Legislature:
Category:
Reset
Active:

Voluntary Care — tfal

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 9497 u 9866, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal taħt voluntary care?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Appoġġ taħt il-kappa tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, għandha 107 minuri taħt kura volontarja.

Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — nuqqasijiet fi Djar tal-Anzjani

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9205, jista' l-Ministru jgħid jekk in-nuqqasijiet ġewwa d-Djar tal-Anzjani ġewwa Għawdex ġewx irranġati kollha u jekk le x'inhi r-raġuni li għadhom ma ġewx irranġati u x'azzjoni qed tieħu l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali qajmet in-nuqqasijiet illi ġew innutati f’diversi Djar tal-Anzjani ġewwa Għawdex, hekk kif ġie msemmi fil-Mistoqsija Parlamentari 9205. Ħafna minn dawn in-nuqqasijiet ġew indirizzati mill-provdituri tas-servizz filwaqt illi l-Awtorità qed tkompli tagħmel moniteraġġ meħtieġ u tara li l-punti mressqa jiġu ndirizzati fl-intier tagħhom. L-Awtorità ser tkompli tassigura u tesiġi li l-moniteraġġ ikompli jsir, permezz tal-ispezzjonijiet mill-Ispetturi tal-Awtorità, fuq is-servizzi kollha fis-settur soċjali, bil-għan illi jiġu ddentifikati n-nuqqasjiet u eventwalment tassigura li jingħata servizz tal-ogħla kwalità fil-qasam soċjali.

Marsascala — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm se jinbnew djar ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Marsaskala u f’liema naħa tal-lokalità dawn id-djar se jinbnew? Jista’ jgħid ukoll jekk ġiex ikkonsultat il-kunsill lokali ta’ din il-lokalità qabel ma ttieħdet din id-deċiżjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, d-dettalji dwar il-units ta’ housing soċjali ġodda, se jkunu qegħdin jingħataw fix-xhur illi ġejjin. Dawn il-units ser ikunu qegħdin jinbnew permezz ta’ investiment ta’ €60 miljun mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, li ser iwassal sabiex l-Awtorità tad-Djar ikollha 1,000 unit ġdid ta’ housing soċjali.

Skema Carer at Home

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġenituri/qraba ta’ persuni b’diżabilità jistgħux jagħmlu użu mill-Iskema Carer at Home?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Iskema Carer at Home hija miftuħa għal kull persuna li għandha 60 sena jew aktar, li hija eleġibbli li tibbenifika mill-iskema skont kif spjegat fid-deskrizzjoni annessa mal-iskema; liema applikazzjoni tista’ tiġi aċċessata mis-sit elettroniku https://activeageing.gov.mt.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — ħaddiema b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6316 u jgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'di¿abilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tiegħu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Xogħol ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9776 u ċjoè: Peress li f’Novembru 2016, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kienet inħatret uffiċjalment bħala Kummissarju għall-Anzjani mill-Prim Ministru, jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-ħidma ta' din il-persuna f’dawn l-aħħar sentejn u erba’ xhur u jekk qattx ħareġ rapport ta’ ħidma dwar ix-xogħol li wettqet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ħidma kienet tikkonsisti fil-promozzjoni u l-protezzjoni tal-anzjani minn kull abbuż, ħsara, trattament mhux xieraq, negliġenza jew sfruttament.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Uffiċċju lill-persuna

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9775 u ċjoè: Peress li f’Novembru 2016, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kienet inħatret uffiċjalment bħala Kummissarju għall-Anzjani mill-Prim Ministru u fl-istess ħin ukoll, kienet ġiet espressa t-tama mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabiltà u Anzjanità Attiva responsabbli ta' dak iż-żmien biex minn Jannar 2017 din il-persuna jkollha l-uffiċċju tagħha, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx, fil-fatt ingħata uffiċċju lil din il-persuna f'Jannar 2017 jew sussegwentement?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien ingħata uffiċju lill-Kummissarju għall-Anzjani.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – użu ta’ uffiċċju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9766 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċċju mniżżel fil-website https://family.gov.mt/en/The-Ministry/Pages/Contact-Details.aspx li jidher bħala tal-Commissioner for the Older Persons, u li jġib l-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, hux fil-fatt qed jintuża mill-Kummissarju għall-Anzjani u jekk le, minn fil-fatt qiegħed jużah, jekk qiegħed jintuża?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċju msemmi, qiegħed jintuża mill-Kummissarju għall-Anzjani.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — website

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9765 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fuq il-website tal-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali - https://family.gov.mt/en/The-Ministry/Pages/Contact-Details.aspx - taħt it-titlu Commissioner for the Older Persons m’hemm l-ebda isem imniżżel, la tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u lanqas ta’ xi persuna oħra, u lanqas m'hemm indirizz elettroniku jew website bħalma hemm fil-każ tal-Kummissarju għat-Tfal u l-Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq il-website imsemmija hemm id-dettajli tal-Kummissarju tal-Anzjani, kif ukoll l-indirizz elettroniku.

ESF EU Funds għal supported employment

Question

Peress li Malta rċeviet €17-il miljum ESF EU Funds għal supported employment li jispiċċaw fl-2020, u li minnhom jibbenefikaw persuni vulnerabbli, inkluż persuni b’diżabilità, jista' l-Ministru jgħid kif intefqu, x'programmi twaqqfu u min applika biex jibbenefika? Jista’ jgħid ukoll kemm għad fadal fondi x’jintefqu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Programm JESS

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9399 u jagħti informazzjoni dwar il-għaliex ingħalaq il-programm JESS?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-programm JESS għaddej minn perjodu ta’ tranżizzjoni, sabiex il-benefiċċjarji kurrenti jkunu integrati fi proġett ieħor immexxi mill-Aġenzija Sapport.

Marsaskala, Ħal Kirkop u Żurrieq – persuni li jibbenefikaw minn benefiċċji soċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 989 tat-12-il leġislatura, jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni li joqogħdu f’Marsaskala, Ħal Kirkop u ż-Żurrieq u li qed jibbenefikaw minn kull benefiċċju soċjali li jipprovdi l-Gvern?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont sostanzjali ta’ ħin u ġbir ta’ data. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9531 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ stennija tas-servizzi kollha mogħtija mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitlub minnu.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – servizz ta’ podoloġista

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema Ċentri ta’ Matul il-Jum (Day Centres) qed jingħata servizz ta' podoloġista?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizz ta’ podoloġista m’għadux jingħata fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani, minħabba raġunijiet ta’ iġjene. Mill-banda l-oħra, dan is-servizz qatt ma kien jingħata minn ġewwa iċ-ċentri ta’ matul il-jum, għall-persuni b’diżabilità. Dan is-servizz qiegħed jingħata u jiġi offrut kemm lill-anzjani kif ukoll lil persuni b’diżabilità, miċ-Ċentri tas-Saħħa.

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw akkomodazzjoni soċjali, minn Jannar 2019 sa April 2019, maqsuma xahar b'xahar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn Jannar 2019 sa April 2019, ġew allokati 43 unit ta’ housing soċjali. It-tabella tinkludi kemm-il allokazzjoni saret xahar b’xahar, fil-perijodu indikat : Xahar Numru ta’ allokazzjonijiet Jannar 2019 26 Frar 2019 0 Marzu 2019 17 April 2019 0

Proġett disability hub

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6064 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikun jikkonsisti l-proġett li oriġinarjament kien ġie msejjaħ bħala disability hub u meta mistenni jibda jopera?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li aktar informazzjoni dwar il-proġett REACH, ser tingħata fil-ġimgħat li ġejjin, meta ser ikun qed jitħabbar uffiċjalment dan il-proġett.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – tisjir mill-klijenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9790 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li qed jinvolvu l-klijenti tagħhom fis-sessjonijiet tat-tisjir? Kemm hemm klijenti li qed jibbenefikaw minn din l-inizjattiva?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ċentri ta’ Matul il-Jum – Anzjanità Attiva Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, m’għandna l-ebda Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani li qed jibbenifika minn sessjonijiet ta’ tisjir, però qed naħdmu biex norganizzaw workshops dwar tisjir u tagħlim relatat mal-preparazzjoni ta’ l-ikel. Ċentri ta’ Matul il-Jum – Aġenzija Sapport Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-programmi ta’ tisjir fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-Persuni b’Diżabilità, isiru kull ġimgħa fuq bażi regolari bil-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentri kollha li topera l-Aġenzija Sapport. ‘Il fuq minn 250 persuna b’diżabilità jipparteċipaw b’mod regolari f’dawn il-programmi.

Benefiċċji għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’benefiċċji hemm indikati għall-persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom kif ukoll għall-anzjani skont l-aħħar Budget?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif kien imħabbar fil-Baġit għal din is-sena, mill-ewwel ta’ Jannar bdew jiġu implimentati diversi miżuri soċjali, liema miżuri huma kollha immirati sabiex itejbu l-kwalità tal-għixien ta’ persuni b’diżabilità u persuni li jieħdu ħsiebhom, kif ukoll l-għixien tal-anzjani tagħna. Dawn il-benefiċċji huma kif ġej; 1. Żieda ta’ żewġ ewro u sbatax-il ċenteżmu (€2.17) fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, cjoè pensjonanti tal-Irtirar, Romol, tal-Invalidità u dawk li jirċievu l-Pensjoni tal-Età. Din iż-żieda kienet barra dik maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja. B’hekk kull pensjonant irċieva żieda ta’ erba’ ewro u ħamsin ċenteżmu (€4.50) fil-ġimgħa. 2. Pensjonanti tas-servizz, kellhom żieda oħra ta’ €200 fl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li tiġi injorata fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali, biex b’hekk is-somma eżentata issa titla’ għall-ammont ta’ €2,466. 3. Wegħda elettorali li għamilna kienet dik li nkomplu ntejbu l-pensjonijiet tas-servizz billi l-parti li jkunu kkomutaw biex jieħdu s-somma, tibda tkun injorata kollha għal fini ta’ pensjoni tas-Sigurtà Soċjali. Bħala l-ewwel pass fit-twettiq ta’ din il-wegħda elettorali, minn din is-sena l-pensjonati li jirċievu pensjoni tas-servizz u li għandhom 72 sena jew aktar, jew li minn din is-sena ’l quddiem jilħqu din l-età, ser issir reviżjoni tal-pensjoni tagħhom tas-sigurtà soċjali. Hekk, minflok kif dejjem sar s’issa, li jiġi injorat nofs l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jkun ġie kkomutat, minn din is-sena ser jibdew jiġu injorati 75 fil-mija tal-ammont ikkomutat. 4. L-għotja ta’ €300 fis-sena lil dawk li għalqu l-75 sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom ser tkompli tingħata matul din is-sena wkoll. 5. Il-bonus li beda jitħallas kull sena lil numru ta’ persuni, l-aktar nisa li ma ħallsux biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għal pensjoni minima, mill-1 ta’ Jannar 2019 żdied b’€50. B’hekk dawk li kienu ħallsu aktar minn sena kontribuzzjoni iżda anqas minn 5 snin, il-bonus żdied għall-€200, filwaqt li l-bonus ta’ dawk li ħallsu aktar minn 5 snin kontribuzzjonijiet żdied għal €300 fis-sena. B’din il-miżura bbenefikaw madwar 12,500 persuna. 6. Tliet snin ilu konna daħħalna inċentiv sabiex persuni li jibqgħu jaħdmu minflok jirtiraw bil-pensjoni u b’hekk tiżdidilhom il-pensjoni tagħhom meta jagħlqu l-etaˋ ta’ 65 sena. Din kienet miftuħa għas-settur privat. Minn din is-sena, dan l-inċentiv ser jiġi estiż ukoll għall-persuni li jibqgħu jaħdmu mas-settur pubbliku, b’mod gradwali. Dan dejjem jekk ikun hemm talba mill-impjegat u l-kunsens ta’ min iħaddem. 7. Matul din is-sena, ser jingħataw ħlasijiet għall-anomaliji li setgħu nħolqu matul is-snin, minħabba tibdiliet fis-sistema tal-pensjonijiet, jew għal raġunijiet oħra. Għat-tielet sena konsekuttiva qed nallokaw €11 miljun ewro f’fondi, biex jiġu indirizzati dawn l-inġustizzji tal-imgħoddi, li jolqtu aktar minn 6,000 benefiċjarju jew l-eredi tagħhom. Matul din is-sena ser jiġi fi tmiemu l-proċess biex jitħallsu l-arretrati tal-pensjonijiet lill-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board jew l-eredi tagħhom. 8. Qed inwettqu fażi oħra tar-riforma fl-Assistenza għal Diżabilità, mibdija s-sena l-oħra u li kienet tinkludi l-introduzzjoni tal-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa, għall-persuni li assolutament ma jistgħux jaħdmu, u li dawn eventwalment jieħdu l-ekwivalenti tal-paga minima. Għaldaqstant, minn Jannar li għadda, l-pagament fil-ġimgħa ta’ din l-għajnuna żdied minn €140 għal €150 fil-ġimgħa. L-iskema ġiet estiża għal 600 persuna oħra billi barra l-indiċi ta’ Barthel li japplika għal persuni bi problemi ta’ mobilità, ser tintuża wkoll dik illi hi magħrufa bħala Tabelli għal Valutazzjoni ta’ Indeboliment. 9. Għal dawk il-ġenituri ta’ tfal li jsofru minn xi forma ta’ diżabilità fiżika jew mentali, għollejna mill-ġdid l-allowance li jitħallsu fil-ġimgħa. Minn din is-sena, r-rata ta’ din l-allowance ser terġa’ tiżdied b’€5 oħra għal €25 fil-ġimgħa. Madwar 1,400 tifel u tifla b’diżabilità u l-familji tagħhom qed jibbenefikaw minn din iż-żieda. 10. Tejjibna l-ħlasijiet lil dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani fid-djar tagħhom. Dan sar permezz tar-riforma fl-Allowance Miżjuda għal Carers, li telgħet għal €140 u kif ukoll l-Allowance għal Carers li telgħet għal €90. Minn Jannar li għadda, din l-eżenzjoni mit-test tal-mezzi bdiet tgħodd għaż-żewġ allowances. B’hekk aktar anzjani qed tingħatalhom il-possibilità li jibqgħu jgħixu f’darhom u fil-komunità, għax il-qraba li jieħdu ħsiebhom se jibdew jibbenefikaw huma wkoll. B’din il-miżura, anke persuni miżżewġa sal-età pensjonabbli li jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf mal-anzjan jew anzjana, ser jibdew ikunu eliġibbli għall-Allowance għall-Carers. Minn din is-sena, meta persuna tapplika sabiex tieħu ħsieb anzjan jew anzjana li jkunu laħqu l-età ta’ 85 sena, mhux ser tibqa’ ssir evalwazzjoni medika mill-bord multidixxiplinarju, u l-allowance titħallas awtomatikament jekk il-carer u l-anzjan jew anzjana jkunu jgħixu fl-istess dar. L-eżenzjoni mit-Test tal-Mezzi jgħodd ukoll għaż-żewġ benefiċċji. Tneħħiet ukoll l-Evalwazzjoni Medika u qed ikun hemm ħlas awtomatiku. 11. Persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb il-ġenituri u jirċievu l-Allowance Miżjuda għall-Carers jew l-Allowance għall-Carers, ser jibdew ikunu kkunsidrati bħala kap ta’ familja fil-kalkolu tal-Għajnuna Medika, dejjem jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi. 12. Bil-għan li titneħħa diskriminazzjoni li teżisti fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kapitlu 318), saret emenda biex persuni li kienu impjegati f’entità fejn il-Gvern kien is-sid jew kellu l-maġġoranza tal-ishma u aċċettaw li jibbenefikaw minn skema ta’ rtirar kmieni qabel l-1 ta’ Jannar tal-2008, ser ikunu jistgħu jgawdu minn titjib fil-pensjoni tagħhom. Dan ser ikun possibli, għaliex il-pensjoni tkun tista’ tinħadmilhom fuq is-snin li kienu jaħdmu fl-ażjenda tal-Gvern u mhux bil-fors fuq il-paġi li kellhom, wara li rtiraw kmieni minħabba proċess ta’ ristrutturar jew privatizzazzjoni tal-azjenda. S’issa l-providimenti tal-liġi kienu japplikaw biss għal dawk l-impjegati li rtiraw kmieni għar-raġunijiet imsemmija wara l-1 ta’ Jannar tal-2008. Minn din is-sena, dawn il-providimenti ser ikunu japplikaw ukoll għal dawk li rtiraw kmieni, wara l-1 ta’ Jannar 2003. 13. Minn din is-sena, żidna wkoll il-ħlas tal-Għajnuna Medika mhux kontributorja, b’€5.14ċ fil-ġimgħa, lil dawk il-persuni miżżewġa fejn hemm żewġ adulti li għandhom mard kroniku u li qed jirċievu din l-għajnuna. 14. Bħala tkomplija tar-riformi fil-benefiċċji mhux kontributorji li nieda dan il-Gvern, matul l-aħħar leġislatura, qiegħdin nintroduċu aktar miżuri ta’ fejda għall-persuni li jkunu jbatu mill-kundizzjoni bipolar, dipressjoni bi psikożi u kif ukoll mard terminali. Għaldaqstant, minn Jannar li għadda, dejjem jekk persuna tissodisfa l-kriterji tat-test tal-mezzi, l-eliġibilita` għal min ibati minn dawn il-kundizzjonijet, ġiet estiża wkoll għall-kapijiet ta’ familja u mhux biss għall-persuni ġuvintur u xebbiet, illi jkunu jgħixu ma’ ġenituri pensjonanti.