Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-VAT — dħul minmulti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13174 u jgħid kemm kien id-dħul mill-multi li ħareġ id-Dipartiment tal-VAT matul din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ multi ġġenerati mid-Dipartiment tal-VAT matul din is-sena kien ta’ € 8,295,793.45 li minnhom tħallsu € 333,282.02.

Rabat — Casino Notabile

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu magħluq il-Casino Notabile ħdejn Triq is-Saqqajja, ir-Rabat u jekk dan attwalment jappartjenix lill-Gvern, skont kif jien infurmat? Jidhirlu l-Ministru li huwa ħasra li bini daqstant eleganti u simpatiku qed jitħalla abbandunnat u jiddeterjora? Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-Casino Notabile huwa proprjetà tal-Gvern liem’ proprjetà ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali Mdina fl-2005. Għaldaqstant, ir-responsabbilita’ tal-użu u l-manutenzzjoni ta’ dan il-bini hi tal-Kunsill.

Dipartiment tal-Artijiet — ħsarat strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-proprjetà, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienet derekwiżizzjonata fl-1990 u suppost li ingħatat lis-sidien fi żmien ġimgħa, baqgħet tkun okkupata illegalment mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u sarulha ħsarat strutturali? Jista' jara li d-Dipartiment jibgħat perit biex jikkonferma l-istat ta' din il-proprjetà illum? Jista' d-Dipartiment ta' l-Artijiet isewwi l-ħsarat li kkawża f'din il-proprjetà biex din tkun abitabbli mill-ġdid mis-sidien tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ħwienet u negozji li għalqu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għalqu ħwienet u negozji bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jgħid dawn in-negozji f'liema mestier kienu?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

ħwienet u negozji li fetħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fetħu ħwienet u negozji bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jgħid dawn in-negozji f'liema mestier kienu?

Response (FENECH, TONIO)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Hemm Entitajiet oħra illi jilliċenzjaw negozji li jaqgħu taħt Ministeri oħra. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeri kkonċernati sabiex ikollu l-istampa sħiħa.

Applikazzjonijiet pendent għal negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għal negozji li jħaddmu iktar minn persuna waħda, imma mhux iktar minn għaxar persuni sa Settembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni msemmija mill-Onorevoli Interpellant ma tintalabx lill-applikanti. Għaldaqstant ma tistax tingħata l-informazzjoni għax ma tinġabarx.

Applikazzjonijiet pendenti għal negozji u fabbriki

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jiftħu negozji/fabbriki jew xi tip ta' negozju ieħor sal-aħħar ta' Settembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa, fi ħdan il-Malta Enterprise, hemm total ta` 17 –il proġett pendenti. Dawn jikkonsistu f’talbiet għal fabbriki jew inċentivi oħra. Id-Diviżjoni għall-Kummerċ għandha tnax (12) -il applikazzjoni għal transfer ta' liċenza. Barra minhekk għandha tlettax (13) -il applikazzjoni għal liċenza fis-settur tal-manifattura li qegħdin jistennew reazzjoni mill-applikant u tmienja u tletien (83) applikazzjoni oħra għan-negozji (mhux ta' manifattura) li wkoll qegħdin jistennew risposta mingħand l-applikant. Sa Settembru 2009, hemm 137 applikazzjonijiet pendenti biex jingħataw liċenzji sabiex joperaw kumpaniji tar-Remote Gaming. Hemm entitajiet u ministeri oħra li joħorġu liċenzi lil negozji varji. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat sabiex ikollu stampa sħiha.

Applikazzjonijiet pendenti ta' tkabbir ta' fabbriki u negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn applikazzjonijiet pendenti ta' tkabbir ta' fabbriki jew negozji li diġà jeżistu sal-aħħar ta' Settembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Malta Enterprise u l-Malta Industrial Parks għandhom 14–il applikazzjoni pendenti. - 8 applikazzjonijiet għall-espansjoni; - 6 applikazzjonijiet għall-proġetti ġodda.

bini ta' aktar fabbriki fl-oqsma industrijali

Question

Billi ġie indikat fil-media li hemm xi 12-il fabbrika vojta fl-oqsma industrijali, jista' l-Ministru jgħid kif jinkwadra dan kollu mat-talba li approvat l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-bini ta’ aktar fabbriki, jew dan huwa dovut għal xi domanda li għandha in the pipeline il-Malta Enterprise? Kemm mill-fabbriki l-ġodda se jkunu custom built?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-fabbrika vojta fl-oqsma industrijali huma meħtieġa biex ikun hemm stokk għall-ħtiġijiet u għaċ-ċaqlieq li jkun hemm bżonn minn żmien għal żmien skont id-domanda għal dan l-ispazju flimkien ma’ investiment ġdid. Fl-istess ħin l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tapprova żvilupp ta’ fabbriki kemm f’oqsma industrijali pubbliċi u kemm dawk privati. Hemm ukoll żvilupp ta’ oqsma fuq art privata li jirriżulta minn eżerċizzju li kien sar numru ta’ snin ilu u li dan jakkomoda fabbriki żgħar (garage industries). Normalment fabbriki pprovduti mill-Malta Industrial Parks huma ta’ daqs akbar. Dawn kultant jinqasmu biex jipprovdu spazju għal aktar minn investitur wieħed. Dan it-tip ta’ qsim jiddependi mill-qież tal-fabbrika, mill-konfigurazzjoni tagħha, mill-ħtiġijiet tal-kerrej il-ġdid, kif ukoll minn konsiderazzjonijiet oħra ta’ ippjanar, ta’ struttura u ta’ operat tal-intrapriżi l-ġodda. Ġieli jinstab wkoll li għal diversi raġunijiet ikun aktar ekonomiku li fabbrika titwaqqa u tinbena oħra jew oħrajn ġodda minflokha. F’sitwazzjoni bħal din dejjem ikun hemm applikazzjoni lil MEPA għal dan ix-xogħol. Il-fabbriki custom built issir applikazzjoni separata u individwali għal kull każ skont il-bżonn. Dawn ikunu f’diversi stadji ta’ preparazzjoni kemm qabel u kemm waqt l-ipproċessar mill-MEPA għax jirrekjedu informazzjoni varja. Kif wieħed jista’ japprezza, minn dawn ma jkunx hemm kwantitajiet kbar iżda dejjem ikun hemm minn fabbrika sa tnejn (kultant aktar, bħal f”Ħal Far) f’kull qasam speċjalment dawk kbar.

pjan ta' azzjoni għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni mħabbar fil-budget għas-sena 2009 f'paġna 81 fejn il-Malta Enterprise u l-Ministeru għal Għawdex kellhom joħolqu pjan ta' azzjoni flimkien għall-promozzjoni ta' Għawdex għall-investiment u l-ħolqien ta' l-impiegi? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema Għawdxin li kienu jaħdmu f'Għawdex xahar b'xahar matul is-sena 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13106.

Malta Enterprise — pagi u salarji - informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-pagi/salarji inkluż allowances tal-Management, Chairman u Chief Executive Officer tal-Malta Enterprise?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara x’irid jgħid bil-kelma Management.

Investiment barra l-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13145, 12932, 12768 u 12113 u jgħid kemm kien l-investiment matul din is-sena, xahar b’xahar? Kemm kien l-investiment li sar minn barra l-pajjiż matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll kemm inħolqu impjiegi minħabba dan l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

fabbriki — ħlas b'lura tal-kirja tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fabbriki li qegħdin lura fil-ħlas tal-kirja tagħhom? Kemm ilha żmien (snin) l-aktar waħda li ilha ma tħallas? X’inhi s-somma globali li l-Gvern irid jiġbor?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12846.

Vot Kapitali Nru VIII items

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm flus maħsuba għall-industrija f’Għawdex għall-2010 taħt il-Vot Kapitali Nru VIII Items 7211(i), (ii),(iii),(iv), 7280, 7101, 7096 u 7274 rispettivament? Jista’ jgħid għal liema skop huma maħsuba f’kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13228.

ċirkostanzi partikulari — ekonomija dinjija - inċentivi għal min joħloq impjiegi produttivi ġodda

Question

Billi l-budget għas-sena d-dieħla qed jagħmel enfasi qawwija fuq il-ħolqien tax-xogħol, ħaġa ferm importanti fiċ-ċirkostanzi partikolari li għaddejja minnhom l-ekonomija dinjija, jista' l-Ministru jagħti xi dettalji oħra, iktar minn dawk imsemmija fil-budget, biex jingħataw inċentivi għal min joħloq impjiegi produttivi ġodda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-baġit 2010 ippreżenta pjan komplet għar-reġenerazzjoni ta’ l-ekonomija. Il-miżuri imsemmija hawn taħt juru l-inizzjattivi li jistimulaw il-ħolqien ta’ imjiegi ġodda. 1. Skema ġdida li tipprovdi 40 % krediti fuq taxxa lil intrapriżi ta’ daqs mikro. Dawn il-krediti ta taxxa ser ikunu bbażati investimenti u fuq il-paga tal-impjiegi ġodda (inklużi ukoll apprentisti) li jiġu maħluqa matul l-2010 u l-2011. Fil-każ ta kumpaniji ta’ daqs mikro, Għawdxin, il-krediti fuq taxxa ser ikollhom livell ta’ intensità għola b’20%. (60 %) 2. Fond ta’ riserva ta €2.5 miljun, ġie krejat biex jassisti kumpanniji li jiffaċċaw diffikultajiet temporanji. F’każijiet bħal dawn, l-assistenza tingħata lil dawk il-kumpanniji li jkollhom potenzjal għall-futur. Din il-miżura ser tassikura iż-żamma ta’ impjiegi għal futur qarib, kif ukoll twassal għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda fuq medda aktar fil-bogħod; dan dejjem għax l-assistenza tingħata lil kumpanniji li għandhom pjan li jkomplu jinvestu u li joħolqu mpjiegi ġodda. 3. L-iskemi ERDF amministrati mil-Malta Enterprise ser jiġu miżjuda b’€7 miljun għal total ta €37 miljun. Dawn ser jiġu maqsuma fuq is-7 skemi taħt l-ERDF. Huwa ppjanat li dawn il-fondi ser jiġu approvati kollha sa l-aħħar ta l-2010 u jkunu ta’ stimulu għal aktar attività ekonimika u tkattir ta’ xogħol. 4. Il-Malta Enterprise ser twessa’ l-eliġibilità tal-programm Investment Aid sabiex tattira aktar investiment barrani lejn Malta. Il-miżuri l-ġodda jinkoraġġixxu kumpanniji kbar sabiex jibdew l-operat ġdid taghħom f’setturi varji, fosthom Back Office Services ; Call Centres u shared services; Design; Digital Gaming; Global marketing; prototyping; internet publication and creative industries . L-inċentivi offruti mill-Malta Enterprise f’dawn is-setturi ser jiffukaw fuq il-ħolqien ta’ impjieg. F’ċertu ċirkostanzi, partikolarment fejn l-assistenza fuq investiment mgħotija tkun għotja ta’ flus minflok inċentiv fiskali, l-għotja ser tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ numru minimu ta’ impjiegi ġodda. 5. L-allokazzjoni għall-inċentivi tal-Malta Enterprise qed tiġi miżjuda għal €9 miljun. Il-ħolqien ta impjiegi ġodda huwa wieħed mill-kriterji prinċipali li fuqhom il-Malta Enterprise tapprova għotja ta’ fondi u inċentivi. 6. Eżenzjoni mill-Income tax fuq dħul miġjub minn propertà intelletwali. Dan ser jgħin sabiex Malta tkun post aktar attrajenti fejn wieħed jagħmel żviluppi fl-innovazzjoni, kif ukoll riċerka u żvilupp. Il-miżuri speċifiċi imsemmija hawn fuq, huma sostenuti b’inċentivi u inizzjattivi oħra li l-iskop tagħhom hu li jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjieg: - investiment ta’ €11 miljun f’Science Park ġdid; - investiment ta’ €16 miljun għall-iżvilupp u titjib taz-żoni industrijali.

ftehim dwar ġarr ta' merkanzija u passiġġieri bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta jiġi fi tmiemu l-ftehim preżenti għall-ġarr ta' merkanzija u passiġġieri bejn Malta u Għawdex? X'inhu mistenni li jiġri meta dan il-ftehim jasal fl-aħħar tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-servizz ta’ ġarr ta’ merkanzija u passiġġieri bejn Malta u Għawdex jiġi fi tmiemu fis-16 ta’ April 2010. Il-Gozo Channel Company Limited offriet dan is-servizz għal dawn l-aħħar tletin sena. Biex Malta tkun konformi ma’ liġijiet u regolamenti ta’ kompetizzjoni huwa meħtieġ li dan is-servizz jiġi liberaliżżat. Peress li huwa maħsub li m’hemmx lok għal aktar minn operatur wieħed, l-element ta’ kompetizzjoni se jiġi ntrodott billi jintalbu offerti minn min hu nteressat joffri s-servizz għal numru determinat ta’ snin, naturalment b’kundizzjonijiet li jitqiesu vantaġġużi għall-konsumatur u b’kunsiderazzjoni lejn il-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi partikolarment dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ Għawdex u l-Għawdxin. It-talba għal dawn l-offerti mistennija ssir fix-xhur li ġejjin.

Entitajiet Governattivi u Parastatali — ġbir ta' bolla dovuta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm entitajiet governattivi u parastatali li għad għandhom jgħaddu lill-Gvern is-sehem dovut fi ġbir ta’ bolla – national insurance u income tax tal-ħaddiema tagħhom lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Liema huma? Kemm ilhom pendenti dawn l-ammonti? X’repayment programmes jeżistu? Jista' jgħid liema huma l-entitajiet kollha konċernati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fil-preżent hemm sitt entitajiet parastatali li għad għandhom jgħaddu lill-Gvern is-sehem dovut fi ġbir ta’ bolla – national insurance u income tax tal-ħaddiema tagħhom lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni. Minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalita’, id-Dipartiment ma jistax jindika liema huma dawn l-entitajiet parastatali. Dawn l-ammonti ilhom pendenti kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-sitt entitajiet parastatali referuti preċedentament m’utiliżaw l-ebda mir- repayment programmes eżistenti. Fir-rigward tal-entitajiet governattivi, id-Dipartiment ma’ jistax jipprovdi informazzjoni fuq bilanċi dovuti. Dan huwa minħabba l-fatt li l-pagamenti ta’ national insurance u income tax minn entitajiet governattivi ma jsirx bl-istess mod bħal employers inġenerali.

Scholarships — kumpaniji li bbenefikaw mill-fakultà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' kumpaniji li bbenefikaw mill-fakultà li jnaqqsu kull għotja jew scholarships li dawn setgħu taw lil artisti Maltin mid-dħul taxxabbli sa massimu ta' €18,600?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhuwiex f’pożżizjoni li jgħid kemm kienu l-ammont ta’ kumpaniji li bbenefikaw mill-fakultà li jnaqqsu kull għotja jew scholarships li dawn setgħu taw lil artisti Maltin mid-dħul taxxabbli sa massimu ta' €18,600. Dan huwa minħabba l-fatt li ħafna mill-formoli tal-kumpanniji għas-sena ta’ stima 2009 ma daħlux, peress li d-data tas-sottomissjoni ġiet estiża għal Jannar 2010.

Power Station — due diligence report

Question

B’referenza għat-tender tal-power station il-ġdida li ġiet approvata mill-Kumitat tal-Kuntratti, jista' l-Ministru jgħid: a) jekk il-Kumitat tal-Kuntratti talabx due diligence report qabel ma approva t- tender lill-BWSC? Jekk iva, min kien li ssottometta r-rapport ? Jista' dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk sar tali rapport, dan ġie mgħoddi lill-awditur biex jagħmel l-investigazzjoni tiegħu? Jekk ma sarx due diligence report mill-Kumitat tal-Kuntratti, jista' jgħid x’evlawazjoni għamel il-kumitat fuq l-affidabilità tal-istess soċjetà li ħadet it- tender ? Kif wasal għall-konklużjoni li din tista' effettivament tattwa u timplimenta t- tender li daħlet għalih? b) jgħid jekk il-Kumitat tal-Kuntartti għamilx evalwazjoni finanzjarja dwar l- ispiża tal-manutenzjoni u cost of running tat-teknoloġija magħżula qabel ma ħa deċiżjoni finali? ċ) il-kumitat għamel evalwazjoni ta' xi rapport dwar l-impatt fuq l-ambjent ta' din it- tender qabel ma saret l-għażla finali? Jista' jkollna jew tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' tali evalwazzjoni jekk saret? d) peress li it-tekonloġija approvata tikkawża waste ta' madwar 30 tunellata kuljum li l-pajjiż jrid jiddisponi minnha, jista' jagħti stima ta' kemm jiġi jiswa kuljum il-proċess ta' rimi ta' dan l-iskart?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-onorevoli membru li l-eżerċizji li qiegħed jirreferi għalihom isiru mill-Kumitat ta' Aġġudikazzjoni u mhux mill-Kumitati Ġenerali tal-Kuntratti. Dawn huma żewġ kumitati differenti; ta' l-ewwel kien magħmul minn uffiċjali fil-Korporazzjoni Enemalta u mill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni waqt li tat-tieni huwa magħmul minn persuni maħtura mill-Prim Ministru għal perjodu definit. Il-Kumitat tal-Kuntratti kien iddiskuta l-proċess ta' evalwazzjoni li mexa bih il-Kumitat ta' Aġġudikazjoni biex jassigura li l-proċess kien ġust, trasparenti u bla ebda diskriminazzjoni bejn operaturi ekonomiċi. Kull darba li ttieħdet deċiżjoni, id-Dipartiment tal-Kuntratti ippubblika d-deċiżjonijiet sia fuq in-notice board tiegħu kif ukoll fuq il-website. Meta ġiet konkluża l-evalwazzjoni tat-tieni pakkett, jiġifieri l-offerta teknika, id-Dipartiment tal-Kuntratti anke informa individwalment lil kull offerent bid-deċiżjoni li kien hemm u infurmahom bid-dritt li għandhom ta' appell skond ir-Regolamenti ta' Kuntratti Pubbliċi. Id-Dipartiment qatt ma rċieva l-ebda appell fuq xi deċiżjoni li ittieħdet. Ta' min wieħed jgħid li d-dokumentazzjoni kollha marbuta ma’ din is-sejħa għall-offerti li qiegħda fid-Dipartiment tal-Kuntratti tpoġġiet għad-disposizzjoni ta' l-Awditur Ġenerali.

Bidnija — bini fuq art b'siġar indiġini

Question

B'referenza għas-sejħa għall-offerti, avviż numru 162, jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex din l-art fil-Bidnija li hija mimlija siġar indiġini u maturi, ser tiġi mibnija għal skopijiet agrikoli?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-art fil-Bidnija li dwarha ħarġet sejħa għall-offerti, avviz 162, se tingħata b’kirja għal skopijiet agrikoli u mhux għal ebda skop ta’ bini, skont il-policy tat-Taqsima tal-Proprjeta’ tal-Gvern fejn il-propjeta’ hija vakanti. Skont il-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti ma jistgħux jinqalgħu siġar mill-post jekk mhux bil-permess tad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura.