Legislature:
Category:
Reset
Active:

dħul minn arretrati ta' taxxa fuq qligħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont kemm daħħal arretrati ta' taxxa fuq il-qligħ bħala riżultat tal-amnestija mogħtija fuq il-multi u imgħaxijiet din is-sena sa Diċembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ammont ta’ arretrati ta’ taxxa fuq il-qligħ imħallsa bħala riżultat ta’ l-iskema mogħtija fuq il-multi u imgħaxijiet għal din is-sena sal-31 ta’ Diċembru 2009 hu ta’ €2,573,806, imma l-ammont finali jkun magħruf biss meta tagħlaq l-iskema fit-22 ta’ Frar, 2010.

Bank Ċentrali — allegazzjoni kontra impjegat

Question

Peress li fil-Parlament kienet saret allegazzjoni serja kontra impjegat tal-Bank Ċentrali, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u peress li l-Bank Ċentrali kien għamel l-investigazzjonijiet neċessarji fil-konfront tal-istess impjegat, fid-dawl ta' dawn l-allegazjonjiet jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport Audit Committee tal-Bank Ċentrali fuq l-imsemmi impjegat li jġib id-data tal-15 ta Dicembru 2008 biex il-Parlament fejn saret l-allegazzjoni jkun infurmat bil-konklużjonjiet tal-investigazzjoni odierna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dwar il-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-Bank Ċentrali fetaħ żewġ proċeduri interni: ta’ l-ewwel immexxija miċ-Chairman tal-Audit Committee taħt l-Anti-Fraud Policy biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm ħruġ ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Bank. L-investigazzjoni l-oħra saret minn bord ta’ dixxiplina mmexxi minn persuna indipendenti kif jitlob il-ftehim kollettiv biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm ksur tal-kodici tal-kondotta u ta’ etika tal-Bank. Iż-żewġ investigazzjonijiet interni saru fuq il-bażi li kull xhieda tingħata taħt garanzija li tinżamm kunfidenzjali u li r-rapport finali ma jiġix iċċirkolat. Mingħajr il-kunfidenzjalità, ix-xhieda ma kinitx tkun tista’ tinġabar kif jixraq. Fl-ewwel investigazzjoni nstab li ma kienx hemm ħruġ ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-Bank. Fil-kliem tar-rapport stess: The Investigation Team concludes that: i) the data referred to by Minister Gatt was not available to (l-impjegat li d-dettalji dwaru intbagħtu mill-Onor. Interpellant) or to any other official within the Central Bank at any time before it was made public ii) the MLP reports tabled in Parliament by Minister Gatt do not make use of such H I C P data in their calculations and the calculations have been principally based on information that was already in the public domain through the presentations of K P M G and Minister Gatt to M C E S D. iii) ….. was involved in a technical review of the MLP Reports but there is no evidence that in reviewing the reports he made use of the Bank’s equipment or his official business hours. iv) The allegations that …. disclosed and used confidential information before it was made public is unfounded. The Investigation Team within its remit established under the Bank’s Anti-Fraud Policy concludes that there was no breach of this Policy by..… . It-tieni investigazzjoni, dik tal-bord ta’ dixxiplina, ikkonkludiet li l-impjegat li d-dettalji dwaru intbagħtu mill-Onor. Interpellant kien kiser ir-regoli tal-Bank. Fil-kliem tar-rapport tal-bord: The decision of the Disciplinary Board is a qualified one. The Disciplinary Board does not find (l-impjegat li d-dettalji dwaru intbagħtu mill-Onor. Interpellant) guilty of the charge as detailed in the letter of charge dated 17 December 2008, except insofar that … should have exercised more caution and prudence before accepting to review a report on a matter which manifestly had all the ingredients for the build up of a public controversy. In compliance with the Bank’s Code of Conduct – Code of Ethics, … should have notified the Bank of his involvement and seek its prior approval. The Disciplinary Board decides and orders that … should write to the Bank within two weeks from his being notified of this award to assure the Bank of his continued loyalty, dedication and commitment pointing that he now understands and appreciates better the position taken by the Bank. The letter should also declare that there will be no repetition of the circumstances that led to the taking up of disciplinary proceedings against him. Ta’ min jgħid li sa llum din l-ittra għadha ma ntbgħatitx lill-Bank. Kif spjegajt, peress illi dawn l-investigazzjonijiet kienu nterni u x-xhieda nġabret taħt kondizzjoni ta’ kunfidenzjalità, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jekk jixtieq, jistgħu jsiru arranġamenti mal-Bank Ċentrali sabiex ikun jista’ jara dawn ir-rapporti privatament.

CCD — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hux minnu li l-Assistent Direttur li, fil-prezent jidher li hu responsabbli għad-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan ic-CCD se jiġi jew diġà ġie trasferit, jew b'xi mod ieħor se jmur jaħdem jew diġà mar jaħdem ma' dipartiment jew direttorat ieħor? Fil-prezent, dan l-istess uffiċjal taħt liema payroll jaqa' ? Waqt il-ħinijiet tax-xogħol f'liema Dipartiment jew Direttorat qiegħed ikun? Il-Ministru jaf li d-Direttur li kien responsabbli għal dan id-Direttorat huwa l-Assistent Personali tiegħu u ilu jokkupa din il-kariga għal mill-inqas sena u nofs jew aktar, u proprju għalhekk id-Direttorat tal-Infurzar ilu bla direttur għal dan iż-żmien twil? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux post vakanti jew le? Dan l-uffiċjal għadu jgawdi minn nomenklatura ta' Direttur jew m'għadux? Jaħseb li hu ta' benefiċċju għal xi ħadd li dan id-Direttorat sensittiv tħalla mingħajr Direttur? Jekk ma jaħsibx hekk għaliex, fil-fatt, tħalla mingħajr Direttur? X'kienet ir-raġuni li dan id-Direttur jew eks Direttur li preżentement qed jagħmilha ta’ Assistent Personali tiegħu telaq mill-imsemmija kariga?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Senior Manager Pharmaceutical Surveillance

Question

Jista’ l-Ministru jelabora liema hu r-rwol propju tas-Senior Manager Pharmaceutical Surveillance fi ħdan ic-CCD ? Dan x’salarju għandu? Il-kwalità u l-ammont tal-ħidma li qed jagħmel hija konsonanti mas-salarju li jieħu? Jista’ jispjega kif id-Direttur Ġenerali tac-CCD kienet tokuppa l-post ta’ Chairperson tal-Bord (interviewing jew selection) li eżamina lil dan l-uffiċjal li eventwalment ġie magħżul u jekk dan l-istess kandidat magħżul, fl-imgħoddi kienx dipendenti tad-Direttur Ġenerali? Jidhirlu l-Ministru li din kienet obbligata li tiddikjara konflitt ta' interess u tirrekluża ruħha mill-Bord tal-Għażla?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant biex fir-rigward tar-rwol ta’ Senior Manager Pharmaceutical Surveillance fi ħdan il-Consumer and Competition Division tirreferi għall-Gazzetta tal-Gvern numru 18,153 iddatata 27 ta’ Novembru 2007. L-ingaġġ ta’ spiżjar fuq kuntratt f’din il-pożizzjoni sar biex jimmitiga n-nuqqas professjonali li kien hemm fid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni fil-qasam tas-suq farmaċewtiku Is-salarju abbinat ma’ din il-pożizzjoni jinsab fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11161 li ngħatat fis-seduta parlamentari numru 148 tad-19 ta’ Ottubru 2009. Il-kwalità u l-ammont ta ħidma li qed jagħmel l-uffiċċjal ingaġġat hija konsonanti mas-salarju tiegħu. Bħala Chairperson tal-bord tal-għażla għall-ingaġġ f’din il-pożizzjoni, id-Direttur Ġenerali tal- Consumer and Competition Division kienet tissodisfa r-rekwiżiti proċedurali neċessarji kollha u ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn din kellha tirrekluża ruħha milli tkun appuntata bħala Chairperson ta’ dan il-bord peress li ma kien hemm l-ebda konflitt ta’ interess.

Kumpanija — investiment f'pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex informat bil-każ tal-kumpanija, li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, dwar diffikultajiet burokratiċi kbar li ltaqgħet magħhom u li wassluha anke f'diffikultajiet biex tinvesti f'pajjiżna, tant li l-qorti f'sentenza li tat qalet li għandha simpatija mas-soċjetà attriċi fis-sitwazzjoni li l-awtoritajiet ġabuha fiha, iżda immirat ħażin meta fetħu kawża kontra l-kontenut? Jista' jgħid jekk il-Gvern iħossx li għandu jieħu passi biex din il-kumpanija tkun kumpensata għall-problemi li sofriet? X'passi se jittieħdu biex każijiet simili ma jerġgħux iseħħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi jidher li l-kumpanija li għaliha saret riferenza kienet ingħatat fabbrika fl-1994. Fl-1999 applikat għal permessi mingħand l-awtoritajiet tas-saħħa u kienet intalbet turi l-permess tal-bini tal-qasam industrijali ta’ Bulebel. Jirriżulta li dan il-permess ma kienx jeżisti peress li qabel ma daħal fis-seħħ l-Att tal-1992 dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, il-Gvern ma kellux bżonn permessi tal-bini u għalhekk ma kienx hemm permessi għall-oqsma industrijali. Ninsab infurmat li l-MDC kienet ħadet il-miżuri kollha meħtieġa minnufih sabiex din is-sitwazzjoni tiġi żblokkata u tat parir lis-segretarju parlamentari konċernat sabiex tittieħed azzjoni. Fil-fatt, fil-25 ta’ April 2000 kien ġie pubblikat Ordni ta’ l-2000 li jemenda l-Ordni dwar il-Klassijiet ta’ Użu fl-Ippjanar tal-Iżvilupp (A.L. 70 ta’ l-2000) u għalhekk is-sitwazzjoni ġiet żblokkata. Madankollu, il-kumpanija konċernata kienet għamlet kawża kontra l-Malta Development Corporation (MDC) li mingħandha kienet tikri l-fabbrika. Jidher li l-MDC kienet ħadet azzjoni minnufih biex problemi burokratiċi tax-xorta li minnhom kienet ilmentat il-kumpanija in kwistjoni jiġu evitati. Fis-sentenza l-Qorti ma kienet sabet l-ebda nuqqas fl-operat ta’ l-MDC u għalhekk ma narax li hemm lok ta’ kumpens u lanqas m’hemm lok għal passi oħra.

Mosta Technopark — ħlas ta' kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas kera għall-post li għandha fil-Mosta Technopark il-kumpanija li dettajli tagħha qed jingħataw separatament? Taħt liema policy ingħatat il-post in kwestjoni?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mhijiex ta' interess pubbliku u di piu hija informazzjoni ta' natura kummerċjalment sensittiva. Għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata.

Tneħħija ta' chewing gum minn fuq l-ajruplani ta' l-Air Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx, jew aħjar kienx qed isir ħlas żejjed biex jitneħħa chewing gum minn fuq l-ajruplani ta’ l-Air Malta? Hemm xi servizzi oħra addizzjonali mill-kuntratt bażiku li qed jiġi approvat il-ħlas tagħhom? Jista’ jsemmi liema huma u jekk dawn kenux inklużi bħala parti mill-kuntratt oriġinali? Min kien responsabbli li jżid dawn il-ħlasijiet a spejjez tal-Air Malta? Kemm ilhom isiru dawn il-ħlasijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13084.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Persuni li siefru fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li siefru fuq xogħol uffiċjali matul is-sena 2009 mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Fejn kienet u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Fondi għall-kawżi ġusti

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-fondi għall-kawzi ġusti jibdew jibbenefikaw minnhom il-kunsilli lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi skond il-linji gwida li nħarġu fil-bidu tas-sena, l-fond għall-Kawżi Ġusti mhux qed jikkunsidra talbiet li jkunu ġejjin minn entitajiet li jirċievu għajnuna diretta mill-gvern ċentrali, inkluż dawk tal-kunsilli lokali. Il-gvern qed jgħin iżjed lill-Kunsilli Lokali billi żied l-allokazzjoni tiegħu diretta għal dan il-għan, anke fl-aħħar budget stess.

Għawdex — applikazzjonijiet għal workshops għal garage industry

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal art u/jew għal workshops għal garage industry f'Għawdex? Meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet? Kemm minnhom huma approvati? Meta ġew approvati? Għaliex għadhom ma ngħatawx art/workshop? Kemm huwa mistenni li joħolqu impjiegi l-proġetti approvati? Dawk li ma ġewx approvati għaliex għadhom ma ġewx ipproċessati? Kemm huwa mistenni li joħolqu impjiegi dawn il-proġetti li għadhom mhumiex approvati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mis-sena 2007, 42 entità minn Għawdex urew interess biex jirrilokaw l-operazzjonijiet eżistenti tagħhom fil-qasam industrijali tax-Xewkija. Sat-2008, 17 minnhom ġew approvati u ngħataw spazju industrijali. Dawn iridu jilħqu t-98 impieg sat-tielet sena ta’ l-operat tagħhom. L-ispazju industrijali f’dan is-settur tradizzjonali fil-qasam industrijali tax-Xewkija huwa prattikament kollu meħud. Il-Malta Industrial Parks qed tistudja siti alternattivi sabiex talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali. Il-25 entità li baqa’ huma proġettati li jilħqu l-159 impieg sat-tielet sena ta’ l-operat tagħhom. Irid jiġi innotat li dawn huma figuri proġettati u mhux fattwali u li l-biċċa l-kbira ta’ dawn l-entitajiet diġà qegħdin joperaw u qed jiġġeneraw impieg. Ħafna minnhom huma “relocation” u mhux “intrapriżi ġodda”. La darba jiġu identifikati siti addattati għal dawn l-attivitajiet, il-Malta Enterprise tipproċessa t-talbiet pendenti u potenzjali skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni u eliġibilità tal-Malta Enterprise.

inizjattivi proposti mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwettqu dawn l-inizjattivi proposti mill-Unjoni Ewropea: a) Enterprise Europe Network? b) Your Europe - Business? ċ) European Private Company (EPC) statute? d) General Block Exemption Regulation on State Aid? e) Late Payments Directive? f) reduced rate of VAT fuq servizzi lokali labour intensive g) leġislazzjoni f'forma ta' Small Business Act? X'inhuma t-time frames f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-VAT — oġġezzjonijiet għal pendenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' oġġezzjonijiet għal pendenzi fuq il-VAT li rċieva d-Dipartiment tal-VAT matul din is-sena? Kemm hu n-numru ta' oġġezzjonijiet globali li għandu fil-mument quddiemu d-Dipartiment tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ oġġezzjonijiet li rċieva d-Dipartiment tal-VAT matul din is-sena huwa 1,137. Ngħarraf ukoll, li n-numru ta’ oġġezzjonijiet li għadhom pendenti huwa 176.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — oġġezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' oġġezzjonijiet li rċieva d-Dipartiment tat-Taxxi Interni matul din is-sena? Kemm fil-fatt huwa n-numru globali ta' oġġezzjonijiet li għandu quddiemu d-Dipartiment fil-mument?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' oġġezzjonijiet li rċieva d-Dipartiment tat-Taxxi Interni matul din is-sena (sa l-aħħar ta’ Ottubru) hu ta’ 810. In-numru globali ta' oġġezzjonijiet li għandu quddiemu d-Dipartiment fil-mument hu ta’ 1,837.

kumpens għaż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpens li se jingħata biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma mħabbar fil-budget, hux se jkun taxxabbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill Onor. Interpellant li l-metodu u l-perjodu ta' kif u meta se jingħata l-kumpens lill-familji qiegħdin jiġu mħejjija. Dan il-kumpens li se jingħata mhux se jkun taxxabbli.

inizjattivi proposti mill-Unjoni Ewropea -

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamnetari 12797 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwettqu dawn l-inizjattivi proposti mill-Unjoni Ewropea: a) Enterprise Europe Network? b) Your Europe - Business? ċ) European Private Company (EPC) statute? d) General Block Exemption Regulation on State Aid? e) Late Payments Directive? f) reduced rate of VAT fuq servizzi lokali labour intensive g) leġislazzjoni f'forma ta' Small Business Act? X'inhuma t-time frames f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12797.

Erasmus for Young Enterpreneurs — Pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12789, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk ġiex imwaqqaf Erasmus for Young Enterpreneurs? Jekk le, tista' tgħid jekk bdewx il-pjanijiet u meta hu maħsub li jitwaqqaf?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-programm Erasmus for Young Entrepreneurs mhuwiex programm li jaqa’ fil-kompetenza tal-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investment iżda huwa programm ċentrallizzat tal-Unjoni Ewropea jiġifieri t-twaqqif tiegħu huwa responsabbilità tal-Kummissjoni Ewropea. Minn informazzjoni li għandi t-tender għal dan il-programm ħareġ mill-Kummissjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena u f’Malta t-tmexxija tiegħu ngħatat lil Koperattivi Malta.

Riforma tat-taxxi fuq vetturi kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti kollha relatati mar-riforma fit-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq vetturi kummerċjali mħabbra fl-aħħar budget?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant, li t-tibdil mħabbar fis-sistema tat-taxxa tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi M2, M3, N1, N2 u N3 ma jsirx permezz ta’ regolamenti iżda b’Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni u l-Liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur.

Kumitat tal-Kuntratti — evalwazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13277, jista' l-Ministru jikkonferma li l-Kumitat tal-Kuntratti assigura fl-evalwazzjoni tiegħu jekk ħax in kunsiderazzjoni: a) due diligence fuq l-kumpaniji li sottomettew l-offerti/ tender tagħhom? b) jekk aċċertax ruħu li sar studju finanzjarju dwar l-ispiża tal-jestjoni tal-power stations magħrufa (cost of running)? ċ) jekk aċċertax ruħu li saret evalwazzjoni ambjentali ta' studju fuq l-impatt tal-għażla tal-power station l-ġdida magħmul fuq s-saħħa ta' ħafna residenti li jgħixu fil-madwar ta' Marsaxlokk? d) fl-aħħar jekk il-kumitat ħax in kunsiderazzjoni l-ispiża ta' kif ser jiddisponi l-pajjiż mit-30 tunellata waste prodott kuljum mill-power station l-ġdida? Jekk ma sar l-ebda analiżi ta' tali rapport, jista' l-Ministru jagħti l-kriterji li fuqhom saret l-għażla?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kriterja li a bażi tagħha ġie mogħti dan it-tender huwa dak stabbilit fir-Regolamenti dwar Kuntratti Pubbliċi jiġifieri l-Aktar Offerta Ekonomikament Vantaġġjuza. Il-punti kienu mqassmin 25 punt fuq l-offerta teknika u 75 fuq l-offerta finanzjarja. Il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti ġie ppreżentat b’rapport mil-Kumitat ta’ Evalwazjoni li fih dan ta’ l-aħħar spjega d-dettal li analizza mil-offerti li kien hemm. Fost dawn kien hemm it-tip ta’ sistema li tiġġenera l-elettriku, l-ispiża kapitali, il-produzzjoni f’ kundizjonijiet medju, il-produzzjoni f’kundizzjonijiet tas-sajf, l-effiċċjenza ta’ l-impjant, il-fuwil li se jintuża, jekk tonqosx is-saħħa ta’ l-impjant fis-sajf u ż-żmien li se jittieħed biex tinbena l-estensjoni tal-power station. Ma’ dawn il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ikkalkula l-NPV Unit Cost ta’ l-elettriku li kien magħmul l-MWH iġġenerati gross, MWH iġġenerati net, l-offerta finanzjarja, il-valur ta’ l-ispazju li se jokkupa l-impjant, l-ispiża biex taqleb il-produzjoni għal waħda taħdem bil-gas, l-ispiża totali tal-fuwil, l-ispiża totali tal-Lube Oil, l-ispiża totali ta’ l-Urea, l-ispiża totali tad-DeSOx Reagent, l-ispiża tal-manteniment ta’ l-impjant, l-ispiża totali ta’ impjegati tal-manteniment, l-ispiża ta’ penali ta’ emisjonijiet ta’ CO2, l-ispiża totali ta’ rimi ta’ skart, l-ispiża totali ta’ l-impjegati li se jħaddmu l-impjant, l-ispiża ta’ elettriku li jiġi pprovdut lill- impjant, l-ispiża ta’ ilma pprovdut lill-impjant, l-ispiża ta’ steam ipprovdut lill-impjant kif ukoll l-SCR Catalyst Regeneration Cost. Nixtieq infakkar li kull min ma qabilx ma’ din id-deċizjoni kellu l-opportunità li jappella però nirrimarka li ħadd qatt ma ssottometta appell skond ir-Regolamenti.