B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29448 dwar il-monument tal-bronż iddedikat lill-Perit Dom Mintoff u l-funtana li jinsabu quddiem il-Każin tal-Banda ta’ San Ġorġ, f’Bormla, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu wara li sar il-kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li, għalkemm il-monument tal-bronż iddedikat lill-Perit Dom Mintoff ma jaqax direttament taħt r-responsabbiltà tiegħu, il-Kunsill jieħu ħsieb li jsir it-tindif regolari.
Il-Belt Valletta — Pjazza Jean De La Valette - Restawr ta’ monument
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29449, jista’ l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq il-monument dedikat lill-Gran Mastru Jean La Valette, fil-Belt Valletta, peress li dan huwa fost l-iktar monumenti li jittieħdu ritratti u jistħoqqlu kura u restawr?
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19769 u 25021, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qiegħed isir f'Misraħ Karmnu Grima, fiż-Żejtun?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li x-xogħol li qiegħed isir f’Misraħ Karmnu Grima jikkonsisti f’xogħol ta’ tisbiħ li qed isir minn Infrastructure Malta.
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali -Remote working — teleworking
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29652 u jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, mal-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi, hemm 288 -il ħaddiem li jaħdmu permezz ta’ remote working.
Il-Belt, Valletta — Aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28265 u jgħid kemm hemm binjiet fil-Belt Valletta, inklużi ristoranti, uffiċini u ħwienet, li ġew infurzati biex jirranġaw il-binja biex jipprovdu aċċess adegwat għall-persuni vulnerabbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel taż-żfin fil-lokalità tal-Fgura u jidentifika liema huma dawn l-iskejjel?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda entità taħt dan il-Ministeru ma tamministra jew tmexxi xi skola taż-żfin, għad li n-NAPA ttella' workshops immirati għalihom matul is-sena.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28967, 29147, 29381 u 29562 u jgħid min iddiżinja s-Sound Stage li għamel referenza għalih l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi nhar l-14 ta’ Mejju 2025? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għal dan id-disinn u kemm ġie jiswa?
Response (BONNICI, OWEN)
Malta ilha żmien twil tikkonferma l-pożizzjoni tagħha bħala destinazzjoni kreattiva u popolari għal produzzjonijiet internazzjonali tal-films.
Pajjiżna ospita produzzjonijiet ta’ profil għoli bħall-Gladiator, Troy, Game of Thrones, Jurassic World, Napoleon u ħafna oħrajn.
Minkejja dan is-suċċess, Malta għadha nieqsa minn aspett ta' infrastruttura fundamentali biex tkun tista’ tikkompeti bis-sħiħ fis-settur globali modern tal-films u t-televi¿joni: is-soundstage. Dan in-nuqqas qed tillimita l-kapaċità tagħna li nattiraw produzzjonijiet speċifiċi li jeħtieġu ambjent kkontrollat fuq ġewwa.
Matul dawn l-aħħar seba’ snin, f’Malta saru aktar minn 169 produzzjoni b’baġit kollettiv li jaqbeż is-€635 miljun. Madankollu, l-aspettattiva hi li nistgħu nattiraw produzzjonijiet akbar, bi investiment ogħla f’Malta, jekk ikollna soundstage modern.
Il-kunċett ta’ soundstage ilu jiġi diskuss f’Malta għal aktar minn 60 sena. Kien hemm ħafna diskors, iżda ftit azzjoni konkreta. Illum għandna blueprint ċar għall-ewwel soundstage li hemm bżonn jinbena, fil-Malta Film Studios. Dan il-proġett hu ppjanat b’mod strateġiku biex Malta tkun f’pożizzjoni li tikkompeti fis-suq globali kompetittiv tal-films.
Soundstage mibni apposta jkabbar il-kapaċità tal-industrija lokali tal-film, jagħmel possibbli x-xeni tekniċi aktar kumplessi, u jqiegħed lil Malta bħala destinazzjoni kompleta u kompetittiva għall-filming. Il-crew lokali jibbenefikaw minn aktar impjiegi stabbli, u l-ekonomija b’mod ġenerali tieħu spinta f’setturi bħall-kostruzzjoni, ospitalità, catering, loġistika u trasport. Il-multiple effect tal-infiq fil-produzzjoni joffri lura return ekonomiku sinifikanti. B’dan il-soundstage, inkunu qed nagħtu garanzija reali lill-karrieri tan-nies fl-industrija tal-film f’Malta.
Id-domanda għal spazji ta’ studios madwar id-dinja qed tiżdied b’rata mgħaġġla, sforz il-kontenut li qed jiżdied b’mod esponenzjali minn pjattaformi bħall-Netflix, Amazon u Disney. Studios stabbiliti fl-Ewropa u lil hinn qed joperaw qrib il-kapaċità massima tagħhom. Malta għandha kemm il-vantaġġi naturali kif ukoll skemi ta’ inċentiv kompetittivi biex tikkompeti, iżda mingħajr soundstage, ma nistgħux insaħħu l-pożizzjoni tagħna fis-suq globali.
Biex nassiguraw li l-proġett ikun ta’ livell għoli u ta’ suċċess fit-tul, Malta involviet diversi konsulenti speċjalizzati, fosthom PRP Architecture, kumpanija bba¿ata fir-Renju Unit b’esperjenza vasta f’infrastruttura kreattiva u kumplessa, biex tmexxi d-disinn tal-blueprint. Ġew ukoll ingaġġati konsulenti bi speċjalizzazzjoni fl-infrastruttura speċifika tal-industrija tal-film. Il-parteċipazzjoni tagħhom ti¿gura li l-faċilità proposta tkun konformi mal-aspettattivi globali u fl-istess waqt adattabbli għall-ħtiġijiet tal-industrija li qed jinbidlu kontinwament, b’hekk ikun imħares l-investiment pubbliku u jiġi żgurat vantaġġ kompetittiv.
Il-faċilità proposta se tkun soundstage world class li tinkludi tank tal-ilma fuq ġewwa, li se jinbena qrib id-deep tank eżistenti. Dan is-soundstage se jkun wieħed uniku fid-dinja. L-ispeċifikazzjonijiet se jkunu kompatibbli mar-rekwiżiti internazzjonali tal-produzzjoni u jissodisfaw ukoll il-kriterji sostenibbli ambjentali.
Dan huwa investiment li jżomm f’moħħu l-ġejjieni, investiment għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Is-soundstage ta’ klassi dinjija huwa l-impenn tagħna lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli u lejn industrija tal-film bbażata fuq jobs reali u ta’ valur għal dawk li jixtiequ jaħdmu f’dan is-settur.
L-onorarju ta’ PRP huwa ta’ €172,899.35.
Kummissjoni tal-Films — Cultural Test - Programmi lokali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 29125 u 29384 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28994, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni ċara għaliex hemm diskrepanza bejn l-informazzjoni u l-figuri mogħtija fl-istess tweġiba ma’ dawk imħabbra fuq il-portal tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-iState Aid Transparency Public Search?
Response (BONNICI, OWEN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari preċedenti dwar il-lista ta’ reality shows u game shows lokali li bbenefikaw mill-iskema ta’ cash rebate l-informazzjoni li ġiet ipprovduta fil-mistoqsija parlamentari oriġinali kienet tirreferi esklussivament għal produzzjonijiet li għalihom il-proċess ta’ cash rebate hu diġà finalizzat u mħallas. Hekk kif wara kollox kien mitlub mill-mistoqsija parlamentari oriġinali.
Madankollu hemm wkoll lista separata ta’ produzzjonijiet li għadhom fl-istadju proviżorju (jiġifieri għadhom qed jistennew l-approvazzjoni finali jew il-ħlas), li però din il-lista tinstab diġà fis-sit tal-istate aid.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra ż-żewġ listi:
1. Dawk b’ċertifikat proviżorju u allura dawn huma produzzjonijiet li applikaw u rċevew ċertifikat proviżorju iżda għadhom qed jistennew l-awditjar u l-approvazzjoni finali.
2. Produzzjonijiet b’ċertifikat finali u allura dawn huma produzzjonijiet li għalihom l-awditjar tlesta u tħallas il-cash rebate.
Ninsab infurmat ukoll li d-differenza bejn il-fażi proviżorja u dik finali:
· Meta produzzjoni tapplika għall-iskema, jinħareġ Ċertifikat Proviżorju ladarba jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà.
· Wara, il-produzzjoni tkun suġġetta għal awditjar qabel ma jsir il-ħlas, u f’dak l-istadju jinħareġ Ċertifikat Finali.
L-informazzjoni fuq is-sit ta’ State Aid, tiġi aġġornata, bi skadenza ta’ sitt xhur minn meta jinħareġ iċ-ċertifikat proviżorju jew finali. Dan japplika kemm għal għajnuna proviżorja kif ukoll finali, kif mitlub mir-regolamenti tal-UE. Għaldaqstant, mhux il-proġetti kollha li jkunu f’fażi proviżorja se jidhru immedjatament bħala finalizzati fuq il-websajt. Xi wħud jkunu għadhom qed jiġu awditjati jew qed jistennew il-proċessar finali. Minħabba f’hekk il-lista fuq il-websajt tal-Għajnuna mill-Istat mhix dejjem f’sinkronizzazzjoni perfetta mad-data interna tagħna, speċjalment għal proġetti riċenti jew dawk għaddejjin bħalissa.
Barra minn hekk, id-data tal-iskadenza biex tiġi uploaded l-informazzjoni għal xhur reċenti (April, Mejju u Ġunju) għadha ġejja, u taqa’ fi żmien tar-rappurtar skont ir-regoli stabbiliti.
Ġbid ta’ films — Ħaddiema li jaħdmu bħala drivers - Salarji u overtime
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29528 u jgħid jekk hemmx qbil rigward salarji u overtime li jitħallsu l-ħaddiema li jaħdmu bħala drivers matul il-ġbid ta’ films varji f’pajjiżna? Jista’ jgħid ukoll jekk id-drivers li jaħdmu waqt il-ġbid ta’ films humiex intitolati għal food allowance ukoll bħall-ħaddiema oħrajn li jkunu fuq is-set?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kif ġie mħabbar fl-4 ta’ Jannar 2024 mill-Kummissjoni Maltija għall-Films, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-għaxar miżuri li japplikaw għal kull ‘crew member’ li jaħdem kemm fuq bażi full-time fuq payroll kif ukoll bħala self-employed.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29626 u jgħid kemm tħallset il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jagħti rendikont separat għal kull sena?
Malta Film Festival – Aġenziji ta’ public relations — Ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29627 u jgħid kemm tħallsu l-aġenziji ta’ public relations (PR) f’Londra u f’Los Angeles biex jintgħażlu persuni biex jiġu mistiedna sabiex jattendu l-Malta Film Festival? Jista’ jagħti rendikont tal-aġenziji separatament?
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, kemm hi l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom, x’inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għall-kull servizz ta’ konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll kif ingħataw dan ix-xogħol dawn il-konsulenti; jekk hux permezz ta’ direct order jew tender?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-konsulenti ingaġġati mal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali huma impjegati skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Mediterrane Film Festival u Malta Bee Awards — Stima tan-nefqa totali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti stima tan-nefqa totali relatata mal-Mediterrane Film Festival u l-Malta Bee Awards ta’ din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ser tkun imħabbra fiż-żmien li ġej permezz tar-rapport annwali li jiġi ppubblikat relatat ma’ dan l-avveniment internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jagħti rendikont separat għal kull sena?
Malta Film Festival – Aġenziji ta’ public relations — Ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-aġenziji ta’ public relations (PR) f’Londra u f’Los Angeles biex jintgħażlu persuni biex jiġu mistiedna sabiex jattendu l-Malta Film Festival? Jista’ jagħti rendikont tal-aġenziji separatament?
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali -Remote working — teleworking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, mal-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
50 sena mill-Indipendenza u 50 sena mir-Repubblika – Ċelebrazzjonijiet — Infiq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern fl-2014 meta Malta ċċelebrat il-50 sena mill-Indipendenza u kemm nefaq il-Gvern fl-2024 biex jiġi ċċelebrat il-50 sena mir-Repubblika tagħna?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25115 u 25323.