Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studju dwar il-veloċità massima tal-e-scooters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6584, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju dettaljat dwar il-veloċità massima tal-e-scooters?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudju qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Ġiljan u Tas-Sliema — kontroll tal-użu tal-e-scooters fil-promenade

Question

Fid-dawl li issa r-residenti se jibdew jimxu fil-promenade ġewwa San Ġiljan/Tas-sliema issa li nbidel it-temp, jista’ l-Ministru jgħid x'se jagħmel biex jassigura li r-residenti jkunu mħarsa minn e-scooters li mhux l-ewwel darba li jolqtu lil xi resident u jweġġgħuh?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej l-istudju dwar liema l-aħjar disinn għandu jiġi implimentat. Wara jiġu kkunsultati il-kunsilli tal-madwar biex jintlaħaq ftehim.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5153 u 7032 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dwar konsulenti ingaġġati mill-Ministeru u entitajiet u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħtu. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 2097 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 146 tat-Tlieta 11 ta' Lulju 2023)

Ħal Luqa – Triq Emmanuele Luigi Galizia — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq Emmanuele Luigi Galizia, f’Ħal Luqa, li tmiss ma’ Triq l-Ingiered, hekk kif il-bollards temporanji ilhom hemm xhur, b’periklu għas-sewwieqa u ċiklisti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-SCH fuq disinn ġdid biex tiġi integrata il-parti tal-ħajt fejn qed tintervjeni Infrastructure Malta, ma’ dak l-antik. Ir-raġuni għaliex tpoġġew il-plastic barriers kienet biex jiġu evitati l-inċidenti peress li tneħħa parti mill-boundary wall l-antik u allura hemm dislivell minn mat-triq.

Għawdex – uffiċċju tat-Trasport Pubbliku — ftuħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba qed jiftaħ l-uffiċċju tat-Trasport Pubbliku fil-Bus Terminus fir-Rabat, Għawdex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Operatur tat-Trasport Publiku (Malta Public Transport) jinforma li is servizzi biex wieħed japplika ghal Tal-linja Card ġdida wieħed jista jżur waħda mill-fergħat tal-Malta Post. Dan minnbarra li wieħed jista wkoll japplika online fuq is-sit eletroniku www.publictransport.com.mt . B’dan l-arranġament dan is-servizz inxtered f’aktar lokalitajiet anke biex il publiku ikun moqdi ahjar. Sabiex tinbidel il-card minħabba li ma tkunx qiegħda taħdem jew għax tkun intilfet wieħed jista jċempel id-departiment tal-Customer Care tal-Operatur tat-Trasport Publiku fuq in-numru 21222000 sabiex tinbagħat card ġdida. Ghal xiri ta’ cards mhux personalizzati wieħed jista jagħmel dan mit-ticket machines li hemm fit-terminus tal-karozzi tal-linja ir-Rabat, mit-terminus tal-vapur ġewwa l-Mġarr kif ukoll minn xi ħwienet. Ghaldaqstant dawk is-servizzi li kienu jingħataw mil-uffiċju tal-Operatur tat-Trasport Publiku ġewwa ir-Rabat issa qegħdin jingħataw b’mod differenti.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’din il-Leġiżlatura jekk u meta sar xi safar barra mill-pajjiż u jipprovdi l-informazzjoni dwar kemm sar użu minn roaming u kemm kien il-ħlas rispettiv għal tali użu, kemm għall-Ministru kif ukoll għall-istaff tiegħu b'mod rispettiv għal kull persuna u kull safra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas tar-roaming fejn kien japplika għalija u l-istaff tiegħi fil-perjodu indikat ammonta għal €1.22c.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu tul is-sena 2022 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea li kellhom data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali fis-sena 2022 u li ġew trasposti huma s-segwenti: MTIP Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012. 02/02/2022 MTIP Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1716 tad-29 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Direttiva 2014/47/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ modifiki fid-deżinjazzjonijiet tal-kategoriji tal-vetturi li jirriżultaw minn emendi għal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip. 27/09/2022 MTIP Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1717 tad-9 ta’ Lulju 2021 li temenda d-Direttiva 2014/45/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġornament ta’ ċerti nominazzjonijiet tal-kategorija ta’ vetturi u ż-żieda tal-eCall mal-lista tal-elementi ta’ test, il-metodi, ir-raġunijiet għal falliment u l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet fl-Anness I u fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva. 27/09/2022

Remunerazzjoni tal-Eks Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7239 u jagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Jista' f'kull każ jgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Dr Grixti kien tħallas €30,261.25 fis-sena għal servizz li ta lil Transport Malta bejn Marzu 2018 u Ġunju 2022. Bejn Jannar 2021 u Jannar 2022 tħallas €20,500 għal servizzi lil Project Plus.

Għawdex – triq arterjali bejn in-Nadur u Għajnsielem – speed limit

Question

Peress li fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 7312 u 6082 ġie mwieġeb li s-sinjali kollha tat-traffiku kemm ta’ Triq l-Imġarr kif ukoll ta’ Triq Sant’ Antnin saru b’konsultazzjoni ma’ Transport Malta, jista' l-Ministru jgħid min irrakkomanda li l-ispeed limit ta' triq arterjali li saret mill-ġdid bejn in-Nadur u Għajnsielem tkun ta' 30 kilometru fis-siegħa matul it-triq kollha? Jista' jispjega kif imbagħad fi Triq Sant'Antnin li fiha r-residenzi fiha u parti minnha hija dejqa ħafna, fil-preżent ma jgħaddux żewġ vetturi fid-direzzjoni opposta, l-ispeed limit huwa ta' 50 kilometru fis-siegħa? Jista' jgħid min irrakkomanda hekk u għaliex ġie rrakkomandat hekk?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7569 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta dwar l-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdew id-diskussjonijiet u fiex waslu biex bejn il-Ministeru għal Għawdex u Transport Malta jiġi konkluż l-abbozz ta’ ftehim bil-kondizzjonijiet/responsabbiltajiet rispettivi għall-immaniġġar tal-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri biex il-binja storika tkun imħarsa u miżmuma tajjeb?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Key Expert – Electrical Engineer

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3696 u 6752, peress li kif qed jikkonferma l-Ministru huwa l-individwu li jkun appuntat bħala Key Expert u “mhux il-kumpanija li tkun assistiet lill-kuntrattur biex tinstab il-persuna kwalifikata”, jista' l-Ministru jispjega kif f'Dokument A li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b’rabta mal-mistoqsija parlamentari 3114 jingħad li t-terminazzjoni tal-impjieg saret minn din il-kumpanija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument A li qed issir referenza għalih mhuwiex dokument magħmul mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, imma mill-Kuntrattur, għaldaqstant il-Ministeru ma għandu xejn xi jżid mat-tweġibiet li diġà ngħataw.

Kuntratt għas-servizzi professjonali – tender IM014/2020

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rabta uffiċjali għandha mal-kuntratt għas-servizzi professjonali mogħti b'tender IM014/2020 il-kumpanija, li isimha qed jingħata separatament? Jekk hemm rabta, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-data ta' meta bdiet din ir-rabta, id-dokument li juri meta ġew appuntati u l-approvazzjoni tal-Contracting Authority?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara x’jifhem bil-kelma ‘rabta uffiċċjali’.

Applikazzjonijiet għal zebra crossings ġodda

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta' zebra crossings ġodda illi għalihom hemm applikazzjonijiet f'kull lokalità mill-Gvernijiet Lokali rispettivi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-zebra crossing applications li hemm applikazzjoni pendenti għand Transport Malta huma : Ħaz-Zebbuġ – Misraħ San Filep Tarxien – Triq San Anard Tarxien – Triq il-Palma

Mtarfa – Triq in-Narċis – tiswija ta’ asfaltar

Question

Peress li l-garaxxijiet fi Triq in-Narċis, l-Imtarfa, qegħdin jegħrqu malli tagħmel ftit xita minħabba li meta sar l-asflatar fit-triq, it-triq saret ħażin u l-konkos ġie jaqleb għal ġol-garaxxijiet minflok jaqleb 'il barra mit-triq u apparti minn hekk, il-gulley li hemm fil-bidu ta’ din it-triq ma jaħdimx minħabba li ġie installat ħażin, jista’ l-Ministru jgħid meta se titranġa din il-problema u jara li jsir intervent biex jissewwa l-asfaltar f’din it-triq billi jinqata' biċċa mill-konkos fejn meħtieġ sabiex l-art ma tibqax taqleb l-ilma għal ġol-garaxxijiet, u l-gulley jibda jaħdem kif suppost b'mod effettiv?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet minn Infrastructure Malta fi Triq in-Narċis, Mtarfa, ġew konklużi fis-sena 2019. Ta’ min jinnota li waqt ix-xogħlijiet inżammew l-istess livelli oriġinali filwaqt li ma sar ebda tibdil fis-sistema tal-ilma tax-xita ħlief li tranġaw xi partijiet li ma kinux qed jiffunzjonaw tajjeb. Għaldaqstant l-ilment li qed isir f’din il-Mistoqsija Parlamentari ma jistax jiġi attribwit jew saħansitra assoċjat ma’ xogħlijiet li saru mill-Infrastructure Malta erba’ snin ilu.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – ħsarat li qegħdin iġarrbu karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għall-ħsarat li qed iġarrbu karozzi fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa, in-naħa tal-Freeport, waqt li qegħdin isiru x-xogħlijiet, imma t-triq xorta waħda hija miftuħa għat-traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għandha proċedura dwar kif għandhom isiru t-talbiet għal kumpens fuq ħsarat tal-karozzi. Wara li ssir evalwazzjoni tal-każi, tagħti kumpens lill-individwi li jkunu ġarrbu ħsara fuq il-vetturi tagħhom b’konsegwenza ta’ l-istat ta’ toroq taħt responsabilita’ tagħha. F’każ li l-ħsara tkun saret kawza ta’ negliġenza min-naħa tal-kuntrattur, il-kumpens isir mill-istess kuntrattur.

Ċertifikazzjoni minn kumpanija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6670, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikazzjoni relatata li nħarġet mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Transport Malta – parking permits

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' Transport Malta f'każ li persuna tapplika għal parking permit biex tirriżerva numru ta' parkeġġi ta' karozzi sabiex tkun tista' twettaq xi xogħol u wieħed minn dawn il-parkeġġi li jkollha bżonn ikun parkeġġ riżervat għal persuni b’diżabilità (kemm jekk hu personalizzat jew communal)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull fejn ikun hemm ħtieġa li jsir xi xogħol fejn ikun hemm parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità (kemm jekk hu personalizzat jew communal) għandu jkun provdut parkeġġ ieħor temporanju sakemm jitlesta x-xogħol.

Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6716 u 7015 u jgħid x'inhi l-policy, l-istandard jew il-prattika użata dwar kif (id-direzzjoni) jorbtu l-vapuri mal-mollijiet tal-Malta Freeport Terminals, għaliex ħafna drabi dawn jorbtu bil-poppa u għalhekk il-magni u l-ħsejjes ikunu l-eqreb lejn l-abitant? Hemm possibbiltà li din il-prassi tinbidel b'tali mod li l-ħsejjes ikunu l-aktar 'il bogħod mir-residenti, dejjem jekk l-istandards u r-regoli tal-marittimu u tas-sigurtà jippermettu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjani li l-prattika tal-ħatt u t-tagħbija tal-bastimenti titbiegħed iżjed mill-abitat, u dan kif se jkun qed iseħħ bi proġett, li qed jiġi propost attwalment. Ma’ dan ngħarrfu wkoll li l-kaptan tal-bastiment, fuq konsultazzjoni mal-piloti marittimi, jiddetermina l-arranġamenti tal-irmiġġ bħala parti minn Skambju ta' Informazzjoni dwar il-Bdot u l-Kaptan abbord. Dan hu fl-interess li jiġi żgurat li l-manuvri tal-wasla u tat-tluq tal-bastimenti jitwettqu b'mod sigur bir-riskji kollha minimizzati sa fejn hu possibbli.

Għar Lapsi – niżla ta’ Sa Meżun – tiswija tal-parati

Question

Jista' l-Ministru jinkariga lil Transport Malta biex jerġgħu jissewwew il-parati tan-niżla ta' Sa Meżun f'Għar Lapsi, li tbiddlu ftit xhur ilu, għall-użu tas-sajjieda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin, id-dipartiment tal- manutenzjoni fi ħdan Transport Malta se jkun qed jiprepara stima tal-ispejje¿ li hemm involuti u wara li tinġieb l-approvazjoni meħtieġa toħroġ sejħa biex isir ix-xogħol.

Imqabba – Triq il-Parroċċa u Triq it-Torri Vincenti — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-valur tax-xogħlijiet li saru fil-bini ta’ mogħdija bejn Triq il-Parroċċa u Triq it-Torri Vincenti fl-Imqabba, min huma l-kuntratturi li għamlu x-xogħlijiet u kemm-il darba sar xogħol ta’ tiswija wara li nbniet it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta m’għamlitx xogħol fil-mogħdija li qed tiġi riferuta għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari numru 7060.