Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #24493 Sitting 329 2011-03-21 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — random urine testing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar data li fiha saret random urine testing fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar random urine testing li sar fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien matul Frar ta' din is-sena.
Leg 11 PQ #24494 Sitting 329 2011-03-21 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Operat tal-Ħabs — inkjesti pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm inkjesti pendenti in konnessjoni mal-operat tal-ħabs, u kemm ilhom pendenti kull waħda minn dawn l-inkjesti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2010 infetħu 39 inkjesta Maġisterjali marbuta ma' numru ta' suġġetti li l-maġġoranza tagħhom huma dwar allegazzjonijiet ta' sejbien ta' droga.
Leg 11 PQ #24495 Sitting 329 2011-03-21 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ħabs — popolazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni fil-Ħabs fil-15 ta' Marzu 2011? Kemm minn dawn kienu rġiel? Kemm minn dawn kienu nisa? Kemm kienu b'mod totali dawk li qegħdin iservu sentenza? Kemm kienu b'mod totali dawk li qegħdin taħt arrest preventiv?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-popolazzjjoni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fil-15 ta' Marzu 2011 kienet ta' 606. L-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Leg 11 PQ #24496 Sitting 329 2011-03-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuna li korriet tarbija

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ li seħħ fis-sena 2007 ta' omm, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li kienet fil-Faċilita Korrettiva ta' Kordin fejn kellha tlett xhur u nofs tqala u din it-tarbija l-omm korrietha wara li hija kienet talbet kura meta bdiet tħoss uġiegħ mhux tas-soltu? Tista' tingħata informazzjoni dwar : X'sar mill-kampjuni tal-awrina li jiddeterminaw jekk it-tfajla kenitx tqila jew le? Għala minn dawn il-kampjuni ma ġietx stabbilita it-tqala tat-tfajla? Id-doża ta' metodone kkawżat xi korriment fuq it-tqala tagħha? It-tabib tal-ħabs ezaminha lit-tfajla fiż-żmien raġjonevoli? X'sar mill-fetu sħiħ li skont l-omm ratu ffurmat bir-ras, bl-idejn u saqajn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant daħlet fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin nhar il-Ħamis, 27 ta' Diċembru 2006, fis-1.30pm. Dakinhar ġiet eżaminata mit-tabib li kien għassa. Kif dejjem isir, fost it-testijiet li saru kien hemm dak magħruf bħala l-HIT jew il-pregnancy testperess li l-persuna ma ndikatx li kienet tqila. Fl-istess ġurnata, jiġifieri fis-27 ta' Diċembru 2006, il-kampjun intbagħat l-Isptar San Luqa għall-analiżi meħtieġa. Irriżulta li din il-persuna kienet tattendi d-detox u kellha 45cc ta' methadone. Għalhekk, il-Ġimgħa 28 ta' Diċembru 2006 hija ġiet riferuta lill-Isptar Monte Carmeli fejn, wara li ġie stabbilit li kienet fuq methadone, intbagħtet lura lejn il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin il-Ħadd, 30 ta' Diċembru 2006. It-Tlieta 2 ta' Jannar 2007 għal xi 12.15pm it-tabib ġie infurmat illi l-imsemmija persuna kienet uriet ċerti sintomi u wara li eżaminha bagħatha l-Isptar u tqiegħdet fil-Ward tal-Gynae, fejn instab illi kienet korriet. Wara li ngħatat il-kura meħtieġa, intbagħtet lura ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fit-3 ta' Jannar 2007. F'din l-istess ġurnata l-faċilità rċeviet ir-riżultat tal-HIT test. Rigward l-aħħar domanda, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferiha lill-Minsitru kkonċernat.

Avukat Ġenerali — sentenza mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-Avukat Ġenerali għażel li ma japplikax is-sentenza mogħtija fil-Qorti fil-15 ta' Lulju 2010 li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, meta din kienet tirrigwarda proprjetà pubblika li ntilfet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżlutax illi din il-kawża kienet patroċinata mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Leg 11 PQ #23975 Sitting 328 2011-03-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' min kienu l-persuni/kumpaniji eċċ. li taw konsulenza lill-Ministeru, Dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul l-2010? Kemm kienet is-somma li tħallset għal kull konsulenza?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onoreveli Interpellant.
Leg 11 PQ #24135 Sitting 328 2011-03-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #24339 Sitting 327 2011-03-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

MEPA — Investigazzjoni dwar rimi fid-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija ġietx mitluba tinvestiga u jekk iva ħarġitx akkużi kriminali fil-konfront ta' kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jew rappreżentati tagħha wara li nhar it-2 ta' April 2009 il-ħaddiema u tekniċi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’Hexagon House wara rapporti li kellhom qabdu fil-fatt li din il-kumpanija kienet effettivament qed tarmi ż-żjut fis-sistema pubblika tad-drenaġġ? Din hija attività kontra l-liġijiet tal-pajjiż li toħroġ mill-Avviż Legali 8 tas-sena 1993 li huma r-regolamenti dwar il-kontroll tar-rimi fid-drenaġġ għat-tħaris tal-ambjent? Fis-6 ta' April 2009 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija mifhuma li avżat lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’dan kollu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li dawn l-investigazzjonijiet iridu jiġu inizjalati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #24342 Sitting 327 2011-03-15 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

MEPA — investigazzjoni fuq ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-management tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qattx sejjaħ lill-pulizija tad-distrett biex jinvestigaw lill-ħaddiema tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’Hexagon House minħabba suspett ta' sabutaġġ li allegatament seta' sar minnhom stess? Jekk iva, x’kien l-eżitu ta’ dan kollu meta l-fatti indikaw mod ieħor?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi wara li kien irrapurtat li seta' kien hemm xi sabutaġġ minn xi ħaddiem ġewwa Hexagon House, mill-indaġini li għamlet il-Pulizija mal-Water Services Corporation, irriżulta li l-irwejjaħ kienu ħerġin mis-sistema tad-drenaġġ interna ta’ Hexagon House. Irriżulta li dan kien minħabba xi nuqqasijiet li kien hemm fis-sistema. Infurmat ukoll li sussegwentement dan in-nuqqas kien irranġat.
Leg 11 PQ #24381 Sitting 327 2011-03-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Reati konnessi ma' pedofelija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21296, jista' l-Ministru jgħid x'kienet is-sentenza mogħtija lill-aggressuri ta' dan ir-reat serju? Kemm-il sena weħħlu dawk li ingħataw sentenza ta' priġunerija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #24387 Sitting 327 2011-03-15 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Informazzjoni dwar intervista ma' xi entità governattiva

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24155, jista’ l-Ministru jgħid fejn u f’liema każijiet il-proċedura titlob illi wara li jsiru l-intervisti għal xi post vakanti ma’ xi entità governattiva tas-Settur Pubbliku, r-riżultati relatati mat-talba ta’ reklutaġġ jiġu ppubblikati (simili għall-proċedura adottata mis-Servizz Pubbliku fejn tiġi ppubblikata l-lista tal-kandidati kollha, inkluż dettalji personali u l-marka globali li tkun ngħatat mill-bord tal-intervista)?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24155, imkien ma għidt li hemm proċedura li titlob tassattivament li r-riżultati ta’ intervisti dwar vakanzi fis-Settur Pubbliku jiġu ppublikati. Fit-tweġiba tiegħi kont għidt illi l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data ma tipprekludix li jiġu ppublikati l-marki għal kull kriterju “fejn il-proċedura titlob” li jiġu ppublikati l-marki totali. Dan il-Ministeru mhux l-awtorita` kompetenti li jgħid fejn u f’liema każijiet għandhom jiġu ppublikati r-riżultati ta’ intervisti biex jimtela post vakanti fis-Settur Pubbliku. Għaldqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #24213 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

catering establishments

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' liċenzji tal-Pulizija li hemm fl-inħawi tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar rispettivament, li bihom joperaw catering establishments?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant ġentilment nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #24225 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

telephone/mobile phone tapping

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu awtorizzazzjonijiet ministerjali għall-wire-taps jiġifieri telephone/mobile phone tapping uffiċjali mill-bidu tas-sena 2008 sal-lum – sena b’sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Din l-informazzjoni tkun tista' tingħata fil-Kumitat tas-Sigurtà li jinkludi l-Kap tal-Oppożizzjoni, u li huwa mwaqqfa bis-saħħa tal-Art 14 tal-Att dwar is-Servizz tas-Sigurtà.
Leg 11 PQ #24250 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Imħalfin u Maġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid d-data tal-ħatra u l-età ta' kull imħallef u maġistrat u f’liema qorti qegħdin iservu kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #24311 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — Karozzi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-Korp tal-Pulizija, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-aħħar ħames snin il-Korp tal-Pulizija xtara 24 vettura u 21 mutur ġdid.
Leg 11 PQ #24312 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu involuti f'inċidenti tat-traffiku waqt il-qadi ta' dmirijiethom f'dawn l-aħħar ħames snin u kif dawn kienu maqsuma sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li weġġgħu f’inċidenti tat-traffiku matul dawn l-aħħar ħames snin, kien kif ġej: 2006 2007 2008 2009 2010 20 9 19 16 16
Leg 11 PQ #24313 Sitting 325 2011-03-14 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — nisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta' Marzu 2011, u f'liema gradi kienu qegħdin iservu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' nisa li kien hemm fil-Korp tal-Pulizija fl-1 ta' Marzu 2011 kien ta' 330 u li gradi tagħhom kienu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- Superintendenti 2 Spetturi 14 Surġenti Maġġuri tat-2 klassi 3 Surġenti 46 Kuntistabbli 265
Leg 11 PQ #23526 Sitting 324 2011-03-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu impjegati persuni ġodda mal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010, xahar b'xahar u f'liema grad? Kif sar kull impjieg, ċioe jekk hux b'sejħa pubblika jew le?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #23829 Sitting 324 2011-03-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — flus għas-safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2010 kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet għas-safar tal-Ministru u tal-Ministeru tiegħu, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ċ-ċifra ta' flus globali li ntnefqet għas-safar mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu kienet ta' €556,957.53.
Leg 11 PQ #24210 Sitting 324 2011-03-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Vetturi miġbura għax ma kellhomx liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' vetturi li nġabru mill-pulizija matul l-2010 mit-toroq għaliex ma kellhomx licenzja tas-sewqan li kienet imġedda? Minn liema lokalitajiet inġabru dawn il-vetturi? Normalment, x'jiġri mill-vetturi li jkunu nġabru b'dan il-mod?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi meta vettura ma jkollhiex il-liżenzja mġedda, l-Pulizija toħroġ ċitazzjoni lis-sewwieq u mhux tiġbor il-vettura.