Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw karozzi mid-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2008, xahar b'xahar? Ta' liema marka, x'tip kienu u kemm qamu?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Xahar Marka u Tip Ammont Imħallas Jannar 2008 Opel Corsa Enjoy € 9,655.26 Jannar 2008 Mazda 2 € 12,142.89 Jannar 2008 Opel Corsa Essentia € 9,240.62 Mejju 2008 Toyota Auris € 14,556.01

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Nefqa globali fuq Mobile Phones

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-mobile phones tal-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu matul is-sena 2008?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa globali għall-mobile phones tal-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħti matul l-2008 kienet tammonta għal € 192,726.93.

Ħruġ ta' visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid fejn waslet il-proċedura dwar il-ħruġ ta' visa tal-persuna li isimha qed jidher separatament u li hija ta' nazzjonalità Niġerjana?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sistema Visa Management System, ma jirriżultax li hemm xi applikazzjoni mingħand il-persuna ta' nazzjonalita' Niġerjana u li isiimha intbagħat separatament.

Kollaborazzjoni bejn Malta u Ċipru jew pajjiżi oħra — ftuħ t'ambaxxati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni hu mistenni li jkun hemm biex Malta, flimkien ma' Ċipru jew ma' xi pajjiż ieħor, tiftaħ ambaxxati f'pajjiżi li sal-lum għad m'għandniex ambaxxata fihom?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ftehim li gie iffirmat min Repubblika ta' Ċipru jipprovdi għal ko-operazzjoni fil-ftuħ ta' rappreżentanza diplomatika f'Ramallah f'bini li se jiġi maqsum bejn iż-żewġ rappreżentazzjonijiet; u il-kiri ta' parti mill-Ambaxxata Ciprijotta f'Tel Aviv, għal ftuħ ta' Ambaxxata Maltija fl-istess belt. Jekk din il-ko-operazzjoni tirnexxi, mhux eskluż li din ko-operazzjoni tiġi estiża għal pajjizi oħra. Naturalment, bħal fil-kaz ta' Ramallah u Tel Aviv, kull pajjiz ikollu l-ambaxxatur/rappreżentant diplomatiku tiegħu.

Tifel taħt l-eta' jinħareġ barra minn Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jispjega kif tifel taħt l-eta', li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, allegatament inħareġ minn Malta mingħajr dokumentazzjoni nhar il-5 ta' Lulju, 2006 u dan meta l-passaport tiegħu jinstab għand ommu? B'liema mod jistgħu l-awtoritajiet jgħinu biex it-tifel jinġieb lura Malta mil-Libja?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ikun dejjem lest jassisti l-Ministeru involut sabiex jagħmel is-sottomissjonijiet tiegħu ma' pajjiż jew pajjiżi barranin meta u fejn dan ikun il-każ. Il-persuna konċernata tista dejjem tikkomunika wkoll ma' l-Uffiċċju Konsulari fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin sabiex wieħed jara x'assistenza tista' tiġi offruta.

Affarijiet Barranin — Karozzi jaħdmu bl-elettriku

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk fil-Ministeru tiegħu inxtawx karozzi li jaħdmu bl-elettriku biex jinbidlu ma’ karozzi konvenzjonali? Jekk iva, kemm kien l-ammont ta’ flus li ġew iffrankati minn meta bdew jintużaw vetturi bħal dawn fil-ministeru?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tiegħi għad m'għandux karozza li taħdem bl-elettriku. Ninsab infurmat illi qed isiru kuntatti mad-ditta li rebħet it-tender sabiex tinxtara karozza minn dan it-tip.

Każ ta' visa urġenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid għaliex qed ikun hemm tant dewmien biex cittadini Libjani li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, jiksbu visa mill-Ambaxxata/Konsolat Malti fi Tripli biex iżuru Malta, bħal fil-każ li bih qed jiġi infurmat il-Ministru? Tezisti fast track għal kazijiet ta’ emerġenza ġenwina? Jidhirlu il-Ministru li l-Maltin u Għawdxin li japplikaw għal visa għal Libja jkunu jistgħu jibbenefikaw reċiprokament ukoll minn tali ipprocessar aktar malajr u partikolarment f’każi ta’ emerġenza ġenwina?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Kap ta' l-Oppożżizzjoni li l-viżi għaż-żewġ persuni Libjani li d-dettalji tagħhom intbagħtu separatament inħarġu l-Ġimgħa, 21 ta' Novembru 2008, ġurnata wara li dawn applikaw fil-Konsolat ta' Malta fi Tripli. Dan jikkonferma, li kontrarju għal dak li qal l-Onorevoli Kap ta l-Oppożizzjoni, ma kienx hemm dewmien biex dawn iċ-ċittadini Libjani jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta, tant li l-jum tal-ħruġ tal-viżi kien il-Ġimgħa, jiġifieri, l-Konsolat ta' Malta fi Tripli ħadem b'urġenza f'ġurnata li m'hiex ġurnata tax-xogħol fil-Libja. Dan jikkonferma ukoll li teżisti fast track għal każijiet ta' emerġenza ġenwina. Grazzi għall-kooperazzjoni sħiħa tad-Dipartimenti kollha konċernati f'Malta, il-ħruġ ta' viżi mill-Konsolat Malti fi Tripli għal ċittadini Libjani li jkunu se jżuru Malta biss jsir dejjem fl-iqsar żmien - bejn wieħed u ieħor erbat ijiem - u, bħal ma għidt qabel, fi żmien aqsar, f'każi ġenwini ta' emerġenza. Il-ħruġ ta' viżi għal Malta u għal pajjiżi li jagħmlu parti mis-Sistema Schengen jsir ukoll fl-iqsar żmien stabbilit. Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin hu konxju mill-ilmenti ta' dewmien fil-ħruġ ta' viżi għal ċittadini Maltin li jixtiequ jżuru l-Libja, speċjalment dawk li jkunu se jżuru l-Libja għall-ħidma ta' kummerċ. Waqt il-25 Sessjoni tal-Kummissjoni Mista bejn Malta u l-Libja, li nżammet f'Malta fl-aħħar t'Ottubru li għadda, n-naħa Maltija ġibdet l-attenzjoni tan-naħa Libjana għan-nuqqas ta' reċiproċita' minn naħa Libjana kemm dwar il-ħin meħtieġ għall-ħruġ ta' viżi, kemm f'ċirkustanzi normali kemm f'dawk ta' emerġenza. Kien hemm qbil biex, fuq livell tekniku, ż-żewġ naħat jkomplu diskussjonijiet dwar dan is-suġġett. Minn naħa Maltija, il-Gvern Malti se jkompli jinsisti dwar il-ħtieġa ta' reċiproċita' kemm fiż-żmien li fihom jinħarġu l-viżi, kif ukoll dwar il-ħruġ ta' viżi għal aktar minn żjara waħda (Multiple Entry Visa).

North South Centre — Kontribuzzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk huwiex veru li l-Gvern mhux qed iħallas iktar il-kontribuzzjoni tiegħu lil North South Centre fil-Kunsill tal-Ewropa? Għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b'ittra ddatata 30 ta' Settembru 2008, il-Gvern Malti nforma lis-Segratarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa li Malta rtirat mill-North South Centre tal-Kunsill ta' l-Ewropa b'effett immedjat. Il-Gvern Malti ħa din id-deċiżjoni wara konsultazzjoni interna u wara li ħa in konsiderazzjoni diversi fatturi. Ta' min jgħid li kien hemm pajjiżi oħra li rtiraw minn dan iċ-Ċentru fis-snin li għaddew.

Persuna Marokkina — estensjoni tal-VISA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jara l-każ tal-persuna ta' ċittadinanza Marokkina li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex dan ikollu l-VISA estiża għal żmien biżżejjed sakemm tinqata' l-Kawza fit-Tribunal Industrijali li huwa għandu kontra soċjetà lokali b'mod illi hu jkun jista' jmur lura l-Marokk u jerġa' jiġi lura matul il-perijodu tal-prolazzjoni tal-award? Jista' jgħid jekk dan iż-żmien ikoprix kwalunkwe żmien li jkun meħtieġ f'każ li eventwalment isir l-appell minn dan l-award?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna konċernata għamlet applikazzjoni għall-permess ta' residenza mad-Dipartiment taċ-Cittadinanza u tal-Expatriates. Hi ngħatat awtorizzazzjoni temporarja, sabiex tkun tista' toqgħod Malta sakemm tittieħed deċizjoni dwar it-talba tagħha. Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie deċiz li jinħareġ permess ta' residenza validu sal-31 ta' Diċembru 2008, u f'dan ir-riġward il-persuna konċernata hi mitluba li tmur id-Dipartiment imsemmi aktar 'il fuq sabiex tingħata dan il-permess, li hu fil-forma ta' sticker, li jitwaħħal fuq il-passaport tagħha. Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna se tħalli Malta fis-7 ta' Diċembru 2008 u għalhekk bis-saħħa ta' dan il-permess ta' residenza hi tkun tista' toħroġ minn Malta u miż-żona Schengen b'mod legali. Meta jkun meħtieġ tiġi lura sabiex tkun tista' tkompli l-proċeduri imsemmija fir-rigard tal-Kawża fit-Tribunal Industriali, il-persuna konċernata trid tagħmel talba għall-visa waqt li tkun il-Marokk fl-Ambaxxata Taljana, f'Rabat, il-Marokk; li fiċ-ċirkostanzi msemmija għandha tingħatalha.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — refurbishment

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk sarx xi xogħol ta' refurbishment fil-ministeru, (private secretariat) minn April 2008 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, kemm kien il-valur tax-xogħlijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn April 2008 sa' llum ma sar ebda refurbishment fil-Ministeru (Private Secretariat) tiegħi.

Freedom of movement miċħud

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jinvestiga r-raġuni għala l-mara barannija, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ilha miżżewġa Malti għal aktar minn disa' snin u li qabel kellha l-freedom of movement issa qiegħed jiġi miċħud lilha dan id-dritt?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mara barranija jew ir-raġel barrani ta' ċittadin ta' Malta tgawdi jew igawdi l-freedom of movement sakemm il-koppja tkun qed tgħix flimkien. Ninsab infurmat li, fl-aħħar tas-sena 2006, ir-raġel tal-persuna konċernata kien avża lill-Awtoritajiet ta' l-Immigrazzjoni li hu u l-mara tiegħu qatt m'għexu flimkien u għalhekk il-mara tilfet id-dritt li tgawdi l-freedom of movement. Sussegwentement saret dikjarazzjoni ffirmata mill-mara waħidha biss, fejn stqarret li hi u żewġha qed jerġgħu jgħixu flimkien. Fid-dawl ta' dan l-Awtoritajiet pertinenti qed jeżaminaw il-każ.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — direct orders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħarrafni mill-2004 sal-lum kemm-il direct order ingħatat mill-Ministeru responsabbli għalih u dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Viċi Prim Ministru? Lil min ħarġu dawn id-direct orders u kemm kien l-ammont f'ċifra ta' flus?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tiegħi fl-2004 ta Direct Order lill-Linguamine Ltd għal valur ta’ €5823.43 (Lm2500). Meta ġiet biex tiġi organiżżata l-laqgħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija, wara li ntalbet u ingħatat l-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, ingħataw dawn id- Direct Orders : EU-LAS – Frar 2008 Euros Police 4231.86 Zarb Coaches 41.23 Meli Car Rentals 19578.95 S Rausi Trading 3346.21 Casapinta Design 78265.12 Studio Seven 48541.72 Repro House 22363.36 Top Up Cards 100.00 Tufigno Photo Studio 1770.00 Perfect Organisation 6844.00 Remuneration 7955.00 Malta Int Airport 1886.94 Domenic Aquilina 802.40 Dragonara Resort 112302.01 Shield Security Consult. 4013.50 Anthony Busuttil 1986.18 Transient 22818.06 Go Mobile 757.25 Marie Carmen de Gaetano 880.00 Gauci Borda 1587.92 T Mercieca 10.44 F Zammit Nurseries 1165.00 Carmel Schembri 1883.28 Annette Scerri 880.00 Giov Muscat 552.00 Interpreters Fees 2708.00 Pincott Ltd 551.00 F Abela & Sons 4601.02 Fr Charles Cini 3200.00 Longbow 499.97 Merlin Computers 4804.96 Image Systems 2405.41 All Incentives Ltd 10030.00 Green Suppliers Ltd 2635.93 Go Mobile 774.82 Antoinette Muscat 740.00 Repro House 151.17

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — vetturi mixtrija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw vetturi mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu mill- 1 ta' Marzu 2008 sal-lum? Jista' jgħid x'tip ta' vettura hi u ta' liema marka, kemm qamet u min hu intitolat li jużaha?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi mil-15 ta' Marzu 2008 'l hawn ma nxtraw l-ebda vetturi ġodda.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li fil-mument għandhom talbiet pendenti għaċ-ċittadinanza Maltija? Minn liema nazzjonalità huma u kemm ilha pendenti l-aktar applikazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għaċ-ċittadinanza Maltija huwa 894. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li f'nofs is-sena l-oħra sar tibdil fil-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Maltija biex ikun possibbli li persuni li twieldu barra minn Malta li huma Maltin tat-tieni ġenerazzjoni jew ta' aktar ġenerazzjonijiet, jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija b'reġistrazzjoni. Għal din ir-raġuni d-Dipartiment irċieva, u għadu jirċievi, ammont konsiderevoli ta' applikazzjonijiet u għalhekk hemm numru pendenti. Hemm xi applikazzjonijiet li għadhom pendenti għal xi snin minħabba li l-applikanti ma ffinaliżżawx il-proċeduri meħtieġa minn naħa tagħhom. Kif diġa' semmejt, l-akbar numru ta' talbiet huma minn 'Maltin' ta' barra jiġifieri l-Awstralja, il-Kanada, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit kif ukoll diversi pajjiżi oħra.

Ċittadinanza doppja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin kemm huma n-numru ta' persuni li fil-mument għandhom talbiet pendenti għaċ-ċittadinanza doppja? Minn liema nazzjonalità huma u kemm ilha pendenti l-aktar applikazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' talbiet pendenti dwar ċittadinanza doppja, jiġifieri in-numru ta' persuni li talbu li jiġi kkonfermat lilhom bil-miktub li għandhom dritt iżommu żewġ ċittadinanzi, waħda minnhom dik Maltija, huwa 168. Dawn it-talbiet huma minn Maltin ta' l-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Renju Unit u l-Awstralja, fost pajjiżi oħra. L-aktar talba (mhux applikazzjoni) li ilha pendenti saret fis-26 ta' Marzu 2008. Qabel din hemm 15 il-talba oħra li għadhom pendenti għax il-persuni konċernati ntalbu jġibu aktar dokumenti u dan, s'issa, għadhom m'għamluhx.

Ambaxxati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma l-kompliment tal-istaff kollu li jaħdem biex iservi lil pajjiżna fl-ambaxxati li hemm barra minn xtutna? Kemm minnhom iservu f'ambaxxati fl-Unjoni Ewropea u kemm huma ta' nazzjonalità barranija sew fl-Unjoni Ewropea u 'l hemm minnha?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej: Fl-Unjoni Ewropea Barra l-Unjoni Ewropea Totali Impjegati Maltin 73 25 98 Impjegati mhux Maltin 70 71 141 Total 239

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Direct orders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħarrafni mill-2004 sal-lum kemm-il direct order ingħatat mill-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura u dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru? Lil min ħarġu dawn id-direct orders u kemm kien l-ammont f'ċifra ta' flus?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill Onorevoli Interpellant għar-risposta li se tingħata mill-Ministru responsabbli.

Bormla — Santa Margerita Line - manutenzjoni fuq swar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni għaliex fil-proġett approvat mill-Unjoni Ewropea dwar manutenzjoni ta' swar, ma ġewx inkluża s-Santa Margerita Line u l-ebda binja f'Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill Ministru ikkonċernat.

Recognition of Armenian Genocide

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħarraf għaliex il-Gvern Malti għadu qatt ma ressaq fil-Parlament jew iffirma r-riżoluzzjoni Recognition of Armenian Genocide bħalma hawn Parlamenti fosthom ir-Renju Unit, Franza, Ġermanja, Italja, Greċja, Olanda, Belgju, Polonja, Vatican, Svizzera, Ċipru, Wales, Slovakkja, Litwanja, Svezja, Stati Uniti, Russja, Kanada, Awstralja, Lebanon, Ċili, Urugwaj u Arġentina?

Response (BORG, TONIO)

Ta' min jgħid li din ir-riżoluzzjoni għaddiet għall-ewwel darba mill-Parlament Ewropew fl-1987. M'hemm l-ebda sejħa fir-riżoluzzjoni sabiex Parlamenti u Gvernijiet fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea jieħdu xi forma ta' azzjoni kif suġġerit mill-Onorevoli Interpellant. Il-Gvern Malti se jara kif jimplimenta paragrafu 13 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex ikun hemm jum speċifiku fejn fil-Parlament jiġu mfakkra l-vittmi tal-genoċidji u reati kontra l- umanita inkluzi dawk kontra il-Lhud u l-Armeni.

Photovoltaic cells

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-Gvern fid-dipartimenti/aġenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispażju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-saqaf tal-Ministeru tiegħi huwa ta' 708 metri kwadri li minnhom 160 metru kwadru huma meħudin minn pannelli solari. Dan jammonta għal 22.5% tal-kwadrata tal-bejt. Bini ieħor li għandu l-Ministeru fil-Belt iqis total ta' 436 metru kwadru u li sa issa ma hemmx pannelli solari. Huwa ttamat li matul l-2009 jitwahħlu pannelli solari fuq dawn il-binjiet ukoll.