Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pool ta' Facilitators

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistix pool ta' facilitators li jkunu jistgħu jibdlu lil dawk il-facilitators li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Teżisti ‘pool’ ta’ ‘On Call’ supply learning support assistants biex jibdlu lil dawk is-supply/learning support assistants li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol.

Servizz ta' facilitator

Question

Hija konxja l-Ministru tas-sistema kif taħdem illum u s-servizz tal-facilitators, fejn fost oħrajn meta xi drabi l-facilitator ikun assenti mix-xogħol tiegħu t-tfal jintbagħtu lura d-dar bil-konsegwenza li din l-esperjenza tkun trawmatika għat-tfal li għandhom bżonn dan is-servizz speċjalment fejn jidħlu it-tfal tal-kindergarden?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta learning support assistant tkun assenti, l-iskejjel għandhom is-servizz tal-on-call supply learning support assistant. Regolarment tinfetaħ sejħa għall-applikazzjonijiet biex il-pool tal-on-call supply learning support assistants dejjem tiġi msaħħa.
Leg 11 PQ #32453 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — studenti Għawdxin li ma rċevewx iċ-ċertifikat

Question

Fir-rigward tal-gradwazzjoni tal-istudenti Għawdxin fl-ICT fl-MCAST li saret fis-7 ta' Frar 2012, tista' l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li allegatament minkejja li kellhom jaqsmu lejn Malta għal din iċ-ċerimonja f’temp mqalleb ħafna, baqgħu mingħajr ċertifkat? X’wassal lill-Kap tal-MCAST biex jgħidilhom jieħdu ftit paċenzja – fil-ħin li kienu qed jitqassmu ċ-ċertifikati – għax iċ-ċertifikat kienu se jirċevuh aktar tard? Għalfejn kienu l-istudenti Għawdxin biss li ma ngħatawx ċertifikat meta l-korsijiet huma ekwivalenti għall-oħrajn simili? X’inhi r-raġuni li sat-28 ta' Frar 2012 meta saret din il-mistoqsija ċ-ċertifikat kienu għadhom ma rċevewhx?Meta se jirċevuh?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 32565.
Leg 11 PQ #32596 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

trasferiment ta' persuna minn skola għal oħra

Question

Billi l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ġie trasferit minn Mtarfa Primary fejn kien ilu 20 sena għan-Naxxar Secondray, tista' l-Ministru tirrimedja bi traferiment lura għar-raġuni li dan l-individwu għandu problemi fiżiċi? Tista' tgħid meta dan se jirritorna lura għall-qagħdi ta' dmirijietu fl-Imtarfa Primary?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna kkonċernata, ġie trasferit temporanjament mill-Iskola Primarja tal-Imtarfa għall-Iskola Sekondarja tan-Naxxar proprju minħabba li fl-Iskola Primarja tal-Imtarfa hemm ħaddiema iżjed milli suppost għall-popolazzjoni tal-iskola, filwaqt li fl-Iskola Sekondarja tan-Naxxar, li bdiet tiffunzjona mis-sena skolastika kurrenti (2011-2012), hemm ħtieġa ta’ ħaddiema. Dan qed isir biex il-kulleġġ juża’ r-riżorsi umani bl-aħjar mezz. Skont ir-rekords tal-Kulleġġ, l-individwu kkonċernat qatt ma talab jew ippreżenta xi ċertifikat mediku biex ikun eżentat milli jagħmel ċertu xogħol.
Leg 11 PQ #32603 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Sport tal-karozzi/muturi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4070 tad-IX Leġislatura, tista' l-Ministru taġġornana x'ġara minn dak inhar sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern huwa kommess li jassisti bl-aħjar mod possibbli kull dixxiplina sportiva rapprezentati f’Malta minn organizzazzjonijiet reġistrati mal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS), inkluż dawk l-għaqdiet li jirrapprezentaw il-motorsport. Minn dakinhar li l-Onorevoli Interpellant għamel il-Mistoqsija Parlamentari fl-1999, il-Gvern alloka art għall-Island Karting Club, trakka lill-Malta Drag Racing Association, trakka għall-Island Radio Model Car Club u Barriera fil-Mellieħa lill-Malta Motorsport Federation għall-użu ta’ off road motor sport. Il-valur kummerċjali ta’ dawn l-artijiet jammonta għal €1,164,200. Barra minhekk, fl-aħħar budget ġiet ivvotata s-somma ta’ €350,000 għall-bini ta’ korsa għall-karting biex fiha jkunu jistgħu jiġu prattikati wkoll id-dixxiplini tal-Mini Moto, Motards, Quad Bikes, Drifting u wkoll isir it-tuning tal-karozzi li jikkompetu fil-Hill Climbs. Dan minbarra wkoll assistenza diretta mingħand il-Gvern biex ikunu jistgħu isiru avvenimenti tal-Motor Sport bħal ma’ huma l-Valletta Grand Prix u l-Gozo Grand Sprint. Il-KMS alloka u ikkometta l-fondi neċessarji biex jiġu nstallati crash barriers fl-Imtaħleb fl-istess triq li tintuża għall-Hill Climbs biex din id-dixxiplina tkun tista’ tiħi prattikata f’aktar sigurta’. Il-KMS għadu qed jistenna konferma mingħand il-Kunsill Lokali Rabat biex tkun tista’ issir l-installazzjoni ta’ dawn il-crash barriers. Mit-twaqqif tal-KMS fl-2003 sal-lum, l-għaqdiet rapprezentanti tad-diversi dixxiplini tal-motorsport irċevew xejn anqas minn €210,124 f’assistenza diretta mingħand l-istess KMS kif ukoll xejn anqas minn €454,846 f’sussidju fuq kirjiet ta’ faċilitajiet. Total ta’ €664,969 f’assistenza. L-ASM sal-lum tagħmel użu minn art f’Ta’ Qali u skont it-Ta’ Qali Action Plan suppost li din il-faċilita’ għandha tiġi rilokata għal post ieħor. Għaldaqstant din l-art ma tistax tingħata b’titlu lill-istess għaqda. Il-KMS jinsab għaddej b’diskussjonijiet mal-MEPA kif ukoll mal-istess assoċċazzjoni biex il-faċilita’ tal-ASM tkun rilokata f' art biswit il-faċilita eżistenti u biex l-istess art tkun mgħoddija b’titlu lill-istess għaqda. Dan il-proċess jista’ jseħħ ladarba l-emendi fit-Ta’ Qali Action Plan ikunu approvatu u jidħlu fis-seħħ.

Dipartiment tax-Xogħol — ilment mill-ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk quddiem id-Dipartiment tax-Xogħol hemmx numru ta' impjegati fis-settur privat jilmentaw li ma ġewx imħallsa pagi tagħhom regolarment? Tista' tgħid kemm hemm minn dawn il-kumpaniji, min huma u x’passi qed jittieħdu f’dan il-konfront?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #32624 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Każijiet ta' bullying rappurtati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' bullying rappurtati fl-iskejjel matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Tista' tagħti dan il-breakdown abbażi ta' kategoriji differenti ta' skejjel primarja u sekondarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32650 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — kwalifiki minimi għal kors full-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kwalifiki minimi neċessarji biex student jattendi kors fuq bażi full-time fl-MCAST u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32651 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta — Visiting Academic Staff

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-rati tal-ħlas għall-visiting academic staff fl-Università ta' Malta? Kif jiġu applikati dawn ir-rati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-parti relevanti tal-ftehim kollettiv li twieġeb il-Mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #32652 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — Rata tal-ħlas għal Lecturers part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-rati tal-ħlas għal lecturers part-time u fuq kuntratt definit fl-MCAST u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Kif jiġu applikati dawn ir-rati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32653 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — għalliem tal-Financial Magement

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi kwalifiki akkademiċi għandu u x'esperjenza għandu fit-tagħlim il-lecturer full-time li jgħallem Financial Management u suġġetti relatati mal-accounts fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Tista' tikkonferma jekk għandux permanent teacher's warrant? X'karigi akkademiċi qed jokkupa bħalissa fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u b'liema proċedura kien appuntat? Kemm ilu impjegat mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lecturer full-time li jgħallem Financial Management u suġġetti relatati mal-accounts fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi għandu Certificate in Enterprise Resource Planning Teaching minn Grenoble Ecole De Management, Diploma in Hotel Accounting and Finance mill MCAST (1978), u Teacher’s Certificate in Tourism Education mill UOM. Ilu jgħallem l-ITS minn 1989. Minbarra r-rwol ta’ lecturer, l-individwu konċernat huwa wkoll membru fuq il-Board of Studies (elett permezz ta’ elezzjoni b’votazzjoni mill-kollegi akademiċi), kif ukoll coordinator tal-management (posizzjoni ta’ ħatra mill-istess Istitut - 2009).

Persuni li rriżenjaw mid-Direttorati, Kulleġġi u Skejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid mill-2008 sal-lum kemm persuni rriżenjaw mid-Direttorati, mill-Kulleġġi u mill-iskejjel, kemm irrifjutaw promozzjoni li applikaw għaliha, kemm irriżenjaw minn karigi biex reġgħu marru għall-gradi preċendti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għadd ta’ persuni li mill-2008 sal-lum irriżenjaw mid-Direttorati Ġenerali tal-Edukazzjoni, inklużi l-kulleġġi u l-iskejjel, hu ta’ 495. L-għadd ta’ impjegati li rrifjutaw promozzjoni kien tmienja (8), filwaqt li l-għadd ta’ dawk li irriżenjaw minn kariga biex reggħu marru lura għal grad preċedenti kien ta’ tlettax (13).

Budget 2012 — tnaqqis fil-fond allokat għat-taħriġ u l-iżvilupp

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tnaqqas il-fond allokat għat-taħriġ u l-iżvilupp fil-Budget 2012 meta mqabbel mal-budgets ta' qablu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-pajjiż ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ukoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħal għalliema, kindergarten assistents, learning support assistants u professjonijiet oħra ta’ appoġġ lill-istudenti jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod m’hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta’ għalliema, kindergarten assistents, learning support assistants u professjonijiet oħra ta’ appoġġ lill-istudenti.

nefqa fuq skejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus mill-2008 sal-lum fuq: a) bini ta' skejjel ġodda; b) manutenzjoni fuq skejjel mhux ġodda; ċ) inizjattivi b'rabta mal-litteriżmu u x'inhuma; d) inizjattivi b'rabta man-numerija u x'inhuma; e) inizjattivi b'rabta max-xjenza u x'inhuma; u f) inizjattivi b'rabta mat-teknoloġija tal-informatika u x'inhuma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32844 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Outdoor Gym Equipment — tender

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni sabiex tender li kienet ħarġet għax-xiri ta’ outdoor gym equipment li d-dettalji tat-tender qed jintbagħtu separatament ġiet kanċellata? Tista' tgħid jekk dan imurx kontra l-Avviż Legali 296/2010 ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kumitat tal-Kuntratti Dipartimentali (DCC) kien tal-fehma li l-imsemmija offerta msejħa mill-Kunsill Malti għall-iSport tiġi kanċellata. Ma jirriżultax li nkisru xi regolamenti stabbiliti fl-Avviż Legali 296/2010.
Leg 11 PQ #32968 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kera tal-premises tal-Continental Business Centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se tiswa l-kera tal-premises il-ġodda f'Continental Business Centre, Old Railway Track f'Santa Venera? Min se jħallas għalihom u min huma s-sidien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kera tal-premises il-ġodda f’Continental Business Centre ser tiswa €31,860 annwalment. Se tħallas l-aġenzija u s-sidien huma Cutrico Services Ltd.
Leg 11 PQ #32303 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal facilitator

Question

Jista' l-Minsitru jara l-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha li applikat għal facilitator imma s'issa għadha bla risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-applikazzjoni daħlet għand l-Istatementing Moderating Panel f’Jannar 2012 u ser tiġi proċessata matul din is-sena skolastika.
Leg 11 PQ #32599 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Gżira/Sliema — Noah's Ark

Question

Tista' l-Ministru tivverifika jekk l-iskola Noah's Ark Gżira/Sliema għandhiex il-permessi kollha biex topera skola, tospita in-numru ġust ta' tfal, għandhiex il-faċilitajiet ta' żvog u rikreazzjoni kif suppost waqt il-break? Hemm xi ħadd kwalifikat għall-PE u hemm biżżejjed post fil-bitħa għall-attivitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Noah's Ark Gżira/Sliema mhux irreġistrat mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, la bħala skola, la bħala kindergarten u l-anqas bħala childcare centre. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jgħaddi iktar informazzjoni dwar dan l-istabbiliment biex tittieħed l-azzjoni neċessarja.

xogħol ta' service providers

Question

B'referenza għall-korsijiet tal-IT li kienu/għadhom jingħataw mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li kumpaniji li jagħmlu x-xogħol ta' service providers jiġux ikkunsidrati għall-għotja ta’ kuntratt kif jingħata lill-individwi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-taħriġ kollu li tagħmel l-ETC jingħata minn instructors li jiġi magħżula permezz ta’ sejħat għal tender. Għaldaqstant dan it-taħriġ qed jingħata diġà min-nies li huma fuq bażi ta’ self-employed. L-ETC ma tagħmilx distinzjoni bejn jekk minn qed joffri t-taħriġ hix kumpanija jew individwu.

Università ta' Malta — PGCE fil-computing

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fis-sena akkademika l-ġdida, l-Università ta’ Malta hux tikkonsidra li toffri PGCE fil-computing?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università se tkompli toffri l-PGCE fil-Computing kif ilu jsir dawn l-aħħar 15-il sena.