Legislature:
Category:
Reset
Active:

EuroPride – nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiġi antiċipat li se tkun l-ispiża għall-organizzazzjoni tal-EuroPride f'Settembru tal-2023, kif ukoll jagħti break down ta' kif se tintefaq din l-ispiża?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-estimi tal-Baġit 2023 li ġew ippubblikati f’Ottubru 2022.

Esportazzjoni tal-Kannabis għal użu mediċinali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9636 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġiet esportata kannabis għal użu mediċinali mill-2018 sal-lum u għal liema pajjiżi din ġiet esportata? Jista’ jgħid kemm persuni jaħdmu direttament f’din l-industrija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Direttorat tal-Jeddijiet tal-Bniedem — rendikont

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont sħiħ tal-ħidma tad-direttorat tal-jeddijiet tal-bniedem mill-2017 ‘il hawn? X’inhi l-istrateġija kurrenti tad-direttorat għall-erba’ snin li ġejjin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi sa mit-twaqqif tiegħu fl-2016, il-ħidma tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, ma waqfitx favur l-ugwaljanza. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ liġijiet, permezz tax-xogħol tad-Direttorat, daħlu fis-seħħ l-Att dwar l-Ugwaljanza fiz-Żwieg, l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess, l-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Att dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika u l-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Vjolenza Domestika fost oħrajn. L-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru ġie emendat propju din is-sena biex b’hekk issa jiddefinixxi b’iktar kjarezza x’jikkosstitwixxi reklamar għall-prattiċi ta’ konverżjoni. Id-Direttorat nieda u ħadem fuq diversi Strateġij u Pjanijiet ta’ Azzjoni. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ LGBTIQ+, dawn jinkludu l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni 2015-2017 li ġiet segwita bl-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni 2018-2022. Fis-17 ta’ Mejju 2023 id-Direttorat nieda it-tielet Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni 2023-2027. Fl-2017, id-Direttorat nieda u beda jimplimenta l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni tal-Migranti 2017-2020: bi preparamenti għat-tieni strateġija f’dan il-qasam, konsultazzjoni pubblika ġiet varata f’Mejju ta’ din is-sena. F’Settembru 2021, ġiet imnedija l-ewwel Strateġija Nazzjonali kontra r-Razziżmu. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, f’Novembru 2022, id-Direttorat nieda u sussegwentament beda jimplimenta l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-mainstreaming tal-Ġeneru. Qed isir xogħol mid-Direttorat flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u Esperti mill-Kunsill tal- Ewropa (Council of Europe) sabiex Malta jkollha l-ewwel Strateġija Nazzjonali kontra t-traffikar tal-bniedem. Bejn l-2023 u l-2027, id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu sensiela ta’ strateġiji marbuta mal-Miżuri tal-Manifest, li jinkludu pjan ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-ugwaljanza, it-tqassim b’xejn ta’ prodotti relatati mal-mestruazzjoni fl-iskejjel, xogħol biex jiġi kkriminalizzat l-att tal-virginity testing, xogħol għal riforma fil-prostituzzjoni biex tissaħħaħ l-għajnuna għal dawk maqbuda fil-prostituzzjoni, xogħol biex nippromwovu programmi, attivitajiet u inizjattivi li jwasslu għal integrazzjoni, tfassil ta’ kodiċi ta’ prattika fejn jidħol rappurtaġġ sensittiv u xogħol biex jiġi varat diversity charter b’mod volontarju fost oħrajn. Dan filwaqt li d-Direttorat jipprovdi numru ta' sessjonijiet ta' taħriġ dwar id-Drittijiet tal-Bniedem lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku u diversi entitajiet governattivi.

Tneħħija ta’ vetturi mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm vetturi li kienu pparkjati b’mod abbużiv ġew imneħħija mill-pulizija mit-toroq, wara li ġie segwit il-proċess kollu ta’ avviż?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9985.

Investigazzjoni tar-rapport rigward Stone Marker

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk infetaħx każ mill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga rapport kif ikkonferma l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali li fil-pussess tiegħu għandu stone marker protetta? Jekk iva, fejn wasal il-każ? Jekk le, għaliex ma ttieħdux passi s’issa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru ma jkunx infurmat bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għaddhiex għandu r-rapport annwali skont is-subartikolu 3 tal-Artikolu 9 tal-Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fis-sena li għaddiet 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9942.

Liġi dwar il-Ġustizzja Ripratriċi – Parole Dossiers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preparati Parole Dossiers ai termini tal-Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi matul is-sena li għaddiet 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li tnejn u erbgħin (42) Parole Dossiers ġew preparati fis-sena 2022 u dan skont l-artiklolu 13 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi. Ta' min isemmi wkoll li apparti dawn it-tnejn u erbgħin (42) Parole Dossiers, ġie ppreparat Parole Dossier ieħor u dan wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet dwar dan.

Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – rapporti mill-Offender Assessment Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew diskussi u ppreparati ai termini tal-Liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi rapporti mill-Offender Assessment Board matul is-sena 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi fis-sena 2022, tlieta u erbgħin (43) rapporti ġew diskussi u preparati mill-Offender Assessment Board ai termini tal-Liġi. Dan jinkludi rapport li ġie diskuss u preparat wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet dwar dan.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis – impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis għandha 7 impjegati.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis – pagi tal-impjegati — spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża totali f'termini ta' pagi tal-impjegati kollha fi ħdan l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar 2023 u s-16 ta’ Ġunju 2023, l-ispiża totali f'termini ta' pagi tal-impjegati kollha fi ħdan l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) ammontat għal €115,146.34.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis – wage bracket għall-impjegati tal-assoċjazzjonijiet li jipproduċu l-kannabis

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wage bracket qiegħda tqis bħala aċċettabli l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis għal min jaħdem fl-assoċjazzjonijiet li se jipproduċu l-kannabis li, skont il-liġi, huma non-profitable?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis tivvaluta l-pagi skont numru ta’ kriterji fosthom il-kwalifiki u l-esperjenzi professjonali tal-individwu, ir-rwol tagħhom fi ħdan l-assoċjazzjoni, u kif dawn il-fatturi huma riflessi fir-rata tas-dinja tax-xogħol. In oltre, l-Awtorità tivvaluta wkoll il-volum totali tal-pagi u n-numru ta’ impjegati mqabbla mad-daqs tal-assoċjazzjoni.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis – laboratorji tal-ittestjar tal-kannabis

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-laboratorji akkrediti magħżula mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) biex jittestjaw il-prodotti tal-kannabis li se jipproduċu l-assoċjazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull laboratorju li jilħaq ir-rekwiżiti maħruġa mill-Awtorità u li huma mniżżlin fid-Direttivi, jista’ jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-assoċjazzjonijiet. L-għażla tal-laboratorju se ssir mill-assoċjazzjonijiet stess fuq awtorizzazzjoni tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.

Uffiċjali pubbliċi akkużati b’tixħim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi akkużati b’tixħim mill-2013 sal-lum?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ uffiċjali pubbliċi li ġew imressqa fil-Qrati u fost l-akkużi kontrihom kien hemm speċifikament ir-reat ta’ tixħim, bejn is-sena 2013 sal-31 ta’ Mejju 2023, kien ta’ tnejn u għoxrin.

Għar Lapsi — pavimentar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti istruzzjoni lil Infrastructure Malta biex tneħħi t-tarmak li tpoġġa fin-niżla ta’ Għar Lapsi u minflok tagħmel pavimentar addattat għall-ambjent bħalma wieħed jistenna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Rapport tal-FIAU dwar ġid mhux spjegat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Financial Crimes Investigations Department (FCID) tefgħu fuq l-ixkaffa r-rapport tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) li rċevew iktar minn sena ilu, dwar ġid mhux spjegat ta’ Ministru tal-Gvern?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru ma jkunx infurmat bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Bord tal-Parole – rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapporti annwali mill-Bord tal-Parole ġewx preżentati skont is-subartikolu (4) tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fis-sena li għaddiet 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Qiegħed inpoġġi r-rapporti annwali fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis – infrastruttura

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' infrastruttura għandha l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) biex tidentifika r-reati u l-abbużi tal-assoċjazzjonijiet li se jipproduċu l-kannabis?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis bdiet tibni tim ta’ ‘Compliance and Enforcement’ li se jissorvelja l-operat tal-assoċjazzjonijiet permezz ta’ spezzjonijiet u monitoraġġ kontinwu. F’każ li jiġi identifikat abbuż, jiskatta minnufih proċess ta’ investigazzjoni formali mit-tim tal-ispettorat, l-Awtorità tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja filwaqt li l-individwi kkonċernati jiġu mressqa quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja jew il-Qorti Kriminali skont in-natura tal-każ konċernat. Il-multi amministrattivi huma indikati fit-tieni skeda tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 628.01.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis – sistema dwar il-ġbir tad-data u tracking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) għandhiex sistema ċentralizzata tal-ġbir tad-data u tracking?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Awtorita għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis diġà għandha sistemi kompjuterizzati sabiex iżżomm l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tassigura li l-kannabis tiġi kkunsmata b’mod responsabbli hekk kif provdut fil-liġi. Dan filwaqt li bħalissa għaddej proċess sabiex l-Awtorità toħroġ tender biex tiġi stabbilita sistema ċentralizzata bl-għan li kull assoċjazzjoni tiġbor l-informazzjoni bl-istess metodu sabiex tassigura li l-informazzjoni miġbura ma tvarjax minn assoċjazzjoni għal oħra.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis – ħruġ ta’ liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fin-nuqqas ta' sistema ċentralizzata tal-ġbir tad-data u tracking fi ħdan l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) kif se jibdew jinħarġu l-liċenzji mingħajr sistema proprja ta' regolamentazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 10025.