħħar tliet snin, sena b'sena, kemm kien in-numru ta' abbonati fis-servizz (a) tat-telefon cellulari, kemm kien in-numru ta' calls u SMSs u (b) fis-servizz tal-internet u kemm kien in-numru ta' emails eċċ. mibgħuta kull sena minnhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' spot checks minn uffiċjali ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, madwar Malta matul dawn l-aħħar 12-il xahar? F'liema lokalitajiet saru dawn l-inspections? Jista' jgħid jekk f'Għawdex sarux spezzjonijiet bħal dawn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li saru 1779 "spotchecks" f'dawn il-lokalitajiet: Attard, B'Kara, Baħar iċ-Ċagħaq, Birżebbuġia, Buġibba, Burmarrad, Ċirkewwa, City Gate, Corradino, Fgura, Floriana, Għar Dalam, Gudja, Ħal Far, Luqa, Magħtab, Marsa, Marsaskala, Mġarr, Mosta, Mqabba, Naxxar, Paceville, Pieta', Saqqajja, Sliema, San Pawl il-Baħar, Ta' Kandja, Ta' Qali, Tarġa Gap, Telgħa t'Alla w'Ommu, Xemxija, Żabbar, Żebbiegħ, Żebbuġ, Żurrieq.
Rigward Għawdex ninsab infurmat li "spotchecks" bħal dawn saru.
LIċenżja tas-sewqan — Studenti li m'għaddewx mit-Teorija u prattika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għal-liċenzja tas-sewqan u m'għaddewx mit-theory u għaddew wara t-tieni u t-tlielet darba konsekuttiva? Kemm m'għaddewx mill-prattika bl-istess manjiera?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm idaħħal flus il-gvern mil-liċenzji tal-vetturi tal-art minn muturi, karozzi u trakkijiet separatament? Jista' jgħid fiex jintużaw dawn il-flus?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' persuni 'l fuq minn sittin sena? Kemm minnhom huma nisa u irġiel? Kemm minn din il-popolazzjoni hija maħsuba li tmiss mal-linja tal-povertà?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Peress li r-residenti ta' Triq Ċanga, Xewkija, Għawdex li ħafna minnhom huma anzjani qed jilmentaw għax qed jgħaddu l-karozzi b'ċertu velocità u li qed joħloq perikolu għal dawn l-anzjani, jista' l-Ministru jara jekk issirx sinjaletika li tgħid lis-sewwieqa jnaqqsu l-velocità u anke jiżdiedu l-humps f'din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament għaddejjin diskussjonijiet bejn L-ADT u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija sabiex tiġi installata Road Hump oħra ġewwa Triq Ċanga u anke jiġu installati tabelli li jindikaw l-massimu ta' veloċità ġewwa l-istess triq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2764 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiemnt u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien in-numru ta’ emigranti minn Għawdex u kemm emigranti ġew lura Għawdex fl-2006 u fl-2007 rispettivament, maqsumin f’nisa u rġiel?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-vertical connections li kien wasal għar-rizoluzzjoni parlamentari qabel il-parlament aġġorna qabel l-elezzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma kienx sodisfatt bit-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim dwar il-proġett u qed jerġa jevalwa l-pożizzjoni tiegħu biex isservi tassew l-oġġettivi tal- proġett.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fil-pjanijiet tal-Awtorità dwar it-Trasport li l-multi level junction li għandu jsir minflok ir-roundabout tal-Kappara isir fis-sentejn li ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Gvern għandu quddiemu l-għażla ta' liema partijiet mit-toroq fuq it-Ten - T network ta' Malta għandhom jiġu prijoriżżati. Il-porzjon tat-triq li jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi waħda minn dawk l-għażliet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2603 u jgħid jekk kienx hemm xi ħlas f'arettrati matul din is-sena mill-Awtorità Marittima Maltija?
Kemm kien l-ammont gross tal-arrettrati li ħadu dawn il-persuni matul din is-sena, impjegati mal-Awtorità :
a) Executive Directors
b) CEO
ċ) Financial Controller?
Jista' jsemmi min huma dawn l-individwi?
Kif ġiet ikkalkulata din is-somma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ammont gross f'arretrati li tħallas fi Frar ta' din is-sena lill-persuni indikati fil-mistoqsija huwa kif ġej:
CEO Lm20,028 (€46,653)
Executive Directors Lm16,355 (€38,097)
Financial Controller Lm16,355 (€38,097)
Dawn l-arretrati jirrapreżentaw it-total tad-differenza bejn is-salarju li kien tħallas matul is-snin 2000-2008 u s-salarju l-ġdid li ġie rivedut u approvat fi Frar 2008.
Jista’ l-Ministru jgħid liema ligi tigi applikata biex persuni li jkunu għaddew minn operazzjoni ta’ gender re-alignment ma jkunux jistgħu jiżżewwġu lil persuni tas-sess oppost galadarba l-istat jagħraf uffiċjalment l-istatus ġdid tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li-liġi u regolamenti li japplikaw huma r-regolamenti ta’ l-Att Dwar Iż-Żwieġ (Kap 255 – Liġijiet ta’ Malta) li japplikaw għal kull persuna li trid tapplika għat-tnidijiet taż-żwieġ ġewwa Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-eżaminaturi li jagħmlu l-eżamijiet lil dawk li jersqu għal-liċenzja tas-sewqan għandhomx ċertifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol? Jekk fl-affermattiv, minn fejn jew mingħand min ġabu dawn iċ-ċertifikati? Xi grupp ta' liċenzja għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-disa' eżaminaturi li jagħmlu l-eżamijiet lil dawk li jersqu għal liċenzja tas-sewqan għandhom iċ-ċertifikati meħtieġa maħruġa mill-Awtorita’ dwar it-Trasport.
Dawn għandhom dawn il-liċenzji:-
Kategorija A (A, A+, A1) 5 Eżaminaturi
Kategorija B (B, B1, B Awto) 9 Eżaminaturi
Kategorija C 5 Eżaminaturi
Kategorija C+E 2 Eżaminaturi
Kategorija D (D, D1) 3 Eżaminaturi
Kategorija F 3 Eżaminaturi