Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — miri tal-Horizon 2020

Question

Il-miri tal-Horizon 2020 huma li: a) tal-inqas 40% tal-persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni jkunu nisa; b) tal-inqas 50% tal-persuni f’ advisory groups ikunu nisa; u c) jiżdied in-numru ta’ nisa fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jitneħħew il-forom kollha ta’ deskrizzjoni a bażi tal-ġeneru. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri;u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9279 tas-Seduta 205.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – nefqa fuq reklamar fil-media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 252, 2312, 2342, 2357, 2417, 7533 u 8688 ta’ din il-Leġiżlatura. Nirreferih ukoll għat-tweġibiet mogħtija fil-Leġiżlatura XII għall-mistoqsijiet parlamentari 2271, 4794 u 11973.

Unit/plots tal-Home Ownership Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il unit/plot tal-Home Ownership Scheme tas-snin 80 u li fuqhom ir-residenti għadhom jgħixu b’konvenju li jiġġedded għax is-sidien tal-art oriġinali għadhom ma tħallsux mil-Lands Authority, ġew imħallsa mil-Lands Authority fl-2017, 2018 u 2019 (s’issa)? Jista’ jgħid kemm intefqu flus u f’liema lokalitajiet kienu dawn ir-residenzi?

Response (BORG, IAN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar xhur twaqqaf kumitat tekniku bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorijiet tad-Djar sabiex jibdew jissolvew in-numru kbir ta’ każijiet li hemm pendenti li ilhom għexieren ta’ snin pendenti sabiex is-sidien isiru verament sidien ta’ djarhom inkluż meta hu kien ministru responsabbli għall-istess ħlasijiet.

Awtorità tal-Ippjanar — Applikazzjonijiet għall-Imwejjed u Siġġijiet f'Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u/jew strutturi oħra fuq bankini, f'toroq jew fi spazji pubbliċi fil-lokalità ta' Pembroke? Jista' l-Ministru jindika għal kull applikazzjoni, in-numru ta' referenza tal-applikazzjoni, deskrizzjoni tas-sit, id-daqs tal-ispazju u jekk l-applikazzjoni ġietx aċċettata, rifjutata jew jekk għadhiex pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda applikazzjoni għal żvilupp, relatata mat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u strutturi relatati magħhom, f'Pembroke, li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat/ivalidat bejn l-1 ta' Jannar 2013 u s-17 ta' Frar 2019. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, validati jew ippublikati fil-perjodu msemmi u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti: · table iżda mhux stable, habitable, vege table, potable, inflatable · chair · outside catering · outdoor seating · mejda · mwejjed · siġġu · siġġijiet

Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjonijiet għall-imwejjed u siġġijiet f'Baħar iċ-Ċagħaq limiti tan-Naxxar

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u/jew strutturi oħra fuq bankini, f'toroq jew fi spazji pubbliċi f'Baħar iċ-Ċagħaq fil-limiti tal-lokalità tan-Naxxar? Jista' l-Ministru jindika għal kull applikazzjoni, in-numru ta' referenza tal-applikazzjoni, deskrizzjoni tas-sit, id-daqs tal-ispazju u jekk l-applikazzjoni ġietx aċċettata, rifjutata jew jekk għadhiex pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2013 sas-17 ta' Frar 2019 l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat/ivalidat tliet applikazzjonijiet għal żvilupp li, relatati mat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u strutturi relatati magħhom f'Baħar iċ-ċagħaq; wieħed kull sena fl-2015, fl-2016 u fl-2017. Lista ta' dawn l-applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba qed tiġi annessa fit-tabella t’hawn taħt; Applications relating to Tables & Chairs and related structures Published / Validated between 01/01/2013 and 17/02/2019 CaseFullRef Val/Pblt Date Proposal Location SiteArea isPermitted L.C. Year PA/01276/17 01/03/2017 Proposed landscaping works to include proposed tables and chairs and outdoor bar area Class 4C. Site at, Triq Il-Kosta, Bahar Ic-Caghaq, Naxxar, Malta 550 Not Permitted Naxxar 2017 PA/02162/16 15/06/2016 Location of mobile kiosk ancillary facilities (tables and chairs) Site at (parking), Triq is-Salini, Triq Il- Kosta, Bahar Ic-Caghaq, Naxxar, Malta 1640 Not Permitted Naxxar 2016 PA/00482/15 09/02/2015 Sanctioning of and extension to existing platform with surrounding wrought iron railings, including placing of tables and chairs. Proposed retractable canopy. 'Marley's', Triq Xatt il-Palm, Bahar Ic-Caghaq, Naxxar, Malta 156 Permitted Naxxar 2015 Is-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar ma tinkludix indikazjoni jekk tali applikazjonijiet ikunux proposti fuq art pubblika jew le, għalhekk il-lista taf tinkludi xi każijiet fejn dawn l-imwejjed u siġġijiet jistgħu kienu proposti li jitpoġġew fuq art tal-applikant, bħal per eżempju fil-parapett tal-istabbiliment stess. L-Awtorità, m'għandiex fis-sistema tagħha d-daqs li jkun ikopri tali żvilupp. Il-figuri li huma inklużi fil-lista msemmija hawn fuq, huma l-qisien tas-sit li l-perit ikun indika fil-formola tal-applikazzjoni, li tista' tinkludi fiha ukoll id-daqs tal-istabiliment, partikolarment fejn l-applikazjoni kienet tinkludi ukoll xi tibdil fl-istabiliment. Minħabba li Baħar iċ-Ċagħaq mhux Kunsill Lokali għalih, jekk meta ddaħlet l-applikazjoni ma ssemiex l-isem tal-lokalità fl-indirizz, iżda dan tniżżel bħala indirizz fin-Naxxar, tali każ ma jkunx inkluż f'din il-lista. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, validati jew ippublikati mill- 1 ta' Jannar 2013 sas-17 ta' Frar 2019 u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti: · table iżda mhux stable, habitable, vegetable, potable, inflatable · chair · outside catering · outdoor seating · mejda · mwejjed · siġġu · siġġijiet

Infrastruttura Malta – tiswijiet fuq il-moll ta’ Mġarr ix-Xini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsiru t-tiswijiet meħtieġa minn Infrastructure Malta fuq il-Moll ta’ Mġarr ix-Xini u l-area tal-madwar ix-xtajta, peress li huwa ta’ periklu għan-nies li jiffrekwentaw din il-bajja ġewwa Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta għaddejja bit-tħejjijiet sabiex twettaq it-tiswijiet meħtieġa fi Mġarr ix-Xini dalwaqt, qabel is-sajf.

Rabat Għawdex — każ ta'esproprjazzjoni ta' art

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentaru 9272, u li fit-tweġiba ntqal li "l-Awtorità tal-Artijiet qed tikkontendi li dawn ma jidhirx li għandhom titolu fuq l-art, Dan għaliex bħala prova tat-titolu ppreżentaw diviżjoni u l-art in kwistjoni ma kinitx imsemmija f'tali diviżjoni", jista' l-Minsitru jiċċara u jgħid, li għal rigward fejn intqal li l-Awtorità qed tikkontenti li dawn ma jidhirx li għandhom titolu fuq l-art, jekk humiex is-sidien li m'għandhomx dritt jew inkella t-terzi persuni li resqu l-kontestazzjoni fuq l-art?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet bħal ma diġa' għidna fir-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9272, il-persuni illi rreferejt għalihom u li m'għandhomx titolu fuq l-art huma dawk li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament minnu f’mistoqsija 6452. Rigward dan, il-persuni in kwistjoni diġa ġew infurmati.

Art Pubblika bi Qbiela

Question

B’referenza għall-art pubblika li hi bi qbiela, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Gvern idaħħal kundizzjoni li fejn f’dawk l-inħawi huma żoni stabbiliti bħala għalqa ta’ ħruq tal-logħob tan-nar, dan ma jistax jiġi miċħud minn min ikollu qbiela?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Transport Malta – Uffiċjali — insurance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali ta’ Trasport Malta, li xogħolhom hu barra fit-toroq jiggwidaw is-sigurtà u t-traffiku, humiex inxurjati, bħalma huma l-pulizija? X’inhi r-raġuni għalfejn il-ħin ta’ fixed point għal darba oħra twal minn 4 għal 8 sigħat? Liema union ġiet ikkonsultata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, l-uffiċjali ta’ Transport Malta li xogħolhom hu barra fit-toroq huma nxurjati bħal ħaddiema kollha l-oħra ta’ l-Awtorità. Fuq ir-rigward tal-fixed point hemm taħdidiet għaddejin mal-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema.

Pjazza Raħal Ġdid u Ġnien Duminku Mintoff – bike racks

Question

B’referenza għall-pjazza ta’ Raħal Ġdid u Ġnien Duminku Mintoff Paola, fejn tpoġġew bike racks tal-concrete, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li min ħa ħsieb il-proġett ma użax l-iskema approvata tal-gvern biex ikun hemm bike racks li huma Sheffield type li wara kollox huma approvati wkoll mill-Bicycle Advocacy Group?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjonijiet għall-imwejjed u siġġijiet f'Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u/jew strutturi oħra fuq bankini, f'toroq jew fi spazji pubbliċi fil-lokalità ta' Tas-Sliema? Jista' l-Ministru jindika għal kull applikazzjoni, in-numru ta' referenza tal-applikazzjoni, deskrizzjoni tas-sit, id-daqs tal-ispazju u jekk l-applikazzjoni ġietx aċċettata, rifjutata jew jekk għadhiex pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet għal żvilupp li l-Awtorità tal-Ippjanar ippublikat/ivalidat, relatati mat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u strutturi relatati magħhom f'Tas-Sliema, huwa kif muri fit-tabella li qed tiġi annessa; Applications relating to Tables & Chairs and related structures Published / Validated between 01/01/2013 and 17/02/2019 Count of Case Full Ref Year Total 2013 3 2014 3 2015 4 2016 14 2017 6 2018 9 Grand Total 39 Is-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar ma tinkludix indikazjoni jekk tali applikazjonijiet ikunux proposti fuq art pubblika jew le, għalhekk il-lista taf tinkludi xi każijiet fejn dawn l-imwejjed u siġġijiet jistgħu kienu proposti li jitpoġġew fuq art tal-applikant, bħal pereżempju fil-parapett tal-istabbiliment stess. L-Awtorità, m'għandiex fis-sistema tagħha d-daqs li jkun ikopri tali żvilupp. Il-figuri li huma inklużi fil-lista msemmija hawn fuq, huma l-qisien tas-sit li l-perit ikun indika fil-formola tal-applikazzjoni, li tista' tinkludi fiha ukoll id-daqs tal-istabiliment, partikolarment fejn l-applikazjoni kienet tinkludi ukoll xi tibdil fl-istabiliment. Il-lista tal-istess applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, validati jew ippubblikati mill- 1 ta' Jannar 2013 sas-17 ta' Frar 2019 u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti: · table iżda mhux stable , habitable , vegetable , potable , inflatable · chair · outside catering · outdoor seating · mejda · mwejjed · siġġu

Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjonijiet għall-imwejjed u siġġijiet f'San Ġiljan u Paceville

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u/jew strutturi oħra fuq bankini, f'toroq jew fi spazji pubbliċi fil-lokalità ta' San Ġiljan inkluż Paceville? Jista' l-Ministru jindika għal kull applikazzjoni, in-numru ta' referenza tal-applikazzjoni, deskrizzjoni tas-sit, id-daqs tal-ispazju u jekk l-applikazzjoni ġietx aċċettata, rifjutata jew jekk għadhiex pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet għal żvilupp li l-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat/ivvalidat, relatati mat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u strutturi f'San Ġiljan (li jinkludi l-lokalità ta' Paceville), huwa kif muri fit-tabella li qed tiġi annessa; Applications relating to Tables & Chairs and related structures Published / Validated between 01/01/2013 and 17/02/2019 Count of Case Full Ref Year Total 2013 2 2014 2 2015 6 2016 13 2017 14 2018 7 Grand Total 44 Is-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar ma tinkludix indikazjoni jekk tali applikazjonijiet ikunux proposti fuq art pubblika jew le, għalhekk il-lista taf tinkludi xi każijiet fejn dawn l-imwejjed u siġġijiet jistgħu kienu proposti li jitpoġġew fuq art tal-applikant, bħal per e¿empju fil-parapett tal-istabbiliment stess. L-Awtorità, m'għandiex fis-sistema tagħha d-daqs li jkun ikopri tali żvilupp. Il-figuri li huma inklużi fil-lista msemmija hawn fuq, huma l-qisien tas-sit li l-perit ikun indika fil-formola tal-applikazzjoni, li tista' tinkludi fiha ukoll id-daqs tal-istabiliment, partikolarment fejn l-applikazjoni kienet tinkludi ukoll xi tibdil fl-istabiliment. Il-lista tal-istess applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, validati jew ippublikati mill- 1 ta' Jannar 2013 sas-17 ta' Frar 2019 u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti: · table iżda mhux stable , habitable , vegetable , potable , inflatable · chair · outside catering · outdoor seating · mejda · mwejjed · siġġu · siġġijiet

Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjonijiet għall-imwejjed u siġġijiet fil-Gżira

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u/jew strutturi oħra fuq bankini, f'toroq jew fi spazji pubbliċi fil-lokalità tal-Gżira? Jista' l-Ministru jindika għal kull applikazzjoni, in-numru ta' referenza tal-applikazzjoni, deskrizzjoni tas-sit, id-daqs tal-ispazju u jekk l-applikazzjoni ġietx aċċettata, rifjutata jew jekk għadhiex pendenti?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' applikazzjonijiet għal żvilupp li l-Awtorità tal-Ippjanar ippublikat/ivvalidat, relatati mat-tqegħid ta' mwejjed, siġġijiet u strutturi fil-Gżira, huwa kif muri fit-tabella li qed tiġi annessa; Applications relating to Tables & Chairs and related structures Published / Validated between 01/01/2013 and 17/02/2019 Count of Case Full Ref Year Total 2013 1 2015 2 2016 6 2017 9 2018 6 Grand Total 24 Il-lista tal-istess applikazzjonijiet bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Is-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar ma tinkludix indikazjoni jekk tali applikazjonijiet ikunux proposti fuq art pubblika jew le, għalhekk il-lista taf tinkludi xi każijiet fejn dawn l-imwejjed u siġġijiet jistgħu kienu proposti li jitpoġġew fuq art tal-applikant, bħal per eżempju fil-parapett tal-istabbiliment stess. L-Awtorità, m'għandiex fis-sistema tagħha d-daqs li jkun ikopri tali żvilupp. Il-figuri li huma inklużi fil-lista msemmija hawn fuq, huma l-qisien tas-sit li l-perit ikun indika fil-formola tal-applikazzjoni, li tista' tinkludi fiha ukoll id-daqs tal-istabiliment, partikolarment fejn l-applikazjoni kienet tinkludi ukoll xi tibdil fl-istabiliment. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjonijiet, validati jew ippublikati mill-1 ta' Jannar 2013 sas-17 ta' Frar 2019 u li fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kelmiet segwenti: · table iżda mhux stable , habitable , vegetable , potable , inflatable · chair · outside catering · outdoor seating · mejda · mwejjed · siġġu · siġġijiet

Proġett Central Link

Question

Billi fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8903 dwar il-Proġett Central Link, kien hemm referenza għar-rapport tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju dwar l-impatt ambjentali (EIA) li ġew elenkati fir-rapport tal-ERA dwar: · Land-use and loss of agricultural land; · Air quality from the increase in traffic; · Noise during construction and operation; · Ecology, including the uprooting of trees; · Geology, geomorphology and hydrology; · Cultural heritage; u · Landscape and visual amenity ? Jista’ jgħid jekk hux minnu li dan id-dokument iġib id-data tat-23 ta’ Frar 2019 allura dan ifisser li l-approvazzjoni tal-proġett sar qabel il-konklużjoni tal-ERA?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8903 li qed issir referenza għaliha tgħid hekk dwar id-dokumenti li qed jintalbu f’din il-mistoqsija: ‘Dawn l-istudji kollha ġew ippubblikati mill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u Riżorsi fil-ġimgħat li għaddew’. Huwa diffiċli wieħed jifhem għaliex qed issir talba għal dawn id-dokumenti meta huma pubbliċi u aċċessibbli għal kulħadd. Fl-istess waqt, ikun apprezzat jekk l-Onor. Interpellant jindika għal liema “approvazzjoni tal-proġett” qed jirreferi għaliha. Nikkonferma li l-awtoritajiet kompetenti, fosthom dawk tal-ambjent u tal-ippjanar, għadhom qed jikkunsidraw l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ Central Link Project u dan il-proċess għadu ma wasalx fi stadju ta’ deċiżjoni. Għalhekk, għad m’hemm l-ebda approvazzjoni u mhux ċar għal xiex qed issir referenza f’din il-mistoqsija. Central Link Project huwa investiment importanti għal ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar fiċ-ċentru tal-pajjiż, permezz tal-bini mill-ġdid u t-titjib tar-rotta sħiħa bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, lejn Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, r-Rabat u l-Imġarr. Permezz tiegħu ser jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u diversi bottlenecks, fosthom id-diffikultà ta’ Triq in-Nutar Zarb, fejn dawk kollha ġejjin min naħa tal-Mosta, Ta’ Qali u r-Rabat jkollhom jgħaddu minn lembut ta’ korsija waħda dejqa bil-bini maż-żewġ naħat. Ser jitneħħew ukoll ostakli li saru minn amminstrazzjonijiet preċedenti meta fl-inħawi ta’ Wied Inċita ċċekknu l-karreġġjati billi twessgħu is-central strips. Bħalissa, dawn l-ostakli fir-rotta arterjali użata minn madwar 30,000 vettura kuljum qed joħolqu diffikultajiet kbar fl-ivjaġġar. Qed jolqtu ħażin ukoll lir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, speċjalment minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi li jgħaddu mit-toroq residenzjali dojoq fejn jgħixu, b’aktar riskji ta’ aċċidenti, kif ukoll storbju u tniġġis tal-arja. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ aktar minn 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi, l-itwal korsija għar-roti maqtugħa mit-triq li qatt kien hawn f’Malta, bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, faċilitajiet aktar sikuri għal dawk li jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku u aktar minn 19,000 metru kwadru ta’ żoni bis-siġar u pjanti oħra (landscaped areas). Wara konsultazzjonijiet estensivi li saru mar-residenti tal-inħawi, għaqdiet mhux governattivi u entitajiet oħrajn, il-pjanti tal-proġett komplew jiġu rfinuti sabiex ikomplu jiżdiedu l-benefiċċji għal dawk li jużaw dawn it-toroq, u partikolarment għar-residenti tal-lokalitajiet tal-madwar fosthom Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Dawn il-pjanti finali ġew sottomessi lill-Awtorità tal-Ippjanar bħala parti mill-proċess biex jiġu deċiżi l-permessi tal-iżvilupp meħtieġa.

Awtorità tal-Artijiet – Fortizza ta’ Bengħajsa — konċessjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx konċessjonijiet jew xi titolu favur terzi in rigward il-Fortizza ta’ Bengħajsa fil-limiti ta’ Birżebbuġa jew jekk din il-fortizza hiex fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

sNinforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li wara spezzjonijiet preliminari, is-sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet ser tkun qed tipproċedi billi tinvestiga s-sit f’iktar dettal.

Barrieri f’Għawdex – permessi għal materjal tal-kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm barrieri ġewwa Għawdex li għandhom il-permessi kollha meħtieġa li jirċievu materjal tal-kostruzzjoni? Jista’ jindika n-numru ta’ dawn il-barrieri, kif ukoll f'liema lokalità jinsabu u l-indirizz ta’ dawn il-barrieri u kemm minnhom qed jilqgħu skart tal-kostruzzjoni fil-preżent?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9244 tal-istess Seduta.

Barrieri għar-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8588, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx barrieri li qed jintużaw għar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni li l-gvern għandu titlu ta’ art fuqhom? Jista’ jgħid liema huma billi jsemmihom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-lista mitluba qed titpoġġa’ fuq il-mejda tal-kamra. Skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Artijiet rigward l-operat, il-mistoqsija parlamentari trid tiġi ndirizzata lil Ministeru kkonċernat. Barriera tingħata b’kirja għat-tqatiegħ ta’ ġebel u żrar u mhux necessarjament ikollna informazzjoni jekk hux qed tintuża biex jintrema’ skart ta’ kostruzzjoni. Jekk jintrema’ skart ta’ kostruzzjoni, l-azzjoni mhix bilfors hija illegali peress li waħda mill-kundizzjonijiet tal-kirjiet antiki għal barrieri kienet illi jridu jagħmlu rijabilitazzjoni tal-barriera hekk kif ma jifdalx xi jqattgħu minnha. Rijabilitazzjoni tfisser li barriera tista’ timtela’ u ssir għalqa, u l-kuntratti ma jispeċifikawx kif.

Awtorità tal-Ippjanar – enforcements u direct actions kontra garaxxijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-Awtorità tal-Ippjanar, kemm għamlet Enforcements u Direct Actions kontra garaxxijiet li fihom jgħixu n-nies u żgumbrawhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat li mis-sistema informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar jirriżulta li hemm reġistrati 60 każ ta’ avviżi ta’ infurzar (enforcements) li jirrelataw ma’ bdil ta’ użu ta’ garaxxijiet għal residenzi. L-użu residenzjali twaqqaf fi 15-il każ minnhom, filwaqt li f’29 każ l-użu ġie sanzjonat jew regolarizzat skont il-policy rispettiva. Is-16-il każ l-ieħor għadhom pendenti minħabba appell, applikazzjoni sanatorja jew fil-lista ta’ direct actions.

Proġett tas-Central Link

Question

Filwaqt li napprezza r-risposta mogħtija mill-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 8903, u peress li mhux il-mistoqsijiet oriġinali kollha ġew imwieġba, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8903 u ċjoè: B’referenza għall-proġett tas-Central Link, jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm huwa n-numru ta' bdiewa, sew full-time kif ukoll part-time , li sejrin jitilfu, jew se jkunu milquta fix-xogħol tagħhom kemm direttament kif ukoll indirettament bħala bdiewa; b. kemm-il tomna raba' maħduma se tinqered minħabba dan il-proġett; c. kemm-il ġibjun li jaħżen l-ilma, riżors li qed isir aktar rari u mfittex minn ġurnata għall-oħra, se jinqered biex jagħmlu wisgħa għal dan il-proġett; u d. kemm-il siġra se tinqered biex ukoll tagħmel wisgħa għal dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Central Link Project huwa investiment importanti għal ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar fiċ-ċentru tal-pajjiż, permezz tal-bini mill-ġdid u t-titjib tar-rotta sħiħa bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, lejn Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, r-Rabat u l-Imġarr. Permezz tiegħu ser jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u diversi bottlenecks, fosthom id-diffikultà ta’ Triq in-Nutar Zarb, fejn dawk kollha ġejjin min naħa tal-Mosta, Ta’ Qali u r-Rabat ikollhom jgħaddu minn lembut ta’ korsija waħda dejqa bil-bini maż-żewġ naħat. Ser jitneħħew ukoll ostakli li saru minn amminstrazzjonijiet preċedenti meta fl-inħawi ta’ Wied Inċita ċċekknu l-karreġġjati billi twessgħu s-central strips. Bħalissa, dawn l-ostakli fir-rotta arterjali użata minn madwar 30,000 vettura kuljum qed joħolqu diffikultajiet kbar fl-ivjaġġar. Qed jolqtu ħażin ukoll lir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, speċjalment minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi li jgħaddu mit-toroq residenzjali dojoq fejn jgħixu, b’aktar riskji ta’ aċċidenti, kif ukoll storbju u tniġġis tal-arja. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ aktar minn 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi, l-itwal korsija għar-roti maqtugħa mit-triq li qatt kien hawn f’Malta, bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, faċilitajiet aktar sikuri għal dawk li jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku u aktar minn 19,000 metru kwadru ta’ żoni bis-siġar u pjanti oħra (landscaped areas). It-tagħrif dwar l-impatti pożittivi jew negattivi li dan il-proġett jista’ jkollu fuq l-inħawi, fosthom id-dettalji dwar l-agrikoltura, is-siġar, strutturi u l-ambjent naturali li qed jiġu mitluba, jinsabu fl-istudji tekniċi li saru minn esperti indipendenti bħala parti mill-proċess tal-environmental impact assessment (EIA), li sar bi tħejjija għat-twettiq ta’ dan l-investiment. Dawn l-istudji kollha ġew ippubblikati mill-Awtorità Maltija tal-Ambjent u Riżorsi fil-ġimgħat li għaddew u jinsabu disponibbli pubblikament, kif diġa indikajt fit-tweġiba għall-mistoqsija 8903 li qed issir referenza għaliha.

Rabat Għawdex – każ ta’ esproprjazzjoni ta’ art

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 6690, li kienet tittratta art fir-Rabat Għawdex, liema art kienet esproprijata f'Mejju 1997, u li fuq l-istess art, fl-2015, 18-il-sena wara li ġie ppubblikat l-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern, kienet saret kontestazzjoni minn terzi persuni, u peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija ntqal li l-Uffiċċju Legali tal-Awtorità qiegħed fil-proċess li jeżamina dawn id-dokumenti, jista' l-Ministru jgħid (1) x'inhuma d-dokumenti li ġew ippreżentati (2) jista' jgħid, issa li għaddew seba' xhur minn meta ngħatat it-tweġiba, x'irriżulta mid-dokumenti li ġew ippreżentati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtoritá tal-Artijiet, fir-rigward tal-persuni li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament f’mistoqsija 6452, l-Awtoritá tal-Artijiet qed tikkontendi li dawn ma jidhirx li għandhom titolu fuq l-art. Dan għaliex bħala prova tat-titolu ppreżentaw divizjoni u l-art in kwistjoni ma kinitx imsemmija f’tali diviżjoni. Rigward dan, il-persuni in kwistjoni diġà ġew infurmati.