Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat/Ħ’Attard – Triq il-Belt Valletta – ilmenti u rapporti dwar qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru telenka r-rapporti u lmenti li daħlu dwar qtugħ ta' dawl fi Triq il-Belt Valletta, bejn ir-Rabat u Ħ'Attard, mill-1 ta' Settembru 2022 sa meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija (data, ħin, u b'liema mezz sar ir-rapport jew ilment)? Tista' wkoll tgħid meta sar kull intervent li sar biex id-dawl f'din it-triq jitranġa mill-1 ta' Settembru 2022 sa meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Marsaskala u Ħal Għaxaq – toroq bla dawl

Question

B’referenza għad-dawl maqtugħ f'diversi toroq madwar Marsaskala u Ħal Għaxaq, tista’ l-Ministru tgħid meta s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ dawl f’numru ta’ toroq madwar dawn il-lokalitajiet se tiġi għan-normal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onorevoli Intepellant jindika t-toroq li qed jirreferi għalihom.

Enemalta — rapporti ta' undervoltage jew overvoltage

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' undervoltage jew overvoltage rċeviet l-Enemalta mill-1 ta' Jannar tal-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u telenka wkoll il-lokalitajiet minn fejn saru r-rapporti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-20 ta’ Frar 2023, saru lill-Enemalta 1540 rapport dwar vultaġġ għoli li minnhom ġew riżolti 1180 rapport u saru 3258 rapport dwar vultaġġ baxx li minnhom ġew riżolti 2418 -il rapport. Dawn huma mifruxa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Bħalissa l-Enemalta għaddejja bi proġett ta’ 90 miljun ewro mifrux fuq sitt snin biex tindirizza l-problema ta’ varjazzjoni ta' vultaġġi. Fl-ewwel sena diġà saru ħafna xogħlijiet li kienu jinkludu fost oħrajn żieda ta’ 48 substations, tisħiħ fit-tliet Ċentri ta’ Distribuzzjoni, 80 feeders ġdid u tibdil ta’ mitt kilometru ta’ linji tal-elettriku. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 1472 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 13 ta' Marzu 2023 f'Seduta 98)

Kopja ta’ Kuntratt ta' persuna

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inkluż dokumenti addizzjonali għall-kuntratt, tindika x’perkaċċi, benefiċċji, allowances u salarji ħadet tul dawn l-aħħar ħames snin u tipprovdi wkoll kopja tal-assenjazzjoni jew kuntratt tagħha mal-aġenzija Infrastruttura Malta, inkluż il-grad tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-persuna li rrefera għaliha separatament kellha mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fi tmiem dan il-kuntratt din il-persuna waqgħet fuq il-grad ta’ Managing Professional u sussegwentement bdiet taqdi dmirijiet ma’ Infrastracture Malta taħt “loan agreement”. Dan il-ftehim, li qed inpoġġih ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra, jipprovdi biex il-persuna tieħu leave mingħajr ħlas mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sakemm iddum taqdi dmirijietha ma’ Infrastructure Malta. Fir-rigward ta’ kwalunkwe kuntratt li l-persuna għandha ma’ Infrastructure Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Enemalta – serq u tbagħbis ta’ meters

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 6005 u tgħid kemm-il dikjarazzjoni ta' serq u tbagħbis ta' meters daħlu għand l-Enemalta minn meta l-Gvern ħabbar maħfra lil min seraq l-elettriku? Tista' tagħti break down skont il-lokalità ta' fejn kienu jinsabu dawn il-meters? Tista' tgħid kemm-il dikjarazzjoni ġiet mingħand negozji u kemm minn djar residenzjali? Min kienu l-membri tal-kumitat li aċċettaw dawn id-dikjarazzjonijiet? Kemm kien l-ammont li l-Gvern irċieva minn dawn id-dikjarazzjonijiet? Min huma l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-Enemalta f'dawn il-każijiet u kemm qed jitħallsu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema skema qiegħed jirreferi peress li taħt amministrazzjonijiet differenti kien hemm diversi skemi li saru biex ikun kontrollat is-serq tal-elettriku. Infakkar lill-Onor. Membru li fl-2006 kienu ġew emendati r-regolamenti dwar il-provvista tal-elettriku sabiex ma jitteħdux passi kriminali jew ċivili kontra persuni li jinstab li bagħbsu l-arloġġi tal-elettriku u minflok seta’ jsir ftehim biex l-Enemalta tiġbor dak dovut lilha fuq stima tal-konsum flimkien ma’ multa.

San Pawl il-Baħar – xogħol marbut man-New Water

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6061 dwar in-New Water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija kollha u tgħid meta hu mistenni li x-xogħol kollu jiġi konkluż? Tista’ tieħu l-passi neċessarji biex tassigura li fejn diġà tqiegħdu l-pajpijiet, isir ix-xogħol u l-asfalt li baqa' qabel ma sseħħ xi traġedja fl-istess triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet marbutin man-New Water fi Triq Għajn Tuffieħa jinsabu għaddejjin u mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Marzu, fejn imbagħad Infrastructure Malta tkompli l-proġett bl-għoti tal-asfaltar. Il-korporazzjoni tkompli x-xogħol tan-New Water fl-inħawi tal-Imbordin bil-pjan li l-proġett komplut ikun magħluq sa Ġunju.

Fgura – Triq Hompesch — qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tara li tissewwa l-ħsara li qed tikkawża qtugħ spiss ta' dawl fi Triq Hompesch, bejn Triq is-Sur u Triq San Tumas in-naħa tal-Knisja Parrokkjali, fil-Fgura, li qed twassal biex spiss din il-parti tat-triq, inkluż iz-zuntier tal-knisja, ikunu fi dlam ċappa, b'periklu għall-anzjani li jiffrekwentaw il-knisja filgħaxija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żviluppat ħsara fil-feeder cable taħt l-art li jissupplixxi l-linji tal-elettriku tat-triq. Dawn it-tiswijiet tlestew nhar l-Erbgħa 15 ta’ Frar 2023.

Raħal Ġdid – dawl fit-toroq

Question

Tista' l-Ministru tara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa biex jerġa' jixgħel id-dawl tat-triq f'ħafna partijiet minn Raħal Ġdid, fiz-żona bejn il-Pjazza u Triq Lampuka, u minn Triq il-Knisja sa Wied Blandun? Tista' tara li tinstab il-kawża ewlenija tal-problema peress li mhux l-ewwel darba li kien hemm il-ħsara fl-istess żona, titranġa, u terġa' tinqala'?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li din il-ħsara ġiet rapportata lill-Enemalta mill-Kunsill Lokali fit-13 ta’ Frar 2023, din il-ħsara ġiet irranġata fl-14 ta’ Frar 2023.

Mellieħa – wesgħa għal żvilupp

Question

Peress li l-wesgħa li tinsab bejn Triq is-Sagħtar, Triq il-Miġħba u Triq in-Narċis fil-Mellieħa, li hija fil-qalba ta’ żona residenzjali, fl-aħħar jiem inħarġet b’offerta mill-Awtorità tal-Artijiet b’intenzjoni ċara li tiġi żviluppata f’aktar bini, tista’ l-Ministru tara li tittieħed minn Project Green (b’konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa) sabiex isir proġett għat-tgawdija tal-komunità Melliħija?.

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green diġà għaddejja b’konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati sabiex isir proġett fil-Mellieħa għat-tgawdija tal-komunità Melliħija.

Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6174, tista' l-Ministru tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta marru fuq il-post kull meta l-persuna inkwistjoni għamlet rapport u li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet u l-interventi meħtieġa.

Naxxar – bini ta’ distribution centre tal-elettriku

Question

B'referenza għall-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar bir-referenza PA/03172/22 għall-bini ta' distribution centre tal-elettriku fin-Naxxar, tista' l-Ministru tgħid jekk kinux ikkonsidrati siti oħrajn għal dan id-distribution centre? Jekk iva, liema kienu u x'inhi r-raġuni għala ma ntgħażlux?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li deċiżjoni dwar bini ta’ Ċentru ta’ Distribuzzjoni tittieħed fuq diversi kunsiderazzjoni tekniċi. Kif ġie spjegat f’PQ 6268, in-Naxxar għandu 35 substation kollha li huma mqabbda ma' tliet ċentri tad-distribuzzjoni tal-Mosta, Buġibba u St Andrews. In-Naxxar huwa teknikament l-aktar post ideali li ġie identifikat biex jinbena Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid li jkun jaqdi prinċipalment lil-lokalità u lokalitajiet iżgħar fil-qrib.

Marsaskala – toroq mingħajr dawl

Question

Tista' l-Ministru tara li tissewwa l-ħsara li qed tikkawża biex Triq in-Nadur kollha (minn triq il-Gardiel sal-Pharmacy); Triq Vittorio Cassar kollha; Triq il-Granmastri; Triq is-Salini (minn Triq is-Sajjieda sal-eks Jerma Palace Hotel); Dawret it-Torri kollha u Triq Philipe De Vendome u oħrajn fil-madwar, f'Marsaskala, ma jibqgħux fid-dlam?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsarat fit-toroq imsemmija f’Marsaskala kienu kkawżati bħal ħafna ħsarat oħra mill-maltemp. Ninsab infurmata li l-Enemalta fit-18 ta’ Frar għamlet it-tiswijiet tal-ħsarat li wħud minnhom kienu intermittent li jfisser li l-ħsara tkun hemm għall-mument. Fi Triq Vittorio Cassar instabet demarcation box tal-Kunsill Lokali li kienet maħruqa minħabba li daħal fiha l-ilma tax-xita. Din ġiet skonnettjata u s-circuit inxtegħel. Parti mill-ħsara fi Triq is-Salini għadha qed tiġi investigata biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.

Marsaxlokk – Floating Storage Unit – ċertifikazzjoni tal-jetty

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni tal-jetty li jintrabat miegħu l-Floating Storage Unit (Armada LNG Mediterrana) f'Marsaxlokk meta jkun qed iforni l-gass għall-użu tal-power stations?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Belt Valletta – Triq Marsamxett – Proġett/i taħt l-Iskema Project Green

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti u r-renders relattivi għall-proġett/i taħt l-Iskema 'Project Green' li hemm ippjanat li jsir/u għal Triq Marsamxett, il-Belt Valletta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green hija Aġenzija tas-Settur Pubbliku u mhux skema. Ninfurmah ukoll li, fil-preżent, l-aġenzija msemmija m’għandha l-ebda pjanijiet għaż-żona li qed jirreferi għaliha.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — ħaddiema taċ-ċivil - vacation leave

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru tagħha għad għandhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar tas-sena li għaddiet, fil-Ministeru, kien hemm mija u sebgħin uffiċjal pubbliku li kien fadlilhom vacation leave mhux użat. F’kull każ ingħatat l-awtorizzazzjoni meħtieġa li l-leave li ma laħaqx ittieħed ikun trasferit għas-sena 2023 dejjem fil-kwadru tal-kriterji u regolamenti applikabbli.

Rabat — Triq il-Maltin Internati u Eżiljati – rijabilitazzjoni tal-wied

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'se jsir biex jiġi rijabilitat il-wied fil-ġenb ta' Triq il-Maltin Internati u Eżiljati bejn ir-Rabat, l-Imtarfa u l-Imdina, fejn sar abbuż minn xi nies u ntrema terrapien? Tista’ tgħid min se jkun qed iħallas għal dan l-isfreġju li sar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fir-rigward tar-riabilitazzjoni tal-wied imsemmi fil-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 5709 fejn kont spjegajt li wara x-xhur tax-xitwa, minn dan il-wied hu ppjanat li jitneħħew speċi aljeni u invażivi filwaqt li jsir tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni. Min-naħa l-oħra nifhem li l-“abbuż” u t-“terrapien” li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant huma dawk li dwarhom ittieħdet azzjoni minn awtorità oħra li ma taqax taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża; għaldaqstant nitolbu jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

REWS – direttiva mill-Ministru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-proċess f’każ fejn hi tagħti direttiva bil-miktub ta’ xorta ġenerali skont l-artikolu 7(1) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545, u din id-direttiva ma tiġix segwita mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) peress li r-REWS ikun iqis li din timpinġi fuq l-indipendenza tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-provvedimenti tal-artikolu 7(1) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (Kap. 545) huma ċari ħafna: ċjoè li l-Ministru tista’ tagħti direttivi “bil-miktub”, “ta’ xorta ġenerali”, “li jkunu jidhrulu li jolqtu l-interess pubbliku”, “li ma jkunux relatati mas-setgħat regolatorji tar-Regolatur” u “li ma jkunux inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet” tal-Att, u min-naħa tiegħu ir-Regolatur għandu jġib fis-seħħ id-direttivi tal-Ministru b’tali mod li jirrispetta l-funzjonijiet tiegħu skont il-liġi biex “is-setgħat regolatorji indipendenti tar-Regolatur ma jkunu bl-ebda mod preġudikati.” Kull relazzjoni mar-Regolatur hi regolata mill-Kap. 545.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – miżuri favur l-ambjent

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri favur l-ambjent ħadet fid-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma favur l-ambjent hija prijorità ewlenija tal-Ministeru tiegħi u tal-Gvern inġenerali. Il-miżuri mwettqa huma bosta u jvarjaw; fost l-oħrajn dawn jinkludu miżuri relatati mat-tibdil fil-klima, it-tħaddir, ir-riabilitazzjoni ta’ siti protetti, l-immaniġġar tal-iskart, l-effiċjenza f’infrastrutturi varji, mhux l-inqas fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma, l-investimenti f’oqsma ta’ enerġija aktar nadifa, l-intrapriża, s-sostenibbiltà, u l-baħar. F’dan il-kuntest nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu. Sadanittant nirreferih ukoll għall-pubblikazzjoni dwar it-twettiq li ħareġ is-Servizz Pubbliku f’Ottubru li għadda; għalkemm ma tirreferix għal ħidma kollha li wettaq il-Ministeru, f’din il-pubblikazzjoni wieħed jista’ jsib sommarju tal-miżuri ewlenin li twettqu.

Karozzi tal-elettriku — chargers b'xejn

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4785 kollha kemm hi u tgħid kemm hemm chargers għall-karozzi tal-elettriku f'Għawdex li huma b'xejn (fejn min jużahom ma jħallasx) u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 4785 li hija ċara u li tindika li dawn il-carports qegħdin f’Ta’ Xbiex, Marsa u Ċirkewwa u allura mhux f’Għawdex.

Ix-Xewkija – Triq Ħamet, Triq ir-Rabat u Triq Ta’ Xħajma – resurfacing ta’ trinek

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4767, tista' l-Ministru tgħid meta hu skedat (xahar u sena) li jsir ir-resurfacing tat-trinek kollha tal-Junction tat-Triq ta Ħamet fix-Xewkija, ta' Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma fin-Nadur, u dan wara li saru trinek f'din it-triq diversi xhur ilu u sal-lum għadhom bil-wiċċ tal-konkos? Ma taħsibx li triq arterjali li jkollha parti minnha bil-konkos hija ta' periklu serju għas-sewwieqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija xogħlijiet se jitkomplew fil-ġimgħat li ġejjin dejjem jekk it-temp jippermetti.