Legislature:
Category:
Reset
Active:

L-ordni pubblika – Infurzar ta’ kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ infurzar qed isir fuq kontravenzjonijiet kontra l-ordni pubblika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar infurzar fuq kontravenzjonijiet kontra l-ordni pubblika, barra li tkun proattiva fir-rwol tagħha ta’ prevenzjoni billi tara li ma jsirux jew tnaqqas kull ksur ta’ liġi, abbażi tal-provvedimenti ta’ l-artikolu 338 tal-Kodiċi Kriminali (Kap 9), il-Pulizija dejjem tieħu azzjoni kontra l persuni responsabbli bi ksur tad-diversi kontravenzjonijiet li huma koperti minn dan l-artiklu, meta jkun il-każ. Il-Pulizija toħroġ diversi ċitazzjonijiet permezz ta’ tickets bis-sistema elettronika użata minnha, fejn dan jista’ jsir abbażi ta’ dak provdut fil Kap 291 tal-Liġijiet ta Malta. Min dawn il-każi bejn Jannar 2024 u l-aħħar ta Mejju 2025, il-Pulizija ħarġet mitejn u tmienja u ħamsin (258) taħrika permezz ta’ ticket. Madankollu fil-maġġoranza tal-kontravenzjonijiet, kontenut fl-istess artiklu 338, il-Pulizija mexxiet f’Seduti fil-qrati, kontra il-persuni li jkunu kisru tali provedimenti. Minn dawn il-każijiet, fl-istess perjodu kien hemm madwar elfejn u ħames mitt (2,500) każ ieħor.

Kejl tal-volum tal-ħoss

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hawnx xi tip ta’ apparat li bih jitkejjel il-volum tal-ħoss? Jekk il-pulizija ma għandhiex dan l-apparat, hemm xi entitajiet oħra, bħal esperti tal-qorti, li għandhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29031.

Job Coaching

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika minn job coaching fuq il-post tax-xogħol fl-aħħar tas-sena 2024 u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fl-aħħar tas-sena 2024, mitejn u erbgħa u għoxrin (224) persuna kienu qed jibbenefikaw minn job coaching. L-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni tinsab fit-tabella t’hawn taħt. Nisa Irġiel Total 16-29 37 51 88 30 - 49 47 61 108 50+ 19 9 28 Total 103 121 224

Job Coaching

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kienet qed tibbenefika minn job coaching fuq il-post tax-xogħol fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u l-età tal-persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29376.

Il-Belt Valletta — Persuni fit-toroq bi lbies tal-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux permessibbli jew legali li persuna tidħol il-Belt Valletta bi lbies tal-baħar? Jista’ jgħid ukoll jekk persuna tas-sess maskili tistax timxi fit-toroq tal-Belt Valletta mingħajr flokk?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal tweġibiet parlamentari 28346 u 28557.

Persuni jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol u tal-marijuana — Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq persuni li kienu qed isuqu u nstabu taħt l-effett tal-alkoħol jew tal-marijuana u jipprovdi lista b’mod separat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu ta’ bejn 1 ta’ Jannar 2025 u l-20 ta’ Ġunju 2025 saru elf seba’ mija u wieħed u tmenin (1781) road check mill-Pulizija f’dawn il-gżejjer. Saru wkoll mija u wieħed (101) breathalyser test fuq sewwieqa li dwarhom kien hemm suspett li qabżu l-limitu ta’ alkoħol ikkonsmat, kif stabbilit mill-liġi. Infurmat li minn dawn it-testijiet tlieta u sittin (63) irriżultaw fil-pożittiv.

Forzi Armati ta’ Malta – Bastiment P71 – Ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi n-natura eżatta tal-ħsara li ġarrab il-bastiment P71, li huwa l-akbar u l-aktar bastiment modern fl-iskwadra marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, u li daħal fis-servizz fl-2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-ħsara li ġarrab il-bastiment P71 tinsab f’wieħed mix-xaftijiet tal-bastiment taħt il-livell tal-baħar u sa issa saru spezzjonijiet preliminari.

Forzi Armati ta’ Malta – Bastiment P71 – Ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħsara li ġarrab il-bastiment P71 tal-Forzi Armati ta’ Malta hix dovuta għal disinn difettuż jew nuqqas ta’ manutenzjoni adegwata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-ħsara li ġarrbet il-bastiment P71 mhix dovuta għal nuqqas ta' manutenzjoni adegwata.

Forzi Armati ta’ Malta – Bastiment P71 – Tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tiġi tiswa t-tiswija tal-ħsara li ġarrab il-bastiment P71 tal-Forzi Armati ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll kemm hu mistenni li jdum barra mis-servizz minħabba din il-ħsara?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29506.

Helicopters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29194, jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li ż-żewġ helicopters Augusta Westland 139, b’reġistrazzjoni AS1428 u AS1429 intużaw għal xogħol ta’ salvataġġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29473.

LESA – Uniformijiet tal-uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uniformijiet tal-uffiċjali tal-LESA humiex ser jinbidlu? Jekk iva, jista’ jgħid jekk inħatarx bord tal-għażla?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali tal-Komunità ser jingħataw uniformi ġdida fix-xhur li ġejjin, b’dehra iktar friska u b’materjal iktar addattat għal-klima Maltija. Ninsab infurmat ukoll li l-uniformi ġiet magħżula wara sejħa pubblika, għal liema għażla inħatar bord hekk kif jitolbu r-regolamenti tal-akkwist pubbliku. Infurmat li din l-uniformi ġdida intweriet lill-pubbliku lil kull min żar l-expo tas-servizz pubbliku.

Parties – Linji gwida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir aktar minn ‘party’ wieħed, b’aktar minn 100 ruħ, fl-istess inħawi u jekk iva, x’inhuma l-linji gwida (guidelines) biex jinħareġ permess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li m’hemm xejn li jimpedixxi li jsir aktar minn ‘party’ wieħed, b’aktar minn 100 ruħ, fl-istess inħawi, jekk kemm il-darba qabel joħroġ il permess tal-Pulizija, tkun aċċertat li l-applikanti jikkonformaw ruħhom ma’ diversi kundizzjonijiet marbuta mal-organizzazzjoni ta’ ‘one-time event’. Fost ir-rekwiżiti tal-Pulizija, li dwarhom hemm proċeduri operattivi standard, l-applikanti għal tali avvenimenti jkunu meħtieġa li minn żmien qabel id-data stabbilita tal-istess avveniment, jipproduċu diversi dokumentazzjoni u ċertifikati, fosthom pjanti tal-lok, kif ukoll ċertifikati ta’ periti u inġinier tal-elettriku, ċertifikat ta’ saħħa u sigurtà u polza ta’ sigurtà, fost oħrajn. Barra mill-Pulizija, it-talba trid tgħaddi u tiġi approvata minn diversi dipartimenti u entitajiet oħra. Meta u jekk joħroġ il-permess dan ikun marbut ma’ numru ta’ kundizzjonijiet li jkopru diversi aspetti relatati mal-avveniment.

Rapporti dwar storbju eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport daħal lill-pulizija dwar ħsejjes eċċessivi, matul dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni hija kif jidher fit-tabella hawn taħt. Dawn ikopru rapporti relatati ma' entitajiet kummerċjali, bħal storbju minn bars u ristoranti b'mużika u inkonvenjenti oħra, storbju b'użu ta' makkinarju, ħsejjes minn residenzi privati inkluż dawk ikkaġunati minn annimali, u inkonvenjenti ta' storbju oħra inkluż argumenti. Sena 2021 2022 2023 2024 2025 sa Mejju Numru ta’ rapporti 341 260 415 473 186

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Żgħażagħ b’correctional order

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28431 u 29099 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid għal xiex iddaħħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin iż-żgħażagħ (tlieta li kellhom sittax-il sena u wieħed li kellu erbatax-il sena) li kellhom correctional order f’dawn l-aħħar għaxar snin? Jista’ jgħid ukoll f’liema diviżjoni kienu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27876.

Tas-Sliema — Noise pollution - Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilmenti dwar noise pollution irċeviet il-Pulizija mingħand ir-residenti ta’ Tas-Sliema mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid kemm persuni tressqu l-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’rabta ma’ dak li qed jistaqsi l-Onor. Interpellant ninsab infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-25 ta’ Ġunju 2025, il-Pulizija rċeviet dsatax (19) il-ilment li huma rreġistrat fis-sistema elettronika tal-Pulizija. Għal istess perjodu inħarrġu tlettax (13) -il akkuża kontra persuni responsabbli, għal-proċeduri fil-Qorti.

Helicopters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29194, fejn intqal li “matul l-2022, Airbus Helicopters infurmat lill-operaturi kollha ta’ Alouette III li kienet qed tirtira l-bqija taċ-ċertifikati ta’ dan it-tip”, jista’ l-Ministru jispjega kif l-istess helicopters tat-tip Alouette III, tħallew itiru tant li saħansitra seħħew żewġ inċidenti fis-7 ta’ Marzu 2024 u fit-28 ta’ Lulju 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li ż-żewġ Alouette III dejjem taru biċ-ċertifikati validi. Fil-fatt, meta l-Airbus kienet indikat l-irtirar ta’ ‘type certification’ dan ma kienx ifisser li l-pjattaformi ġew ‘grounded’. Fil-fatt numru ta’ helicopters ta’ dan it-tip baqgħu joperaw sakemm jew ċerti partijiet isiru ‘obsolete’ u ma kinux disponibbli iktar jew l-‘airworthiness certificate’ ma setax jibqa’ jinżamm. Kif diġà għidt, dawn dejjem taru b’ċertifikati validi u mġedda.

Forzi Armati ta’ Malta — Helicopters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29194, fejn intqal li “hemm żewġ ħelikopters AW139 li għaddejjin minn spezzjoni u manutenzjoni li tissejjaħ ‘8 year inspection’ kif mitlub mill-kumpanija”, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uniku helicopter operabbli li fadal tat-tip Augusta Westland AW139, hux se jkun għaddej minn spezzjoni u manutenzjoni wkoll fi ftit ġimgħat oħra? Jekk iva, jista’ jgħid meta ser isir dan, kemm se jdum, u xi pjanijiet għandu għall-Forzi Armati ta’ Malta li matul dak il-perjodu se jkunu mingħajr helicopters operabbli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tal-helicopters jitwettaq skont l-‘Aircraft Maintenance’ (AMP), fejn il-Forzi Armati ta’ Malta tieħu bl-ikbar serjetà is-sigurtà tal-ekwipaġġ tagħha. Din il-manutenzjoni regolari hija dipendenti fuq l-użu tas-sigħat. Il-helicopter AW139, li bħalissa huwa operattiv huwa mmexxi fuq l-istess sistema bħal helicopters kollha. Il-ġestjoni metikoluża tas-sigħat tat-titjir bil-helicopter hija kruċjali biex tinżamm is-sikurezza u l-effiċjenza operattiva u dan isir għal kull helicopter u jsir skedar effettiv li jkun ilu pjanat biex ttejjeb d-disponibbiltà tal-helicopter. Iż-żewġ helicopters li bħalissa qegħdin għal-manutenzjoni (8 year inspection) jinsabu ġo ‘Part 145 Maintenance Facility’ fejn il-progress tagħhom qed jiġi mmonitorjat mill-inġiniera tal-FAM biex jiġu rilaxxati hekk kif jitlesta l-manutenzjoni. Huwa importanti li l-Onor. Interpellant jifhem li wara kull xogħol ta’ manutenzjoni irid ikun hemm verifikai regolatorja fejn jiġi assigurat li x-xogħol sar sew u b’mod korrett, biex b’hekk jiġi minimizzat ir-riskju ta’ inċidenti u ħsarat matul it-titjiriet sussegwenti.