Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hu responsabbli, għandha? Jista' jgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtá Nazzjonali hemm tliet persuni ingaġġati bħala konsulenti. Ħadd minn dawn il-konsulenti ma ġie ngaġġat wara t-3 ta’ Ġunju 2017. Full/Part Time Konsulenza Dipartiment Salarju Perkaċċi Part Time (20Hrs) Konsulenza fil- Criminology & Space MHAS Skala 4 € 16,886.50 €542.75 allowance għall-mobile & ADSL + €3,093.35 allowance għall-karozza Full-time Konsulenza f’oqsma relatati mad-Dipertiment tal-Pulizija Pulizija Skala 3 €37,194 Karozza tas-servizz, €815 allowance għat-telefon u internet p.a Part-Time (20 Hrs) Konsulenza relatat mas-Servizzi tas-Sigurta’ Servizzi tas-Sigurta’ €20,317 €800 allowance tal-komunikazzjoni. + transport allow. €2,330 allowance għat-transport. + expertise allowance €9,000 p.a.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — xogħol u xiri ta’ kotba minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ingħatatx xogħol jew inxtrawx kotba mingħandha, mill-Ministeru tiegħu, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena, minn Jannar 2000 sa Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax jew jekk ix-xiri sarx b’direct order jew b’tender, kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti jew ix-xiri li sar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru fis-sena 2001 xtara numru ta’ kotba mingħand il-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament. L-ammont minfuq kien dak ta’ €337.76. Ninsab infurmat ukoll li dan il-Ministeru xtara numru ta’ kotba fis-snin 2001, 2002, 2004, 2005 u 2006 mingħand kumpanija b’isem differenti iżda bl-istess numru ta’ Reġistrazzjoni tal-VAT bħal dak tal-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament. Dan ix-xiri kien jammonta għal €2,248,19.

Il-Mellieħa — għassa - karozza tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara li n-nuqqas ta' vettura tal-pulizija fl-għassa tal-Mellieħa tiġi riżolta darba għal dejjem peress li jirriżulta li wara li din l-għassa kienet ilha ġimgħat bla karozza, wara biss jumejn li ngħatat lura, fl-aħħar jiem, il-lokalità tal-Mellieħa reġgħet spiċċat bla karozza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi waqt li jsir dak kollu possibbli biex problemi mekkaniċi u tekniċi fil-vetturi tal-pulizja jiġu indirizzati malajr, ċerti ħsarat huma inevitabbli u ma jistgħux jiġu antiċipati, kif ġara fil-każ tal-vettura għal-lokalità tal-Mellieħa. Infurmat illi l-istess vettura ġiet irritornata wara li problemi ġew solvuti.

Ħruġ ta’ permess biex tobba jipparkjaw b’urġenza fejn mhux suppost

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux jinħareġ permess biex tobba tal-familja jkunu privileġġatti biex ikunu jistgħu jipparkjaw b’urġenza f’postijiet fejn mhux suppost, waqt ħidmiethom b’visti fid-djar ta’ pazjenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kull meta saru talbiet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinħarġu permessi lit-tobba biex ikunu jistgħu jipparkjaw waqt visti għand pazjenti, f’ċirkustanzi kif deskritti mill-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati u joħorġu l-permessi.

Nisa Tqal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2991 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2801, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati abbużi u attakki vjolenti fuq nisa tqal fl-2015 u fl-2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bejn Jannar 2015 u Diċembru 2016 kien hemm każ wieħed irreġistrat mal-pulizija li kien jinvolvi attakk fuq mara tqila.

Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar — arresti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-arresti/u jew il-persuni li ttelgħu l-Qorti, sena b’sena bejn l-2013 u l-2017, mill-pulizija fl-għases tal-Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar fuq reati li jirrigwardjaw : Storbju Ġlied Droga Vjolenza Domestika, u Serq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar persuni arrestati u dawk li ttelgħu l-Qorti mill-pulizija fl-għases tal-Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar matul is-snin 2013 sa 2017 fuq storbju, ġlied, droga, vjolenza domestika, u serq, ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata kif mitluba u għalhekk mhux possibbli li din l-informazzjoni tingħata.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — position of trust

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 150, jista' l-Ministru issa jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Positions of Trust fi ħdan l-uffiċċju tal-Ministeru għall-Intern u Sigurta’ Nazzjonali u l-Entitajiet u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu huma dawk fis-Segretarjat u Technical Coordinator.

Kummissarji tal-Pulizija — ħatriet

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, id-data ta' meta l-persuni li mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari servew jew qegħdin iservu bħala Kummissarju tal-Pulizija rċevew l-ittra tal-ħatra tagħhom bħala Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll id-data ta' meta kull wieħed mill-istess persuni ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Kummissarju tal-Pulizija? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija ittri tal-ħatra kif ukoll tal-ġuramenti tal-ħatra tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li dettalji tal-persuni li servew jew qegħdin iservu bħala Kummissarju tal-Pulizija mis-sena 2013, sallum, kienu dawk li jidhru fit-tabella t'hawn taħt. Infurmat li dawn il-persuni kollha ħadu l-ġurament bħala Uffiċjali tal-Pulizija meta ġew ingaġġati jew re-ingaġġati fil-Korp fir-rank rispettiv tagħhom, liema ġurament baqa’ fis-seħħ meta sussegwentement inħatru Kummissarji. Kummissarju Minn Sa Data tal-ittra tal-ħatra John Rizzo 02.11.2001 12.04.2013 05.11.2001 Peter Paul Zammit 13.04.2013 02.07.2014 22.04.2013 Michael Cassar 09.12.2014 26.04.2016 09.12.2014 Lawrence Cutajar 01.08.2016 28.07.2016

Vjolenza domestika — Rapporti li saru lill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ vjolenza domestika li saru mal-Pulizija, sena b’sena bejn l-2008 u l-2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ rapport ta’ reati dwar vjolenza domestika, irreġistrati mill-pulizija fis-sistema kompjuterizzata, għall-perjodu bejn is-sena 2008 u s-sena 2017, kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Vjolenza domestika — irrappurtati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ vjolenza domestika ġew irrapportati, sena b’sena bejn l-2008 u l-2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fis-sistema kompjuterizzata komuni tal-Pulizija magħrufa bħala ‘National Police System’, fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, inġabru rapporti ta’ reati ta’ vjolenza domestika, fil-kategoriji kif indikat fil-lista t’hawn taħt. Vjolenza Domestika - Sub-class 1. Offiża gravi fuq il-persuna b’armi irregolari, 2. Offiża gravi fuq il-persuna b’armi regolari, 3. Offiża gravi fuq il-persuna b’sħħha fiżika, 4. Ħsara psikoloġika, 5. Offiża ħafifa fuq il-persuna b’armi irregolari, 6. Offiża ħafifa fuq il-persuna b’armi regolari, 7. Offiża ħafifa fuq il-persuna b’saħħa fiżika, 8. Segwiment ta’ persuna bil-moħbi.

Vjolenza domestika — rapporti li waslu għall-proċeduri kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn ir-rapporti ta’ vjolenza domestika waslu għal proċeduri kriminali, sena b’sena bejn l-2008 u l-2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kif diġà ngħad fi tweġibiet simili, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet relatati ma’ reati ta’ vjolenza domestika, il-persuni responsabbli dejjem jitressqu l-Qorti.

Vjolenza domestika — Proċeduri kriminali

Question

Kemm minn dawn il-proċeduri kriminali ta’ vjolenza domestika ġew konklużi u x’kienu s-sentenzi li ngħataw, sena b’sena bejn l-2008 u l-2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistosija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Fixed Points — Pulizija meħuda minn għases

Question

Filwaqt li wieħed jifhem li fil-konfini tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u Naxxar hemm numru ta’ fixed points li ġustament iridu jsiru mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, jista’ però l-Ministru jara li l-Pulizija li jittieħdu mill-għases tad-distrett inkwistjoni, jiġu sostitwiti b’pulizija oħra u mhux kif qed jiġri bħalissa li qed ikun hemm nuqqas ta’ pulizija b’detriment għall-komunitajiet tal-Mellieħa, Manikata, San Pawl il-Baħar, Qawra, Buġibba, Xemxija, Salina u Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-fixed points duties li qed isiru mill-membri tal-Korp tal-Pulizija, fil-konfini tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar, isiru jew permezz ta’ overtime minn uffiċjali tal-Pulizija u xi wħud minn uffiċjali oħra li mhumiex beat officers fl-ebda għassa mill-istess żona. Għaldaqstant mhuwiex il-każ li qed ikun hemm nuqqas ta’ pulizija fil-komunitajiet tal-Mellieħa, il-Manikata, San Pawl il-Baħar, il-Qawra, Buġibba, ix-Xemxija, is-Salina u n-Naxxar għax jittieħdu mill-għases tad-distrett inkwistjoni, kif indikat fil-mistoqsija.

Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar — rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu r-rapporti li saru, sena b’sena bejn l-2013 u l-2017, fl-għases tal-Mellieħa, Qawra, San Pawl il-Baħar u Naxxar li jirrigwardjaw: Storbju Ġlied Droga Vjolenza Domestika u Serq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li r-rapporti li saru, sena b’sena bejn l-2013 u l-2017, fir-rigward tal-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar, li tinkludi l-area tal-Qawra dwar storbju, ġlied, droga, vjolenza domestika u serq, kien kif jidher fit-tabelli t’hawn taħt. Ir-reati dwar storbju u dawk relatati ma’ ġlied huma maqsumin f’żewġ tabelli kif joħorġu mis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija. Serq Sena Mellieħa San Pawl il-Baħar (including Qawra) Naxxar 2013 209 465 169 2014 198 665 127 2015 151 681 115 2016 193 658 126 2017 189 582 120 Droga Sena Mellieħa San Pawl il-Baħar ( including Qawra) Naxxar 2013 4 10 4 2014 3 14 3 2015 3 5 0 2016 1 12 1 2017 5 20 0 Vjolenza Domestika Sena Mellieħa San Pawl il-Baħar (including Qawra) Naxxar 2013 30 98 16 2014 19 81 11 2015 31 109 15 2016 25 101 22 2017 22 100 30 Offiżi fuq il-persuna waqt ġlied u argument (Bodily Harm) Sena Mellieħa San Pawl il-Baħar ( including Qawra) Naxxar 2013 15 93 9 2014 14 113 9 2015 19 102 14 2016 11 91 17 2017 11 104 16 Kontravenzjonijiet dwar ksur tal-bon ordni jew il-kwiet tal-pubbliku b’argumenti Sena Mellieħa San Pawl il-Baħar (including Qawra) Naxxar 2013 5 8 3 2014 3 16 3 2015 2 6 5 2016 1 17 1 2017 1 10 2

Pulizija – Fond minflok il-Mutual Help Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb iwaqqaf Fond ieħor sabiex jagħmel tajjeb u/jew jissostitwixxi l-funzjoni tal-Mutual Help Fund tal-Pulizija li issa twaqqaf?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li għalissa m’hemmx il-ħsieb li jitwaqqaf fond ieħor, biex jissostitwixxi l-assistenza li fil-passat ingħatat mill-Mutual Help Fund tal-Pulizija lill-werrieta tal-ex-membri tal-Korp.

Pulizija — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus lill-Pulizija u/jew lill-familjari tagħhom minn Marzu 2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija, u għal liema raġuni tħallsu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu.

Pulizija – Mutual Help Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li l-Mutual Help Fund tal-Pulizija jieqaf?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Mutual Help Fund tal-Pulizija ma twaqqafx, iżda matul iż-żmien ġie inkorporat mal-Police General Fund. Infurmat li d-deċiżjoni li l-assistenza li fil-passat kienet tingħata lill-werrieta ta’ ex-membri tal-Korp li jiġu nieqsa, waqfet wara deċizjoni kollettiva ta’ bord imwaqqaf apposta u mmexxi mill-Kummissarju tal-Pulizija, u minn membri tal-amministrazzjoni tal-Korp, u rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija Pensjonanti (MARPO), kif ukoll iż-żewġ unions li huma l-Police Officers Union (POU- GWU) u l-Malta Police Association (MPA). Din id-deċiżjoni ttieħdet wara rapport tal-Awditur Ġenerali fl-2015.

Pulizija — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li l-Mutual Help Fund tal-Pulizija twaqqaf, kif se jiġu kkumpensati l-pulizija kollha li, matul is-snin, kien ħallsu kontribuzzjonijiet fih?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-pulizija kollha li matul is-snin ħallsu kontribuzzjonijiet għall-Mutual Help Fund ser jibdew jieħdu lura gradwalment il-ħlasijiet li huma kienu ħallsu matul is-snin meta servew u li komplew iħallsu meta rtiraw mill-Korp. Infurmat li dawk li għadhom iservu fil-korp ser jibqgħu jibbenefikaw bl-assistenza.

Pulizija — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li l-Mutual Help Fund tal-Pulizija twaqqaf, x’għajnuna se tingħata lill-familjari tal-Pulizija u/jew tal-eks-Pulizija li jiġu nieqsa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Mutual Help Fund tal-Pulizija ma twaqqafx, iżda matul iż-żmien ġie inkorporat mal-Police General Fund . Infurmat illi minn din is-sena ma tistax tibqa’ tingħata aktar għajnuna lill-familjari tal-eks-Pulizija li jiġu nieqsa kif kien isir fil-passat. Irid jingħad illi mis-sena 2017, il-pensjonanti ser jibdew jieħdu lura gradwalment il-ħlasijiet li huma kienu ħallsu matul is-snin meta servew u meta rtiraw mill-Korp.

Refuġjati – programmi edukattivi u ta’ taħriġ għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’programmi edukattivi u ta’ taħriġ għax-xogħol huma għad-dispożizzjoni ta’ applikanti għall-istatus ta’ refuġjat u jistax jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba dawn jiġux imħallsa u pprovduti mill-Istat jew le?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.