Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn – pjan għat-turiżmu

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2251 u 4099, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pjan għat-turiżmu f’Wied il-Għajn jiġi mressaq ’il quddiem u ppreżentat fil-bidu tas-sena 2023 sabiex jiġi diskuss qabel is-sajf li ġej?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2251.

Għawdex – ITS – korsijiet offruti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2022/2023 kemm huma l-korsijiet offruti fl-Istitut għat-Turiżmu tal-Qala Għawdex? Liema huma dawn il-korsijiet? Kemm bdew studenti għal kull kors u kemm hu n-numru ta' studenti f'kull kors fil-preżent? Jista' jgħid kemm hemm impjegati full-time u part-time fl-istess Istitut u x’inhu x-xogħol ta' dawn l-impjegati? Kemm kienet l-ispiża rikorrenti totali ta' dan l-Istitut għas-snin 2021 u 2022 u kemm kienet l-ispiża kapitali fl-istess snin?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena akkademika qegħdin jiġu offruti 4 korsijiet fl-Istitut għat-Turiżmu ġewwa Għawdex: Kors Studenti ġodda Total studenti Foundation 7 7 Certificate – Food Production & Service 6 6 Diploma – Climate Friendly Travel 55 55 Bachelor Degree – Diving Safety Management 5 20 Bħalissa fl-Istitut hemm 8 impjegati full-time u 3 part-time bejn ħaddiema amministrattivi, staff akkademiku u staff anċillari. L-ispiża rikorrenti għas-sena 2021 kienet ta’ €225,000 u dik kapitali ta’ €14,465. Is-sena finanzjarja 2022 għadha mhux magħluqa.

San Ġiljan – Xatt is-Sajjieda – xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fuq Xatt is-Sajjieda – minn wara l-love monument ’il quddiem, it-taraġ ta’ San Ġuzepp u parti minn Triq Spinola quddiem Palazzo Spinola?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’: · ir-restawr tal-Fisherman’s Shed ġewwa Xatt is-Sajjieda u l-Bajja ta’ Spinola, għadu kif ġie finalizzat l-evalwazzjoni tat-tender u bħalissa jinsab waqt l-appeals period tal-procurement; · ix-xogħlijiet mill-monument tal-Love 'l quddiem – inkluż it-taraġ ta’ San Ġużepp – bħalissa hemm applikazzjoni quddiem il-Planning Authority li qed tiġi evalwata; · ix-xogħlijiet fil-pjazza ta’ quddiem Palazzo Spinola – qed jiġi diskuss u evalwat l-aħjar mod kif għandu jitwettaq dan il-proġett b’koordinament ma’ Infrastructure Malta.

San Ġiljan – promenade — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3848, li orġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: Fid-dawl ta’ numru ta’ ħsarat li hemm fil-promenade minn San Ġiljan sal-Gżira, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan ta’ manutenzjoni?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1545, 3006 u 4127, ninfurmah li l-Fondazzjoni ta’ Żvilupp għaż-Żoni Turistiċi taħdem flimkien mal-Kunsilli Lokali sabiex issebbaħ l-ambjent tal-promenades fosthom railings, bankijiet, planters u tisbiħ inġenerali.

San Pawl il-Baħar, Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema – proġetti ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3831, jista’ l-Ministru jagħti tweġiba skont kif mitlub, jiġifieri kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa l-Mellieħa bejn Jannar 2021 u Settembru 2021 u liema kienu; kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa San Pawl il-Baħar u liema kienu; kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa San Ġiljan u liema proġetti; u kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa Tas-Sliema u liema proġetti kienu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru dawn ix-xogħlijiet: Mellieħa - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona, inkluż l-Għadira, b’koordinament mal-Kunsill Lokali, kif ukoll xogħol fil-promenade tal-Għadira u fil-Pjazza tal-Mellieħa. Dawn ix-xogħlijiet jammontaw għal kważi €47,900. San Pawl il-Baħar - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona, inkluż interventi fil-promenade tax-Xemxija, b’koordinament mal-Kunsill Lokali; xogħlijiet relatati mal-Ġnien fi Triq il-Knisja, u servizzi fil-Pjazza ta’ Buġibba. Dawn jammontaw għal ftit iktar minn €578,000. San Ġiljan - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona b’koordinament mal-Kunsill Lokali; xogħlijiet f’Xatt is-Sajjieda u r-restawr tal-arloġġ - €22,500. Tas-Sliema - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona, inkluż il-promenade tax-Xemxija, b’koordinament mal-Kunsill Lokali - €10,000.

San Ġiljan — Spinola – pjan ta’ riġenerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3832, fejn il-Minsitru wieġeb li x-xogħlijiet ser “jibdew fix-xhur li ġejjin”, jista’ l-Ministru jagħti timeline ta’ meta huma dawn ix-xhur li ġejjin? Jaf li b’dan id-dewmien diversi sidien ta’ stabbilimenti tal-madwar iħossuhom anzjużi u ma jistgħux jippjanaw in-negozju tagħhom minħabba x-xogħlijiet previsti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3832, ninfurmah li l-proġett ta’ Spinola ser jibda minn Triq Paceville.

MTA – tourist information points

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il uffiċċju ta' informazzjoni għat-turisti jew tourist information points għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew il-Ministeru? F’liema lokalitajiet jinsabu dawn? X'inhuma l-ħinijiet ta' ftuħ għal kull każ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija pubblika u tinsab fuq il-website tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq: https://www.visitmalta.com/en/info/tourist-information-offices/ Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-webpage.

Wied iż-Żurrieq — multi-level parking

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 1241 u 18572 tal-Leġiżlatura XIII fejn il-Ministru kellu jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq, peress li preżentement fil-maġġor parti tiegħu l-ispazju hu riservat għal coaches, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-testijiet u r-rapporti ġeoloġiċi li saru mill-Gvern fiż-żona biex jissostanzja dak li qal fir-risposti tiegħu? Jistgħu fil-frattemp jiġu identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess, li fihom jistgħu jiġu pprovduti tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li ninsab konvint li l-Onor. Interpellant huwa familjari maż-żoni ristretti ta’ Wied iż-Żurrieq, nerġa’ nfakkru li, kif diġà ġie mwieġeb fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18572 tal-Leġiżlatura XII, l-art imsemmija tinsab f’żona ODZ u għaldaqstant mhux permess żvilupp ta’ dan it-tip.

Proġetti ppjanati fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta

Question

Peress li fir-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari nri 1233, 1234, 1235, 1236, 1237 u 1239 dwar xi proġetti hemm ippjanati f’Ħal Luqa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba u l-Qrendi biex jattiraw aktar turisti lejn in-naħa t’isfel ta' Malta l-Ministru qal li ser ikun qed jitħejja pjan ai termini tal-Istrateġija Maltija għat-Turiżmu sabiex jiġi estiż il-brand footprint ta’ Malta f’termini ta’ turiżmu u b’hekk jiġu identifikati proġetti f’diversi żoni madwar il-pajjiż, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan hux lest u meta ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1233, 1234, 1235, 1236, 1237 u 1239.

Żoni Turistiċi — Tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-inizjattivi li ttieħdu bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena b'konnessjoni ma’ servizzi ta’ tindif f’żoni turistiċi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni taħdem bla waqfien matul is-sena kollha. Fil-fatt, id-Diviżjoni introduċiet ukoll xiftijiet differenti tal-operat tagħha, bl-għan li tlaħħaq mad-domanda ta’ tindif li maż-żmien qiegħda aktar tikber. Matul is-sena, f’żoni turistiċi sar xogħol ta’ rutina fosthom knis u ħasil tat-toroq, tbattil tal-bins, ħasil ta’ tabelli u sinjali tat-traffiku, tindif ta’ żoni pedonali u spazji miftuħa, tindif u upkeep ta’ latrini pubbliċi, tindif tal-culverts, tneħħija ta’ skart mormi illegalment, manutenzjoni u tiswijiet ta’ ħitan li jaqgħu taħt il-Gvern Ċentrali, qtugħ ta’ ħaxix ħażin, ġbir ta’ annimali mejta, servizz ta’ emerġenza, fosthom tindif wara inċidenti tat-traffiku u żjut fl-art u tindif wara maltempati, fosthom tneħħija ta’ ġebel, siġar, ramel u materjal ieħor li jkun ta’ periklu għan-nies. Barra minn hekk, matul is-sajf jintensifika t-tindif fil-bajjiet prinċipali, fejn apparti li jitnaddfu kuljum, il-bins jitbattlu tlett darbiet kuljum, kif ukoll isir manutenzjoni fuq għamara tal-baħar. F’żoni turistiċi qed jintużaw ukoll id-Dry Ice Machine biex jitneħħa chewing gum, stickers u graffiti minn mal-ħitan. Introduċejna 7 Electric Pedestrian Sweepers li jitħaddmu b’sistema ta’ vacuum li tiġbor ukoll skart irqiq. Investejna madwar €250,000 f’9 Sand Sifters li jintużaw fuq il-bajjiet prinċipali. Dawn il-magni jgħarblu r-ramel sa 6 pulzieri l-isfel mill-wiċċ u jneħħu l-iskart fin li jispiċċa fir-ramel. Ta’ min jgħid, li l-għarbiel tar-ramel iżid il-kwalità u s-servizz li jiġi offrut lill-pubbliku f’dak li jirrigwardja t-tindif tal-bajjiet, speċjalment dawk li għandhom status ta’ Blue Flag.

Investiment fis-servizzi ta’ tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investimenti saru bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena f'servizzi ta' tindif sabiex il-prodott ikompli jittejjeb?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena saru bosta investimenti fi ħdan id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni sabiex inkunu nistgħu nlaħħqu mad-domanda tax-xogħol tat-tindif, fosthom; - Tejjibna s-servizz tal-Customer Care, fejn wieħed jista’ jikkuntatja lid-Diviżjoni biex jgħaddi l-ilment tiegħu f’kull ħin tal-ġurnata, mit-Tnejn sal-Ħadd. - Komplejna ntejbu l-mobile app Clean&Upkeep, fejn wieħed jista’ jgħaddi l-ilment tiegħu permezz tal-mobile. Meta wieħed jgħaddi l-ilment permezz tal-mobileapp, jiġi rrikordjat il-coordinates ta’ fejn hemm bżonn intervent ta’ tindif, kif ukoll jistgħu jintbagħtu ritratti bid-dettalji. - Sar investiment f’9 Sand Sifters (4 ride-on u 5 walk-behind), li jgħarblu r-ramel u jneħħu skart fin mir-ramel u huma bżonnjużi speċjalment għal bajjiet bi status ta’ Blue Flag. - Investejna f’7 Electric Pedestrian Sweepers, li jintużaw l-aktar f’pedestrian zones, ċentri kummerċjali u cycle lanes. - Investejna fi proġett pilota ta’ Solar Litter Compaction Bins, li jaħdmu b’sistema ta’ pannelli solari u jikkompattaw l-iskart u għaldaqstant iżidu b’mod effettiv il-volum tal-bin sa 5-8 darbiet aktar. Id-Diviżjoni tirċievi notifikazzjoni meta bin ikun wasal biex jimtela u għandu bżonn jitbattal. - Investejna wkoll f’Self Cleaning Automated Toilet, li huwa toilet awtomatizzat li huwa kapaċi jitnaddaf waħdu. Dan it-toilet ġie introdott bħala proġett pilota fil-Belt Valletta u qed isir studju sabiex jinstab l-iktar mudell effettiv biex in-numru ta’ dawn il-latrini pubbliċi ġodda jiżdiedu fiż-żoni turistiċi. - Investejna f’infurzar flimkien mal-LESA fejn jidħol rimi ta’ skart illegali. Qed niddiskutu wkoll il-possibilità li jsir arranġament ieħor mal-ERA. - Nedejna wkoll proġett pilota ma’ 5 Kunsilli Lokali (Birżebbuga, Marsaxlokk, Żurrieq, Birkirkara u l-Belt Valletta), fejn qed nindirizzaw nuqqasijiet tal-kuntratturi imqabbda mill-Kunsilli Lokali, fosthom fi knis u tindif tat-toroq. Proġett li qed iwassal għal diversi talbiet minn Kunsilli Lokali oħrajn.

Assistenza fis-servizz ta’ knis ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar kif sejjer l-andament tal-proġett pilota ta' assistenza fis-servizzi ta’ knis ta' toroq lil diversi Kunsilli Lokali? Hemm xi talbiet oħrajn minn kunsilli lokali oħra sabiex jissieħbu f’dan il-proġett?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota ta’ assistenza fis-servizz ta’ knis ta’ toroq lil 5 Kunsilli Lokali ntlaqa' tajjeb ħafna, kemm mill-Kunsilli Lokali kkonċernati, kif ukoll mir-residenti. Dan il-proġett pilota ser iservi sabiex bħala Diviżjoni nassistu biex jiġu stabbiliti standards fl-indafa li jirriflettu l-bżonnijiet tal-lokalitajiet skont l-esiġenzi ta’ kull lokalità. Kienu bosta Kunsilli Lokali oħrajn li avviċinaw lid-Diviżjoni sabiex huma wkoll jissieħbu f’dan il-proġett li jirrigwardja assistenza ta’ knis fit-toroq. Dawn it-talbiet qed jiġu evalwati sabiex naraw l-aħjar mod possibbli kif għandu jitqassam l-operat.

Customer Care tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni

Question

Peress li d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni għandha sezzjoni ta’ Customer Care li l-pubbliku jfaħħar ħafna s-servizzi tagħha, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ilmenti li rċeviet din id-diviżjoni matul din is-sena? Kemm minn dawn ġew solvuti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Ottubru 2022, il-Customer Care fi ħdan id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni rċieva 10,200 ilment, fejn 97.11% ġew solvuti u 2.89% kienu jaqgħu taħt entità oħra u għaldaqstant għaddew għand l-entità kkonċernata.

Interventi fuq bajjiet ramlin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jsiru interventi fuq bajjiet ramlin matul is-sena 2023? F’kull każ x’inhu mistenni li jkun l-intervent li ser isir? Jista’, għal kull każ, jagħti tagħrif dwar jekk hux diġà nħarġu l-permessi neċessarji għal dan ix-xogħol, u f’kull każ fejn wasal il-proċess tat-tendering għall-istess xogħol?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għadha fi stadju ta’ studju ta’ fejn ser tagħmel interventi fil-2023.

Kemmuna – bajjiet — infurzar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3829, peress li jien tlabt informazzjoni fuq x’infurzar qed isir fuq “il-bajjiet f’Kemmuna” u mhux fil-Blue Lagoon biss, jista’ l-Ministru jgħid jekk ikunx hemm żjarat mill-infurzar fil-Bajja ta’ Santa Marija? Jekk iva, kemm-il darba?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena intramaw deckchairs u umbrelel fil-bajja ta’ Blue Lagoon biss u għaldaqstant ma kienx jinneċessita infurzar f’bajjiet oħra madwar Kemmuna.

Kemmuna Beach Concessions

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3827, peress li jien staqsejt dwar il-konċessjonijiet “mogħtija” fil-bajjiet u l-Ministru wieġeb li dawn qegħdin jiġu finalizzati, jista’ l-Ministru jwieġeb fuq l-encroachments preżenti, is-site plans preżenti u fejn dawn iwasslu b’mod preżenti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4264.

Kemmuna Beach Concessions

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3826, peress li l-Ministru kien mitlub ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa pubblika għal konċessjonijiet ġewwa Kemmuna u huwa wieġeb li s-sejħa qiegħda tiġi finalizzata u se tkun ippubblikata fiż-żmien li ġej, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan ifissirx li dawk li ngħataw il-konċessjonijiet preżenti ma kienx hemm sejħa pubblika għalihom? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tagħhom? Jista’ jagħti data/żmien meta din is-sejħa ser tinħareġ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa se tinħareġ matul l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Infakkru li s-snin 2020/2021 u l-bidu tal-2022 kienu karatterizzati minn inċertezza u instabbilità li ġabet magħha l-pandemija. Għalhekk fiċ-ċirkustanzi saret estensjoni temporanja (2022) tal-kuntratt preċedenti.

San Ġiljan u Paceville – persuni taħt l-età fi stabbilimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-pulizija kemm sabu persuni taħt l-età fi stabbilimenti ġewwa Paceville u San Ġiljan?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kemmuna – encroachments — infurzar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3829, fejn il-Ministru wieġeb li uffiċjali tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jkunu fuq il-post f’Kemmuna “sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet imposti”, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma dawn il-kundizzjonijiet imposti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet jimponu li l-operant jopera fiż-żona konċessa matul il-ħinijiet stabbiliti, li l-prezz tal-kiri tad-deckchairs u umbrelel ikun viżibbli, li jipprovdi waste bins u li ma jtellax strutturi temporanji/permanenti fiż-żona konċessa.

Legal Reform for the Tourism Industry

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3717, jista’ l-Ministru jispjega r-raġuni għad-dewmien sabiex titressaq quddiem din il-Kamra liġi bbażata fuq il-White Paper 'Legal Reform for the Tourism Industry' li ġiet ippubblikata fl-2016, li l-Ministru oriġinarjament kien qal li kellha titressaq għad-diskussjoni qabel il-vaganzi tas-sajf tas-sena preżenti, u sussegwentement qal li se tkun qed titressaq matul is-sena d-dieħla?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-settur tat-turiżmu huwa settur dinamiku li ra tibdil radikali fi żmien il-pandemija. Qed inkunu analitiċi u metikolużi ħalli nassiguraw illi ntellgħu għad-diskussjoni abbozz robust li jindirizza il-ħtiġijiet tal-industrija.