Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35631 u jgħid kemm kien l-investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar tal-2010 u tal-2011? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-pajjiż minn fejn ġie l-investiment?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-aħħar ċifri li għandna miġbura huma sa Ġunju 2011. Iċ-ċifri sal-aħħar tal-2011 għadhom qed jinħadmu u se jkunu ppublikati aktar tard dan ix-xhar. L-informazzjoni disponibbli qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tali informazzjoni mhux qed tinkludi l-pajjiżi minn fejn ġie l-investiment minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-status ta' talba għal refund ta' ħlas li kien sar żejjed u li l-applikazzjoni għal dan il-ħlas ilha li saret minn Mejju 2008? Jista' jgħid meta se jsir ir-refund imsemmi fil-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35085 u 34647 u jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament kemm kien fl-aħħar tal-2010 u tal-2011 il-paga medja gross annwali skont id-diversi setturi tal-attività ekonomika?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Issa li beda jaħdem is-Sewage Treatment Plant tax-Xgħajra, jista' l-Ministru jgħid jekk l-impjant ta' Sant' Antnin twaqqafx milli jopera? Jekk fin-negattiv, u huwa fil-ħsieb li jitwaqqaf, meta hu pjannat li jsir dan? Hemm xi data iffisata sa meta dan l-impjant irid jiġi żarmat u mneħħi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-impjant ta’ Sant’ Antnin għadu jopera minkejja li beda jaħdem l-impjant f’ Ta’ Barkat. Dan sabiex inkomplu nipprovdu ilma għat-tisqija. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għalhekk żammet dan l-impjant jopera għalkemm il-kwalita’ mill-latt ta’ mluħa mhuwiex sodisfaċenti.
Dan l-impjant ser jibqa jitħaddem sakemm il-proġett tat-tieni fażi ta’ trattament li għandha twassal għat-tneħħija ta’ mluħa żejda jkun lest. Il-proposta tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qeda quddiem il-MEPA kif ukoll qed tiġi ikkunsidrata għall-fondi mill-Unjoni Ewropea.
Waqt dan il-perjodu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tieħu l-opportunita’ biex ittaffi permezz ta’ Sant’ Antnin l-impatt ta’ skart mhux domestiku liema impatt joħloq pressjoni fuq l-operat ta’ l-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ domestiku.
Pjanijiet għal tibdil tal-post minflokk ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35453 u 35137 u l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari 34675 li oriġinajrament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: Jista' jgħid x'inhuwa l-pjan fejn qabel kien hemm ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li il-Gvern qed jilqa’ talbiet għal xi kirjiet ta’ żmien qasir għal skopijiet speċifiċi, uħud minnhom biex anke jaqdu esiġenzi fejn kien involut il-Gvern innifsu, dan sakemm il-Malta Enterprise tlesti l-evalwazzjoni stateġiċi tagħha ta’ x’jkunu l-aħjar użu ta’ dan is-sit.
Parti mis-sit ġiet mikrija lill-Awtorità Transport Malta sabiex jinżammu l-karozzi tal-linja l-qodma wara li dawn inġabbru mingħand is-sidien tagħhom.
Parti ohra mis-sit tal-Marsa giet mikrija lil korporazzjoni Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) biex isir xogħol relatat mal-proġett ta’ bieb il-Belt.
Barra minn hekk, il-Government Property Department iddelegat il-management tal-mollijiet madwar is-sit tal-ex-Malta Shipbuilding lill-kumpanija Ricasoli Tank Cleaning Ltd, li hija kumpanija tal-Gvern li twaqqfet wara l-privatizzazzjoni tat-Tarzna sabiex topera, f’isem il-gvern, is-slop reception facility li tinsab fir-Ricasoli. Minħabba li parti mill-istaff ta’ din il-kumpanija ukoll jaħdem minn uffiċċju żgħir fuq dan is-sit tal-Marsa, il-kumpanija ingħatat ukoll ir-responsabbiltà li tamministra l-użu ta’ dawn il-mollijiet f’isem il-gvern. L-iskop aħħari huwa li jsir l-aħjar uzu minn dawn il-mollijiet fuq bażi kummerċjali sakemm ikun hemm pjanijiet aktar ċari dwar x’se jsir minn dan is-sit.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35718 u cioè: Peress li l-prezz taż-żejt illum nieżel taħt id-$84 il-barmil, jista' l-Ministru jgħid jekk hemm possibilità li r-rati tad-dawl u ilma jkunu aġġustati 'l isfel fl-interess tal-konsumatur u l-operaturi ekonomiċi speċjalment fid-dawl ta' tnaqqis fl-ekonomija matul l-ewwel tliett xhur ta' din is-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma illi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal WTI (West Texas Intermediate) li huwa indikatur Amerikan li japplika għall-Istati Uniti tal-Amerika. L-indikatur li huwa relevanti għalina huwa ICE Brent li l-aktar li niżel sad-19 ta’ Ġunju 2012 (f’dis-sena kalendarja) kien ta’ USD94.44.
Irrid infakkar illi t-tariffa kurrenti hija maħduma fuq ICE Brent USD81.80 (USD/Euro exchange rate ta’ 1.49). Għaldaqstant l-Enemalta għadha tiffaċċja sitwazzjoni iebsa f’dak li hu prezz taż-żejt, u propju għalhekk, il-Gvern ħa deċiżjoni konxja li jerfa’ parti minn din l-ispiża fl-interess tal-familji tagħna. Dan ser jippermetti li t-tariffi jibqgħu fil-livell li jinsabu illum.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qiegħda se titħaddem is-sistema tad-drenaġġ u tal-ilma ta' Trejqet Għar Berbaħ, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk is-sistema fi Triq is-Simar kantuniera ma' Trejqet Għar Berbaħ tlestitx?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi id-drenaġġ fit-Triq Għar Berbaħ ġewwa x-Xemxija qed jitħaddem bis-sistema ta’ gravity mains, filwaqt li l-ilma qed titħaddem bis-sistema ta’ pressa fil-mains. Is-sistema fil-kantuniera bejn Triq is-Simar u Għar Berbaħ fl-istess lokalità hija lesta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-amnestija li kienet saret biex tnaqqas il-penali u l-multi ta' dawk li jonqsu milli jħallsu t-taxxa għadhiex fis-seħħ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-iskema li kien hemm dwar ħlassijiet pendenti tal-Income Tax, ninfurmah li din l-iskema hija magħluqa.
Ninsab infurmat ukoll li l-iskema għat-tnaqqis ta’ penali amministrattivi u imgħax li hi dwar il-liġi tal-VAT għadha fis-seħħ peress li ġiet estiża sal-31 ta’ Lulju 2012.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35270 dwar fast service bil-baħar bejn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid min għamel il-proposta lill-Gozo Channel? Meta saret il-proposta? Jista’ jpoġġi kopja tal-proposta fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid meta se tkun konkluża l-evalwazzjoni ta’ din l-proposta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-proposta saret mill-Grupp Universitarji Għawdxin bħala parti minn Survey li għamlet hi stess fost l-istudenti Għawdxin. Il-proposta tressqet waqt diskussjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali nhar it-22 ta’ Mejju 2012. Kopja tal-proposta diġa qegħda f’idejn il-Kamra tar-rappreżentanti u tista tinġabar mingħand l-Editing Section.
Nifhem li l-kumitat qed jikkunsidra li jħejji rapport tekniku dwar il-vijabbilità tagħha. L-Informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35270, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-proposti li għandha l-Gozo Channel u li qed jiġu evalwati? Minn min saru dawn il-proposti u meta saru? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn il-proposti fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid meta se tkun konkluża l-evalwazzjoni ta’ kull waħda mid-diversi proposti li rrefera għalihom l-Ministru?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari nru 35745.
Public Service Obligation — kumpanija Gozo Channel
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34503 u 35020 u jgħid kemm intnefqu flus kull sena mill-2004 ‘l hawn fuq il-Public Service Obligation li l-gvern għandu mal-kumpanija Gozo Channel? Kemm hu mistenni li jintnefqu din is-sena? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont liema passiġġieri u servizzi huma koperti b’dan il-Public Service Obligation?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 32373 u 33082 fejn ingħatajt x’nifhem li l-informazzjoni mitluba ilha tinġabar mis-27 ta' Frar 2012, jista' l-Ministru jaġġorna l-Kamra dwar il-konsulenzi l-individwu kkonċernat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra
Kummenti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali — figuri tal-NSO
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35698 u cioè: B'referenza għall-kummenti tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali dwar il-figuri tal-NSO, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux xi jżid ma' dan li ġej:
a) li skont hu, hemm
statistical fuzziness
fil-figuri ppublikati;
b) li skont hu, "the situation could be different from what appears at first sight"; u
ċ) li fil-fehma tiegħu, għandha tingħata spjegazzjoni dettaljata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bank Ċentrali ta’ Malta hija istituzzjoni indipendenti mill-Gvern u għaldaqstant m’għandux ikun mistenni mill-Ministru li jżid jew inaqqas minn dak li intqal. Madanakollu, qabel ma wieħed jiddikjara li Malta tinsab f’riċessjoni teknika, wieħed għandu jeżamina wkoll indikaturi oħra kif ukoll evidenza indiretta miksuba minn operaturi varji fl-ekonomija li jinkludu dawk fis-settur tas-servizzi. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jirreferi għal ċifri dwar is-suq tax-xogħol li ma jidhrux li huma kompatibbli ma’ kundizzjonijiet ta’ riċessjoni fl-ekonomija. Fil-fatt, ċifri riċenti dwar l-impiegi li kienu ppubblikati mill-Eurostat juru li fl-ewwel trimestru kien hemm aktar tkabbir meta mqabbel mat-trimestru ta’ qabel.
Barra minn hekk, għandu jiġi msemmi li filwaqt li l-metodu primarju li juża l-NSO għall-kompilazzjoni tal-PGD b’konformità mar-rekwiżiti tal-ESA95 huwa bbażat fuq il-produzzjoni, f’ekonomija li qed tevolvi b’rata mgħaġġla jista’ jkun diffiċli li tigbor ċifri f’waqthom dwar industriji emerġenti fis-settur tas-servizzi. B’riżultat ta’ dan, x’aktarx li l-metodu tal-produzzjoni jista’ jkun qed jindika valur inqas tal-produzzjoni totali, jew tal-PGD u għalhekk tat-tkabbir ekonomiku. F’dan ir-rigward, ġie innotat li l-aġġustament fl-inventarju, li jinkludi l-iżball jew diskrepanza statistika, ippersista bir-rata negattiva ta’ madwar 6% tal-PGD tul-aħħar tliet trimestri. Jekk l-isottostima tal-produzzjoni tigi indirizzata u korretta, l-aġġustament negattiv li qed iseħħ fl-inventarji trimestru wara trimestru fuq in-naħa tal-infiq jista’ jitnaqqas għal-livell iktar realistiku.
Hawnhekk tajjeb li wiehed izid li fl-aħħar rapport dwar Malta li l-Fond Monetarju Internazzjonali ippubblika fil-bidu ta’ Mejju ta’ din is-sena jidher li l-ekonomija ċċaqalqet sostanzjalment lejn servizzi ġodda b’orjentament lejn l-esportazzjoni, apparti mit-turiżmu. F’sitwazzjoni hekk dinamika jista’ ma jkunx possibbli li jinġabru ċifri dwar żviluppi f’dawn is-setturi mingħajr ma jkun hemm dewmien. Dawn huma l-kwistjonijiet li jixirqilhom aktar studju u investigazzjoni, hekk kif qed jirrakkomanda l-Gvernatur.
Enemalta — kwestjoni dwar min kien imexxi l-canteen
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35638 u jagħti lista dettaljata ta' kemm dam fil-canteen tal-Korporazzjoni Enemalta jiġi operat mill-kuntrattur li ismu qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid kemm-il darba f'dawn is-snin inħareġ tender pubbliku fejn kulħadd seta' jittenderja u f'liema dati? Jista' l-Ministru li huwa wkoll responsabli mid-Dipartiment tal-VAT jgħid jekk dan il-kuntrattur kellux cash registers irreġistrati fuq dawn il-canteens u kemm inħarġu rċevuti u kemm tħallset VAT minn dan il-kuntrattur li kien jopera l-canteens kemm fil-Marsa u kemm f'Delimara? Jista' jikkonferma li l-operat tal-canteens taqa' taħt ir-responsabbiltà taċ-chief human resources tal-korporazzjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-kuntrattur in kwistjoni kien ilu jopera l-canteen tal-Marsa Power Station mill-25 ta’ Frar 2008 sal-20 ta’ Dicembru 2011. F’dawn is-snin li kien ilu jopera dan il-canteen ħarġet tender pubblika waħda f’Diċembru 2009. Dan għaliex, dan l-operatur ħa r-responssabiltà tal-canteen mingħand operator ieħor li kien ħa tender fl-2006.
L-operat tal-
canteen
taqa’ taħt ir-responsabbiltà taċ-
Chief Human Resources
tal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35637 u jgħid meta l-aħħar li dehret fil-gazzetta call for application għall-chief internal audit officer mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid għalfejn qatt ma ġie impjegat chief officer f'din il-kariga, meta f'perjodu minnhom fil-korporazzjoni kien hemm saħansitra seba' chief officers oħra u ħadd fil-kariga ta' chief officer internal audit? Jista' jgħid jekk hemmx pjan li dan il-post jibqa' battal?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari nru 35350.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — entitajiet tal-internal audit
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li preżentament għandhom funzjoni ta' internal audit? Jista' jgħid liema minn dawn l-entitajiet irrikorrew għas-servizz ta' ditti tal-awdituri biex jingħatalhom dan is-servizz? F'kull każ, jista' jgħid:
a) liema ditta tal-awdituri ġiet mqabbda;
b) kemm qed tiġi mħallsa kull sena tal-funzjoni tal-internal audit;
ċ) f'kull każ, min huma l-awdituri esterni u jekk l-awdituri interni humiex l-istess ditta? F'każ li l-istess, kemm qed jitħallsu tal-funzjoni tal-awditjar estern;
d) kemm huwa t-turnover tal-entità li taqa' taħt il-Ministeru; u
e) kemm għandha impjegati l-entità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-estensjoni tas-sistema tad-drenaġġ għar-residenti fil-villaġġ tal-Baħrija u dan sabiex il-fawran tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Marġa ma jkompliex jiżbroffa fil-wied tal-inħawi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li minħabba li dan ix-xogħol għadu pendenti l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma qed tieħu ħsieb li l-fosos tal-Baħrija ikunu l-ħin kollu mnaddfa biex jiġi evitat fawran ta’ drenaġġ.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35289 u jgħid x'ammont ta' enerġija qed tiġi prodotta minn photovoltaic panels istallati f'Għawdex? X'ammont fi flus ingħataw lis-sidien bħala għajnuna f'xi skema? Kemm minn din l-enerġija qed tiġi trasferita mill-Korporazzjoni Enemalta u kemm tħallas kumpens lis-sidien fl-2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu effettivament dwar mitigation ta' vapour recovery skont l-avviż legali relevanti dwar id-distribuzzjoni tal-petroleum lill-pompi tal-petrol biex ikun hemm control of volatile org. comp. emissions? Jista' jgħid jekk il-flotta tad-distribuzzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta li tintuża għad-distribuzzjoni tal-fuel lill-petrol station hix equipped biżżejjed biex jiltaqa għar-recovery ta’ dawn il-vapours?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.