Att dwar is-Saħħa - Regola 24(2) - Kura b’xejn għal TCNs
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29673 u jgħid għaliex il-policy dwar il-kura b’xejn għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) ma kinitx ippubblikata permezz tar-regolamenti taħt l-Att dwar is-Saħħa (Kap. 528), kif mitlub mir-Regola 24(2)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 31138.
Sptar Mater Dei u Ċentri tas-Saħħa - Kura b’xejn għal TCNs
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29672 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tintuża fl-Isptar Mater Dei u fiċ-Ċentri tas-Saħħa biex tiġi determinata l-eleġibbiltà ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs) biex ikollhom aċċess għall-kura b’xejn u li tindika wkoll il-bażi legali li hija msejsa fuqha din il-policy?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-Isptar Mater Dei u ċ-Ċentri tas-Saħħa huwa ggwidat mil-Leġislazzjon Sussidjara 35.28 "Regolamenti dwar drittijiet għall-kura tas-saħħa", li kopja ta’ dawn ir-regolamenti diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti differenti fil-Young People’s Unit (YPU) minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’etajiet kellhom u x’ġeneru? Jista’ jgħid kemm kellu sessjonijiet ma’ psikoloġista kull pazjent minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li sal-15 ta’ Ottubru 2025 daħlu 64 pazjent fil-YPU. Minnhom, 10 pazjenti kellhom bżonn jidħlu aktar minn darba (re-admissions).
Infurmat li 39 huma bniet u 25 subien. Hemm 45 li għandhom bejn 12 u 15-il sena u 19 bejn 16 u 17-il sena.
Infurmat li b’kollox saru 194 sezzjoni ta’ terapija fuq bażi individwali minn psikoterapisti, kif wkoll 115 il- sezzjoni individwali mal-Occupational Therapist.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru gruppi ta’ terapija fil-Young People’s Unit (YPU) minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Ottubru saru 10 gruppi formali ta’ terapija ma’ psikoterapisti. Dawn il-gruppi iffokaw fuq regolazzjoni emozjonali, għarfien personali, tagħlim ma ta’ madwarna kif ukoll mezzi ta’ coping.
Saru wkoll 36 grupp ta’ terapija fiżika mal-fiżjoterapisti.
Infurmat li sfortunatament ikun hemm xi gruppi ta’ tereapija varji li jitħassru minħabba, fost l-oħrajn, tfal jirrifjutaw li jattendu jew għax uħud ikunu għaddejjin minn fażi akuta.
Barra minn hekk, infurmat li saru 194 sezzjoni ta’ terapija fuq bażi individwali minn psikoterapisti, kif wkoll 115-il sezzjoni individwali mal-Occupational Therapist.
Jista’ l-Ministru jgħid kif tkun imqassma ġimgħa tipika fil-Young People’s Unit (YPU)?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li ġimgħa tipika fil-YPU tibda bil-kolazzjoni fis-7.30 a.m. Bejn it-8.00 a.m. u l-11.30 a.m. visti mit-tobba (nhar ta’ Tnejn u l-Erbgħa) u attivitajiet mal-infermiera. Fil-11.30 a.m. ikun hemm l-ikla ta’ nofsinhar. Wara jkun hemm sessjonijiet mal-keyworker u ħin liberu. Nhar ta’ Erbgħa ikun hemm terapija fi grupp ma’ psikologa meta tinħass il-ħtieġa.
Bejn is-2.00 p.m. u t-3.30 p.m. ikollhom ħin għal-logħob u eżerċizzji. Bejn it-3.30 p.m. u l-5.00 p.m. ikun hemm ħin għaż-żjarat. Wara jingħata l-ikel. Bejn il-5.30 p.m. u s-7.00 p.m. ikun hem attivitajiet tal-komunità mal-infermiera. Dawn ikunu segwiti b’diskussjonijiet miftuħa mal-infermiera. Fit-8.30 p.m. jingħata ikel ħafif, iġjene personali u irqad.
Infurmat ukoll li l-psikjatri u speċjalisti jaraw lit-tfal mhux biss fil-ġranet stipulati tal-vista imma wkoll meta tfal ikunu ammessi, kif ukoll skond il-bżonn li jinqala’. L-infermiera huma wkoll aċċessibbli lejl u nhar mat-tfal.
Crisis Resolution and Home Treatment Team – rendikont ta’ ħidma
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31221 u jagħti rendikont tal-ħidma li wettaq matul dawn l-aħħar sentejn it-tim multidixxiplinarju ‘Crisis Resolution and Home Treatment Team’?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-rendikont tat-tim multidixxiplinarju ‘Crisis Resolution and Home Treatment Team’ qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ispejjeż kollha tal-anzjani, apparti s-salarju tal-carer, li jħallsu sabiex ikollhom carer id-dar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li l-ispejjeż relatati mal-impjieg ta’ carers jistgħu jvarjaw skont il-każ. L-anzjan jista’ jagħżel li jimpjega carer direttament jew jixtri s-servizz mingħand kumpaniji liċenzjati. Fiż-żewġ każijiet, irid isir kuntratt quddiem in-nutar li jinkludi dak kollu miftiehem u l-ispejjeż relatati.
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hi responsabbli għas-sussidju ta’ €8,500 fis-sena li jingħata lill-persuna anzjana li jkollu/jkollha carer full-time, jew pro-rata għal min ikollu carer part-time.
Snin 2024 u 2025 – Basic Specialist Trainee Doctors – Applikazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn ċittadini Maltin, ċittadini ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u oħrajn minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, għall-Basic Specialist Trainee Doctors? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew aċċettati u kemm ġew irrifjutati matul l-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Snin 2013-2024 - Basic Specialist Trainee Doctors – Ingaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tobba li huma ċittadini Maltin, ċittadini ta' pajjiż fl-Unjoni Ewropea u oħrajn minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, applikaw u ġew ingaġġati bħala Basic Specialist Trainee Doctors u kemm ġew irrifjutati, mill-2013 sal-aħħar tal-2024, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Extended Foundation Year Doctors - Basic Specialist Trainee post – Lista ta’ stennija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Extended Foundation Year Doctors li qed jistennew li jingħataw il-Basic Specialist Trainee post u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm minnhom ilhom li għamlu l-interview aktar minn sitt xhur; bejn tliet u sitt xhur; bejn xahrejn u tlieta; bejn xahar u xahrejn u anqas minn xahar?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Proġetti u xiri b’fondi Ewropej
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru tiegħu minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, matul din is-sena (2025) l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ibbenefika minn xiri ta’ apparat mediku minn fondi Ewropej ERDF (European Regional Development Fund) permezz tal-proġett ERDF 03.273 - Procurement of Medical Equipment for Entities within the Ministry for Health and Active Ageing Malta. Dan il-proġett għandu rata ta’ kofinanzjament 60/40 b’ 60% ta’ l-ispiża tkun koperta mill-Fondi Ewropej u 40% mill-fondi nazzjonali. Dan l-apparat kien jinkludi CT-Scanner b’nefqa kapitali ta’ €1,388,351 u Ultrasound Machine b’valur ta’ €54,124.00 imħallas mill-ERDF.
Is-CT-Scanner bdiet topera f’Jannar fil-waqt li l-Ultrasound Machine bdiet topera f’Lulju ta’ din is-sena.
Aktar investiment permezz ta’ fondi Ewropej fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jitħabbru fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ Allied Health Care Professionals li rriżenjaw f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li matul l-2022 irreżenjaw 2; fl-2023 u fl-2025, irreżenjaw persuna waħda f’kull sena.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 6066 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 392 tat-22 ta' Ottubru 2025)
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ġodda ta’ kanċer tas-sider fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-15 t’Ottubru 2025, kien hemm 428 każ ġdid ta’ kanċer tas-sider.
Infurmat ukoll li minn dawn il-każi, kien hemm 104 li ġew riferuti mill-iscreening unit. Minn dawn, kien hemm 75 “invasive carcinoma u 29 “carcinoma in situ”, li jfisser stadju bikri ħafna ta’ kanċer magħruf bħala Stage 0, fejn iċ-ċelloli tal-kanċer huma limitati għall-“milk duct” u ma nifdux fit-tessut tas-sider. Għalhekk hu stadju fejn l-kanċer hu kważi dejjem kompletament kurabbli.
Nieħu din l-opportunità sabiex inħeġġeġ lil kull mara li tirċievi invit għall-screening tas-sider, sabiex ma tinjorahiex u tmur.
Health Care Workers u Health Assistants li rriżenjaw
Question
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ Health Care Workers u Health Assistants li rriżenjaw f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-unika riżenja ta’ Care Worker fil-perjodu msemmi kienet fl-2024.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 6067 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 392 tat-22 ta' Ottubru 2025)
Sptar Mater Dei – Interventi u operazzjonijiet skedati mill-ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-interventi u/jew operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei li kellhom isiru matul dawn l-aħħar sitt xhur u li ġew skedati għal data oħra u li għadhom ma sarux?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Awwissu saru 46,815-il operazzjoni. Kien hemm 1,927 operazzjoni li ġew skedati għal data oħra. Minn dawn, 640 diġa saru f’data differenti. Ikun hemm bosta raġunijiet għala tinqala’ l-ħtieġa li jiġu skedati f’data oħra. L-aktar komuni hi l-qagħda medika tal-pazjent dak in-nhar tal-operazzjoni. Isir kull sforz li jekk l-intervent u/jew operazzjoni tiġi posposta, din tiġi skedata f’data oħra qrib, sakemm il-qagħda medika tal-pazjent ma timpedixxix li dan isir.